EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Materjali u oġġetti tal-plastik f’kuntatt mal-ikel

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) Nru 10/2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel

SOMMARJU

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

  • Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik li jiġu f’kuntatt mal-ikel jistgħu jittrasferixxu sustanzi tossiċi fih u jistgħu jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-bniedem.
  • Ir-regolament jintroduċi limiti ta’ migrazzjoni* għal sustanzi li jintużaw f’tali imballaġġ u jistabbilixxi kundizzjonijiet għall-użu tagħhom sabiex tiġi żgurata s-sikurezza fl-ikel.
  • Huwa jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt mal-ikel. Dawn ir-rekwiżiti jissupplimentaw ir-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 dwar materjali u oġġetti użati għall-imballaġġ tal-ikel.
  • Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik u partijiet minnhom jistgħu jkunu magħmula:
    • esklussivament mill-plastik;
    • minn diversi saffi ta’ plastik; jew
    • minn plastiks ikkombinati ma’ materjali oħrajn.
  • Ir-regolament ma japplikax għal reżina ta’ skambju joniku, lasktu jew silikoni.

PUNTI EWLENIN

Sustanzi awtorizzati

  • Ir-regolament jelenka s-sustanzi li jistgħu jintużaw intenzjonalment fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik. Il-lista tinkludi:
    • monomeri;
    • addittivi (minbarra koloranti);
    • aġenti li jgħinu l-produzzjoni tal-polimer (minbarra s-solventi); u
    • makromolekuli li nkisbu minn fermentazzjoni bil-mikrobi.
  • Is-sustanzi ġodda huma miżjuda mal-lista jekk l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel toħroġ opinjoni favorevoli wara applikazzjoni u proċedura ta’ approvazzjoni.

It-tqegħid fis-suq

  • Sabiex jitqiegħdu fis-suq, il-materjali u l-oġġetti tal-plastik inkwistjoni jridu jikkonformaw:
    • mar-rekwiżiti għall-użu, it-tikkettar u t-traċċabbiltà stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004;
    • mal-prassi t-tajba tal-manifattura stipulata fir-Regolament (KE) Nru 2023/2006;
    • rekwiżiti rigward il-kompożizzjoni u d-dikjarazzjoni dwar il-konformità (ara hawn taħt).
  • L-annessi tar-regolament jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-użu għal sustanzi awtorizzati u limiti ta’ migrazzjoni. Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik kollha jridu jikkonformaw ma’ limiti ta’ migrazzjoni speċifiċi u ma’ limiti ta’ migrazzjoni globali.
  • Il-kompożizzjoni ta’ kull saff tal-plastik ta’ materjal jew oġġett trid tikkonforma mar-regolament. Madankollu, saff li ma jkunx f’kuntatt dirett mal-ikel jista’:
    • ma jikkonformax mar-restrizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ dan ir-regolament (ħlief għall-monomer tal-klorur tal-vinil, kif provdut fl-Anness I);
    • ikun manifatturat minn sustanzi mhux inklużi fil-lista ta’ sustanzi awtorizzati (dawn is-sustanzi, madankollu, ma jridux ikunu mutaġeniċi*, karċinoġeni* jew tossiċi għar-riproduzzjoni, jew ikunu f’nanoforma*).
  • Il-manifattur irid ifassal dikjarazzjoni bil-miktub (Anness IV). Din trid tidentifika l-materjali, l-oġġetti u l-prodotti mill-istadji intermedji tal-manifattura tagħhom, kif ukoll is-sustanzi nnifishom. Hija trid tiġġedded meta jsiru bidliet sostanzjali fil-kompożizzjoni jew il-produzzjoni.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mill-4 ta’ Frar 2011.

SFOND

TERMINI EWLENIN

* Limiti ta’ migrazzjoni: l-ammont massimu ta’ sustanzi li l-materjali u l-oġġetti jistgħu jittrasferixxu fl-ikel. Dawn huma espressi f’milligrammi tas-sustanza għal kull kilogramma ta’ ikel (mg/kg).

* Mutaġeniċi: aġent fiżiku jew kimiku li jbiddel il-materjal ġenetiku ta’ organiżmu u b’hekk iżid il-frekwenza ta’ mutazzjonijiet ’il fuq mil-livell tal-background naturali.

* karċinoġenu: aġent direttament involut fil-kawża tal-kanċer.

* Nanoforma: sustanza naturali, inċidentali jew manifatturata li fiha partiċelli, fi stat mhux marbut jew bħala aggregat jew agglomerat u fejn, għal 50 % jew aktar tal-partiċelli fid-distribuzzjoni dimensjonali numerika, dimensjoni esterna waħda jew aktar hija fil-firxa tad-daqs ta’ nanometru wieħed sa 100 nanometru (jiġifieri wieħed minn biljun ta’ metru).

ATT

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1–89)

L-emendi suċċessivi u l-korrezzjonijiet għar-Regolament (UE) Nru 10/2011 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

ATTI RELATATI

Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4–17). Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2023/2006 tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar prassi tajba ta’ manifattura għal materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 75-78) Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.11.2015

Top