L-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)
SOMMARJU TA’:
Id-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)
Id-Deċiżjoni 2009/449/KE dwar l-għażla ta’ operaturi ta’ sistemi pan-Ewropej li jipprovdu MSS
Id-Deċiżjoni 2007/98/KE dwar l-użu armonizzat tal-ispektrum ta’ frekwenzi tar-radju fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu MSS
Id-Deċiżjoni 2011/667/UE dwar il-modalitajiet għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli dwar l-infurzar fir-rigward ta’ MSS
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET?
- Dawn għandhom l-għan li jiffaċilitaw suq intern kompetittiv għas-servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) u li jiżguraw kopertura gradwali kullimkien fl-UE.
- Dawn jistabbilixxu proċedura tal-għażla tal-operaturi MSS fil-livell tal-UE u regoli ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-operaturi MSS li għandhom jiġu applikati mill-pajjiżi tal-UE, bil-għan ġenerali li l-ispettru tar-radju jintuża b’mod effettiv.
PUNTI EWLENIN
Is-sistemi mobbli permezz tas-satellita huma ddefiniti bħala netwerks ta’ komunikazzjoni elettroniċi u l-faċilitajiet assoċjati tagħhom li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ radjukomunikazzjoni:
- bejn stazzjon terrestri mobbli u stazzjonijiet spazjali tas-satellita; jew
- bejn stazzjonijiet terrestri mobbli, bl-użu ta’ komunikazzjoni permezz ta’ stazzjonijiet spazjali tas-satellita; jew
- bejn stazzjon terrestri mobbli u komponenti komplementari bbażati fuq l-art b’lok fiss* (permezz ta’ komunikazzjoni ma’ tal-inqas stazzjon spazjali tas-satellita wieħed).
Id-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tistabbilixxi proċeduri tal-għażla u tal-awtorizzazzjoni.
Proċedura tal-għażla
- Il-proċedura tal-għażla għall-operaturi MSS hija organizzata mill-Kummissjoni Ewropea, megħjuna mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni. Is-sejħiet għall-offerti huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
- Id-deċiżjoni tistabbilixxi proċedura tal-għażla tal-operaturi MSS fil-livell tal-UE u regoli ta’ awtorizzazzjoni komuni li għandhom jiġu applikati mill-pajjiżi tal-UE għall-użu tal-medda ta’ frekwenza ta’ 2 GHz, li tinkludi radjuspettru: minn 1980 sa 2010 MHz għal komunikazzjoni mill-art għas-satellita, u 2170 sa 2200 MHz għal komunikazzjoni mis-satellita għall-art, f’konformità mad-Deċiżjoni 2007/98/KE.
- L-operaturi li ssottomettew applikazzjoni għandhom ikunu stabbiliti fl-UE, u jidentifikaw l-ispettru tar-radju mitlub, li ma għandux ikun aktar minn 15 MHz għal kull direzzjoni ta’ komunikazzjoni. L-applikanti għandhom ukoll jimpenjaw ruħhom li:
- ikopru erja ta’ servizz ta’ mill-inqas 60 % tal-erja tal-art aggregata tal-pajjiżi tal-UE, minn meta tibda l-provvista tal-MSS;
- jagħmlu l-MSS disponibbli fil-pajjiżi kollha tal-UE u lil tal-inqas 50 % tal-popolazzjoni u lil mhux inqas minn 60 % tal-erja tal-art aggregata ta’ kull pajjiż tal-UE sa mhux aktar minn 7 snin mill-għażla.
- Il-proċedura tal-għażla tinkludi l-valutazzjoni kemm tal-kapaċitajiet tekniċi u kummerċjali tal-applikanti kif ukoll il-kwalità teknika u kummerċjali tal-MSS offrut.
- Il-Kummissjoni tippubblika l-lista ta’ operaturi magħżula li mbagħad għandhom jiksbu awtorizzazzjoni fil-livell nazzjonali.
Awtorizzazzjoni
- Il-pajjiżi tal-UE jiggarantixxu lill-operaturi magħżula d-dritt li jużaw il-frekwenzi tar-radju għall-MSS, soġġett għall-kundizzjonijiet li jinkludu:
- li jiġu segwiti stadji importanti rigward l-akkoppjament tas-satelliti (integrazzjoni tal-moduli ta’ komunikazzjoni u servizz) u t-tnedija, il-koordinazzjoni tal-frekwenzi u l-provvista ta’ MSS fit-territorji tal-pajjiżi tal-UE fuq perjodu ta’ sentejn wara l-għażla tagħhom;
- l-operaturi magħżula għandhom jonoraw l-impenji li jagħmlu matul il-proċedura ta’ għażla u jipprovdu rapport annwali lill-awtoritajiet nazzjonali;
- id-drittijiet ta’ użu u l-awtorizzazzjonijiet jingħataw għal 18-il sena mid-data tal-għażla.
- Il-pajjiżi tal-UE joħorġu wkoll awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ komponenti komplementari bbażati fuq l-art.
