Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Kura tas-saħħa f’pajjiżi oħra tal-UE — id-drittijiet tal-pazjenti

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Kura tas-saħħa f’pajjiżi oħra tal-UE — id-drittijiet tal-pazjenti

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom pazjent jista’ jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor tal-UE biex jirċievi kura medika ta’ kwalità għolja u jkollu l-ispiża rimborsata bl-iskema ta' assigurazzjoni tas-saħħa tiegħu stess.
  • Hija tinkoraġġixxi wkoll kooperazzjoni bejn is-sistemi tas-saħħa nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiż tal-UE li jipprovdi l-kura għandu jiżgura li:
    • l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-pazjenti li jagħmlu għażla infurmata,
    • jeżistu proċeduri ta’ preżentazzjoni ta' ilmenti trasparenti,
    • assigurazzjoni ta’ responsabbiltà professjonali jew garanziji simili huma fis-seħħ,
    • il-privatezza tad-dejta personali tiġi rispettata,
    • il-pazjenti jkollhom aċċess għal rekord bil-miktub jew elettroniku tal-kura li jirċievu,
    • il-miżati tal-kura tas-saħħa mitluba huma l-istess bħal dawk għal pazjenti domestiċi.
  • Il-pajjiż tal-UE fejn il-pazjent huwa assigurat irid jiżgura li:
    • l-ispiża tal-kura tas-saħħa pprovduta tiġi rimborsata,
    • informazzjoni dwar id-drittijiet tal-pazjent u intitolamenti hija disponibbli,
    • il-pazjenti jkollhom aċċess għal kwalunkwe trattament ta’ segwitu mediku li jista’ jkun meħtieġ,
    • il-pazjenti jkollhom aċċess għar-rekords mediċi tagħhom.
  • Jeżistu punti ta’ kuntatt nazzjonali biex jipprovdu informazzjoni u biex jikkonsultaw mal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u mal-fornituri u mal-assiguraturi tal-kura tas-saħħa.
  • Il-fornituri tal-kura tas-saħħa jagħtu informazzjoni lill-pazjenti inklużi dawn li ġejjin:
    • għażliet ta’ kura,
    • disponibbiltà,
    • il-kwalità u s-sikurezza tal-kura tas-saħħa li jipprovdu,
    • prezzijiet,
    • awtorizzazzjoni jew status ta’ reġistrazzjoni.
  • Il-pajjiż tal-pazjent għandu jirrimborsa l-ispejjeż tal-kura skont l-iskali li japplika domestikament. Tista’ tiddeċiedi wkoll li tirrimborsa l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni.
  • Pazjent jista’ jintalab awtorizzazzjoni minn qabel minn pajjiżu stess qabel ma jmur għall-kura barra. Dan jista’ jkun meħtieġ jekk il-kura medika tinvolvi minn tal-inqas lejl wieħed l-isptar u/jew l-użu ta’ tagħmir mediku speċjalizzat ħafna u kost-intensiv, jew jekk hija ta’ riskju partikolari għall-pazjent jew għall-popolazzjoni.
  • Awtorità nazzjonali tista’ tirrifjuta li tagħti awtorizzazzjoni minn qabel jekk tikkunsidra li tkun tista’ tipprovdi lill-pazjent bil-kura tas-saħħa meħtieġa f’limitu ta’ żmien li huwa medikament ġustifikabbli.
  • Talbiet għal kura medika f’pajjiż ieħor fl-UE għandhom jiġu indirizzati f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
  • Riċetti minn tobba maħruġa f’pajjiż partikolari tal-UE huma validi f’ieħor.
  • L-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali għandhom jikkoperaw flimkien fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u fl-iżviluipp ta’ netwerks ta’ referenza Ewropej bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa u ċ-ċentri ta’ ħila esperta.
  • Il-kooperazzjoni testendi għall-indirizzar ta’ mard rari, l-iżvilupp ta’ saħħa elettronika u l-evalwazzjoni ta’ teknoloġija tas-saħħa ġdida.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tkoprix kura fit-tul, allokazzjoni ta’, u aċċess għall-organi jew tilqim.
  • Id-direttiva ma taffettwax kif il-pajjiżi tal-UE jorganizzaw u jiffinanzjaw is-sistemi ta’ saħħa nazzjonali tagħhom għaċ-ċittadini tagħhom stess.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tipproduċi rapport kull 3 snin dwar il-mod ta’ kif is-sistema qed taħdem u kif topera d-direttiva. L-ewwel rapport ġie adottat f’Settembru 2015.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Daħlet fis-seħħ fl-24 ta' April 2011. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-25 ta' Ottubru 2013.

SFOND

Ir-raġuni għala r-regoli għall-kura tas-saħħa transkonfinali kellhom bżonn jiġu ċċarati hi li dawn kienu ġew żviluppati abbażi ta’ deċiżjonijiet individwali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq perjodu ta’ aktar minn 10 snin. Id-direttiva ġiet ippreżentata speċifikament biex tiċċara d-drittijiet għall-kura tas-saħħa li jirriżultaw minn deċiżjonijiet tal-Qorti bbażati fuq l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u biex tippermetti li dawn id-drittijiet jintużaw fil-prattika. Id-direttiva għandha l-għan li tiċċara r-relazzjoni bejn ir-regoli tagħha dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali u l-qafas eżistenti pprovdut mir-Regolament (KE) 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Kura transkonfinali: qafas legiżlattiv

ATT

Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45–65)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2011/24/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Direttiva ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/52/UE tal-20 ta' Diċembru 2012 li tistabbilixxi miżuri li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent ta' preskrizzjonijiet mediċi maħruġa fi Stat Membru ieħor (ĠU L 356, 22.12.2012, p. 68–70)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Rapport tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tad-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (COM(2015) 421 final tal-4.9.2015)

Deċiżjoni ta' Delega tal-Kummissjoni 2014/286/UE tal-10 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet li jridu jissodisfaw in-Netwerks Ewropej ta' Referenza u l-provdituri tal-kura tas-saħħa li jixtiequ jingħaqdu ma' dawn in-Netwerks Ewropej ta' Referenza (ĠU L 147, 17.5.2014, p. 71-78)

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE tal-10 ta' Marzu 2014 li tistipula kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks Ewropej ta' Referenza u l-Membri tagħhom u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u ta' għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni ta' netwerks bħal dawn (ĠU L 147, 17.5.2014, p. 79-87)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/890/UE tat-22 ta' Diċembru 2011 li tipprovdi r-regoli għall-istabbiliment, għall-ġestjoni u għall-funzjonament tan-Netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-Saħħa elettronika (ĠU L 344, 28.12.2011, p. 48-50)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/329/UE tas-26 ta' Ġunju 2013 li tipprevedi r-regoli għat-twaqqif, il-maniġment u l-funzjonament trasparenti tan-Netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali jew il-korpi responsabbli għall-evalwazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa (ĠU L 175, 27.6.2013, p. 71-72)

l-aħħar aġġornament 18.01.2016

Top