Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Importazzjonijiet sikuri tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Importazzjonijiet sikuri tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament tal-Kummissjoni (U)E Nru 605/2010 — kundizzjonijiet ta' saħħa tal-annimali u ta' saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman

SOMMARJU

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Jissalvagwardja s-saħħa tal-annimali fl-UE billi jiżgura li l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib impurtati jissodisfaw ċerti kriterji bażiċi tas-saħħa tal-annimali.

Jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib fl-UE, inkluż kwalunkwe trattament tas-sħana meħtieġa.

Jelenka l-pajjiżi li minnhom jiġu awtorizzati l-importazzjonijiet.

PUNTI EWLENIN

L-importazzjoni tal-prodotti tal-ħalib minn ħalib mhux ipproċessat minn pajjiżi mhux tal-UE hija permessa minn pajjiżi awtorizzati, iżda japplikaw tipi differenti ta' trattamenti tas-sħana, skont is-siwazzjoni tas-saħħa tal-annimal fil-pajjiż tal-oriġini.

Il-kategoriji differenti tal-pajjiżi awtorizzati huma elenkati fl-Anness I għar-Regolament.

L-importazzjonijiet tal-ħalib mhux ipproċessat u l-prodotti tal-ħalib huma awtorizzati minn pajjiżi elenkati fil-Kolonna A tal-Anness mingħajr ma jkollhom bżonn jgħaddu mit-trattament tas-sħana.

L-importazzjonijiet li jidderivaw mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tan-nagħaġ, tal-mogħoż jew tal-bufli minn pajjiżi elenkati fil-Kolonni B u Ċ tal-Anness iridu jkunu ġew ittrattati bil-pasturizzazzjoni, bil-pasturizzazzjoni ta' temperatura għolja u ħin qasir (high temperature short time pasteurisation, HTST) jew bi trattamenti ta' temperatura partikolarment għolja (ultra-high temperature, UHT), jiddependi fuq il-Kolonna (B jew Ċ) ta' fejn ikun elenkat il-pajjiż.

Il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib minn annimali oħrajn minbarra l-baqar, in-nagħaġ, il-mogħoż jew il-bufli għandhom jgħaddu mill-pasturizzazzjoni jew mit-trattament ta' UHT.

Il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib m'għandhomx joriġinaw minn żoni li jinsabu f'riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-pajjiżi elenkati fil-Kolonna A tal-Anness. Madankollu, il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib għandhom jgħaddu mit-trattament tas-sħana jekk ikunu joriġinaw minn pajjiż fejn kien hemm bidu tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer jew kien hemm vaċċinazzjonijiet fit-12-il xahar ta' qabel.

L-importazzjonijiet kollha għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa iffirmat minn prattikant veterinarju. Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib huma stabbiliti fid-Direttiva 2002/99/KE.

Il-kunsinni tal-ħalib mhux ipproċessat u l-prodotti tal-ħalib li jgħaddu mill-UE, destinati għal pajjiż mhux fl-UE, se jkunu awtorizzati biss skont dan ir-Regolament jekk:

jiġu minn pajjiż awtorizzat u jiġu ttrattati bis-sħana kif adegwat, skont il-kategorija (Kolonna A jew Kolonna B) tal-pajjiż tal-oriġini,

jikkonformaw mal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali fir-regoli taċ-ċertifikazzjoni u jkollhom ċertifikat tas-saħħa,

ikunu approvati għat-tranżitu, inkluż għall-ħażna kif suppost, wara spezzjoni veterinarja fi fruntiera.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Hija daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Lulju 2010.

SFOND

L-Importazzjoni tal-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib maħsuba għall-Konsum Uman fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea

ATT

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta' Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta' saħħa tal-annimali u ta' saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1–24)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 605/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija għal referenza biss.

ATTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11–20). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 25.11.2015

Top