Help Print this page 
Title and reference
L-eCall timmira li tħaffef ir-rispons mis-servizzi tal-emerġenża lill-vittmi ta’ aċċidenti tat-traffiku

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

L-eCall timmira li tħaffef ir-rispons mis-servizzi tal-emerġenża lill-vittmi ta’ aċċidenti tat-traffiku

L-eCall tiġi attivata awtomatikament hekk kif is-sensers installati abbord il-vettura jidentifikaw ħabta serja, billi tibgħat dettalji tal-aċċident lis-servizzi tal-emerġenza sabiex ikunu jistgħu jipprovdu assistenza lis-sewwieqa u l-passiġġieri tal-vetturi aktar malajr.

ATT

Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI) fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport.

SOMMARJU

L-għan tal-eCall huwa li tipprovdi assitenza rapida lill-okkupanti ta’ vettura li tkun involuta f’aċċident serju fi kwalunkwe pajjiż fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Islanda, fin-Norveġja u fl-Isvizzera.

L-eCall tiġi attivata awtomatikament hekk kif is-sensuri installati abbord il-vettura jidentifikaw ħabta serja. Ladarba tiġi attivata, is-sistema tagħmel kuntatt man-numru ta’ emerġenza Ewropew 112, tistabbilixxi kollegament telefoniku mal-aktar ċentru telefoniku ta’ emerġenza xieraq u tibgħat id-dettalji tal-aċċident lis-servizzi ta' salvataġġ, inkluż il-ħin tal-aċċident, il-pożizzjoni preċiża tal-vettura involuta fil-ħabta u d-direzzjoni tal-ivvjaġġar (importanti b’mod partikolari għall-aċċidenti li jsiru fl-awtostradi u fil-mini). L-eCall tista’ wkoll tiġi attivata b’mod manwali billi tingħafas buttuna fil-karozza, pereżempju, minn xhud ta’ aċċident serju. Għaldaqstant, ftit wara l-aċċident, is-servizzi ta’ emerġenza jsiru jafu li kien hemm aċċident u l-post preċiż fejn seħħ l-aċċident.

Id-dejta riċevuta permezz tas-sistema tal-eCall għandha tippermetti lis-servizzi ta’ emerġenza jipprovdu assistenza lis-sewwieqa u l-passiġġieri tal-vetturi aktar malajr u b'hekk jgħinu biex isalvaw il-ħajjiet u jikkuraw il-korrimenti fil-pront. Estimi li saru jissuġġerixxu li l-eCall tista’ tħaffef iż-żmien tar-rispons ta’ emerġenza b’40% fiż-żoni urbani u b’50% fil-kampanja, filwaqt li ssalva sa 2,500 ħajja kull sena.

Minbarra l-benefiċċji tas-sigurtà fit-toroq, l-eCall ser ikollha wkoll impatt sinjifikanti fuq it-tnaqqis tal-konġestjoni kkawżata mill-aċċidenti tat-traffiku u fuq it-tnaqqis ta’ aċċidenti sekondarji kkawżati minn siti ta’ aċċidenti mhux siguri. Huwa mistenni wkoll li t-tagħmir fil-vetturi introdott permezz tal-eCall ikun jista’ jintuża għal servizzi ta’ emerġenza addizzjonali oħrajn u/jew għal servizzi b’valur miżjud, b’mod parallel jew abbażi tas-sistema eCall installata abbord il-vettura u bbażata fuq in-numru ta’ emerġenza 112.

Id-direttiva 2010/40/UE tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI) fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport identifikat il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha (art. 3 d) bħala waħda mis-sitt azzjonijiet ta’ prijorità li għalihom ser ikollhom jiġu elaborati speċifikazzjonijiet vinkolanti (Art. 6).

REFERENZI

Att

Dħul fis-Seħħ

L-iskadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2010/40/UE

26.8.2010

27.02.2012

ĠU L 207 tas- 6.8.2010

Atti ddelegati

Dħul fis-Seħħ

L-iskadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru. 305/2013 iddelegat mill-Kummissjoni

23.4.2013

23.4.2013Dispożizzjonijiet dwar servizz ta’ informazzjoni li diġà ġie varat fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament: 23.4.2014

ĠU L 91 tat-3.4.2013

ATTI RELATATI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-varar tas-sistema eCall installata abbord il-vetturi u l-emendar tad-Direttiva 2007/46/KE. (COM(2013)0316 final tat-13.6.2013 - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar tal-eCall interoperabbli fl-UE kollha. (COM(2013)0315 final tat-13.6.2013)

F'Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ proposti sabiex tiżgura li, sa Ottubru 2015, il-karozzi jikkuntattjaw lis-servizzi ta’ emerġenza awtomatikament fil-każ ta’ ħabta serja. Dan l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni għandu jiżgura li, minn Ottubru 2015, il-mudelli ġodda kollha ta' karozzi tal-passiġġieri u vetturi ħfief ikunu mgħammra bl-eCall 112 u tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa sabiex tirċievi u timmaniġġja kif xieraq l-eCalls fiċ-ċentri ta’ rispons għas-sejħiet ta’ emerġenza - bil-għan li jiġu żgurati l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz tal-eCall fl-UE kollha.

Ladarba dawn il-proposti jiġu approvati mill-Kunsill u mill-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda timmira li sal-2015 ikollha servizz tal-eCall kompletament funzjonali fis-seħħ f’kull parti tal-UE (kif ukoll fl-Islanda, fin-Norveġja u fl-Isvizzera).

L-aħħar aġġornament: 24.01.2014

Top