Id-Deċiżjoni 2009/449/KE tistabbilixxi dan li ġej:
- ICO Satellite Limited u TerreStar Europe Limited mhumiex eliġibbli għal allokazzjoni ta’ spettru tar-radju (peress li ma wrewx il-livell meħtieġ ta’ żvilupp tekniku u kummerċjali tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita rispettivi tagħhom u ma għandhomx ikunu applikanti eliġibbli);
- Inmarsat Ventures Limited intgħażlet għall-ispettru tar-radju minn 1980 sa 1995 MHz għal komunikazzjonijiet mid-dinja għall-ispazju u minn 2170 sa 2185 MHz għal komunikazzjonijiet mill-ispazju għad-dinja;
- Solaris Mobile Limited intgħażlet għall-ispettru tar-radju minn 1995 sa 2010 MHz għal kumunikazzjonijiet mid-dinja għall-ispazju u minn 2185 sa 2200 MHz għal komunikazzjonijiet mill-ispazju għad-dinja.
Id-Deċiżjoni 2007/98/KE tistabbilixxi dan li ġej:
- Il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħżlu meded ta’ frekwenza 1980 sa 2010 MHz u 2170 sa 2200 Mhz għall-MSS;
- kwalunkwe użu ieħor ta’ dawn il-meded ma għandux jikkawża interferenza dannuża u ma tista’ ssir l-ebda pretensjoni minħabba interferenza dannuża kkawżata minn MSS;
- kwalunkwe stazzjon komplementari bbażat fuq l-art huwa parti integrali mill-MSS u għandu jkun ikkontrollat mill-istess sistema. Dan għandu juża l-istess direzzjoni ta’ trażmissjoni u l-istess partijiet ta’ meded ta’ frekwenza bħall-komponenti tas-satellita assoċjati.
Id-Deċiżjoni 2011/667/UE tistabbilixxi kif il-pajjiżi tal-UE jikkoordinaw ir-rispons tal-infurzar fil-każ ta’ allegat ksur tal-kundizzjonijiet komuni tal-awtorizzazzjoni tal-operatur MSS.
META DAĦLU FIS-SEĦĦ ID-DEĊIŻJONIJIET?
- Id-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE ilha tapplika mit-2 ta’ Lulju 2008. L-emendi, inklużi r-regoli u d-dispożizzjonijiet riveduti tal-kumitati għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni biex jissaħħu r-regoli ta’ infurzar, ilhom japplikaw mis-26 ta’ Lulju 2019.
- Id-Deċiżjoni 2009/449/KE ilha tapplika mit-12 ta’ Ġunju 2009.
- Id-Deċiżjoni 2007/98/KE ilha tapplika mill-14 ta’ Frar 2007.
- Id-Deċiżjoni 2011/667/UE ilha tapplika mill-11 ta’ Ottubru 2011.
SFOND
- Id-Direttiva 2002/21/KE (ara s-sommarju) ġiet introdotta biex jinħoloq suq intern għall-MSS miftuħ għall-kompetizzjoni u biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi diġitali billi tittejjeb b’mod progressiv il-kopertura f’żoni inqas żviluppati tal-UE. Il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (id-Direttiva (UE) 2018/1972) tħassru mill-21 ta’ Diċembru 2020.
- Id-deċiżjonijiet isegwu l-linji gwida fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2007 Lejn Politika Ewropea dwar il-Politika tal-Ispettru tar-Radju li enfasizzat l-importanza tad-diffużjoni tal-broadband, il-komunikazzjoni mobbli u t-teknoloġiji mingħajr fili ġodda fl-ilħuq ta’ kopertura universali fl-UE. Is-servizzi pan-Ewropej permezz tas-satellita jippermettu wkoll l-espansjoni tal-kopertura ġeografika tal-broadband f’konformità mal-inizjattiva i2010.
- Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Komponenti komplementari bbażati fuq l-art ta’ MSS: stazzjonijiet fissi bbażati fuq l-art iddisinjati biex itejbu d-disponibbiltà tal-MSS fiż-żoni ġeografiċi koperti mis-satellita/satelliti tas-sistema, fejn il-komunikazzjonijiet mal-istazzjonijiet spazjali tas-satellita jaf ma jkollhomx il-kwalità meħtieġa.
DOKUMENTI EWLENIN
Id-Deċiżjoni Nru 626/2008/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (ĠU L 172, 2.7.2008, pp. 15-24)
L-Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/449/KE tat-13 ta’ Mejju 2009 dwar l-għażla ta’ operaturi ta’ sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (ĠU L 149, 12.6.2009, pp. 65-68)
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/98/KE tal-14 ta’ Frar 2007 dwar l-użu armonizzat tal-ispektrum ta’ frekwenzi tar-radju fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli (ĠU L 43, 15.2.2007, pp. 32-34)
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/667/UE tal-10 ta’ Ottubru 2011 dwar il-modalitajiet għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli dwar l-infurzar fir-rigward ta’ servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 265, 11.10.2011, pp. 25-27)
DOKUMENTI RELATATI
Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (ĠU L 321, 17.12.2018, pp. 36-214)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (ĠU L 108, 24.4.2002, pp. 1-6)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, pp. 33-50)
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 28.02.2020