Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Kundizzjonijiet tas-suq ġusti għall-handsets tat-telefon u għal tagħmir ieħor tal-komunikazzjoni

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Kundizzjonijiet tas-suq ġusti għall-handsets tat-telefon u għal tagħmir ieħor tal-komunikazzjoni

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2008/63/KE dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet

X'INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tifaħ is-swieq tat-tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet* għall-kompetizzjoni.
  • Hija għandha wkoll l-għan li ttejjeb l-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi dwar tagħmir differenti biex tippermetti lill-utenti jibbenefikaw mill-progress teknoloġiku u jagħmlu għażliet infurmati bħala konsumaturi.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jagħtu drittijiet speċjali jew esklussivi b’rabta mal-importazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, il-konnessjoni, id-dħul fis-servizz jew il-manutenzjoni tat-tagħmir terminali tat-telekomunikazzjoni.
  • Il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jirrifjutaw il-konnessjoni ta’ tagħmir terminali man-netwerk pubbliku tat-telekomunikazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta’ tagħmir satellitarju bi stazzjon fuq l-art* f’pajjiżhom, sakemm dan it-tagħmir ma jkunx tali li ma jissodisfax ċerti rekwiżiti essenzjali.
  • Mit-13 ta' Ġunju 2016, ir-rekwiżiti ta' sikurezza u kompatibbiltà elettromanjetika għat-tagħmir terminali tar-radju huma stabbiliti fid-Direttiva 2014/53/UE (u kwalunkwe att delegat adottat b'mod ulterjuri għal din id-direttiva) li tipprovdi perjodu tranżitorju ta' sena.
  • Ir-rekwiżiti ta' sikurezza għal tagħmir terminali b'linja fissa (mhux tar-radju), skont il-karatteristiċi, huma stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx (2014/35/EU). Jekk it-tagħmir ikollu vultaġġ nominali ta' bejn 50 u 1000 V għall-kurrent alternat jew bejn 75 u 1500 V għall-kurrent dirett, ir-rekwiżiti għall-kompatibbiltà elettromanjetika huma stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kompatibbiltà Elettromanjetika (2014/30/UE)
  • Biex l-utenti jkun jista' jkollhom aċċess għat-tagħmir terminali tal-għażla tagħhom, huwa meħtieġ ukoll li wieħed ikun jaf il-karatteristiċi tal-punti tal-interface tan-netwerk pubbliku li miegħu għandu jkun konness (direttament jew indirettament) it-tagħmir terminali, u li dawn isiru trasparenti. Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-operaturi jippubblikaw dawn il-karatteristiċi u li l-utenti jkollhom aċċess għall-punti tal-interface tan-netwerk pubbliku.
  • Il-korpi fdati bil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, maħtura mill-pajjiżi tal-UE, għandhom ikunu indipendenti mill-organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati li joffru prodotti u/jew servizzi fis-settur tat-telekomunikazzjoni.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din id-Direttiva ilha tapplika mill-11 ta' Lulju 2008. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali sat-8 ta' Awwissu 1995, id-data indikata fid-Direttiva 88/301/KEE, li ġiet ikkodifikata* mid-Direttiva 2008/63/KE.

SFOND

Din id-direttiva kienet tirrappreżenta l-ewwel fażi ta’ politika biex jiġu liberalizzati s-swieq tat-telekomunikazzjoni u li wasslet għal-liberalizzazzjoni kompleta ta’ dawn is-swieq fl-1 ta’ Jannar 1998.

* TERMINI EWLENIN

Tagħmir terminali: tagħmir direttament jew indirettament imqabbad mal-interface ta’ netwerk pubbliku tat-telekomunikazzjoni maħsub biex jibgħat, jipproċessa jew jirċievi l-informazzjoni, inkluż tagħmir satellitarju bi stazzjon fuq l-art.

Tagħmir satellitarju bi stazzjon fuq l-art: tagħmir li jista' jintuża għat-trasmissjoni biss (“jittrasmetti biss”), għar-riċezzjoni biss (“jirċievi biss”) jew għat-trasmissjoni u r-riċezzjoni (“jittrasmetti/jirċievi”) ta’ sinjali ta’ komunikazzjoni bir-radju permezz ta’ satelliti jew sistemi oħrajn ibbażati fl-ispazju.

Kodifikazzjoni: att legali ġdid li jissostitwixxi att ieħor li ġie emendat b'mod sostanzjali. Dan l-att il-ġdid jippreserva r-regoli fl-att li qed jiġi kkodifikat u b'hekk jgħaddi mill-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet malajr permezz ta' proċedura aċċellerata.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet (verżjoni kodifikata) (ĠU L 162, 21.6.2008, p. 20-26)

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (riformulazzjoni) (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79–106)

Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357–374)

Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62–106)

l-aħħar aġġornament 14.11.2016

Top