Help Print this page 
Title and reference
Is-sigurtà tal-pestiċidi fis-suq tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Is-sigurtà tal-pestiċidi fis-suq tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 1107/2009 – it-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

SOMMARJU

L-UE tagħti importanza kbira lill-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent. L-istandardizzazzjoni tar-regoli dwar il-bejgħ tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti tgħin biex jinkiseb dan, tiżgura l-ħidma bla xkiel tas-suq uniku u ttejjeb il-produzzjoni agrikola.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Jistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni tal-bejgħ, l-użu u l-kontroll tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti fl-UE. Jirrikonoxxi l-prinċipju ta' prekawzjoni li jistgħu japplikaw il-pajjiżi tal-UE jekk ikun hemm inċertezza xjentifika dwar ir-riskji li jista' joħloq prodott tal-protezzjoni tal-pjanti għas-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali jew l-ambjent.

PUNTI EWLENIN

Il-leġiżlazzjoni tapplika għall-prodotti użati biex jipproteġu jew jippriservaw il-pjanti, jinfluwenzaw it-tkabbir tagħhom jew jeqirdu jew jipprevjenu t-tkabbir ta' pjanti mhux mixtieqa.

Biex jiżgura l-approvazzjoni, sustanza attiva (kwalunkwe sustanza kimika, estratt tal-pjanti jew mikroorganiżmu li jaġixxi kontra l-pesti jew fuq il-pjanti) m'għandu jkollha l-ebda effett ta' dannu fuq is-saħħa tal-bniedem, inkluż gruppi vulnerabbli jew kwalunkwe effett mhux aċċettabbli fuq l-ambjent.

Il-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti jridu jkunu effettivi, ma jkollhomx effett dannuż immedjat jew ittardjat fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ebda effett mhux aċċettabbli fuq il-pjanti jew l-ambjent u ma jikkawżawx sofferenza jew uġigħ bla bżonn lill-vertebri.

L-awtorità nazzjonali kompetenti f'kull pajjiż tal-UE tista' żżid kriterji u restrizzjonijiet bħall-grad minimu ta' purità, it-tip ta' preparazzjoni u l-mod u l-kundizzjonijiet tal-użu, meta tapprova pestiċida*.

L-awtorità tagħti l-ewwel approvazzjoni tagħha għal perjodu li ma jaqbiżx l-10 snin. L-approvazzjoni ta' talba ta' tiġdid m'għandhiex tkun għal iktar minn 15-il sena.

L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' sustanza attiva, akkumpanjata mill-informazzjoni xjentifika meħtieġa, għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet nazzjonali. Huma jkollhom massimu ta' 12-il xahar biex jeżaminaw it-talba.

Id-detenturi ta' awtorizzazzjoni f'wieħed mill-pajjiżi tal-UE jistgħu jużaw il-proċedura tar-rikonoxximent reċiproku biex jitolbu l-użu tagħha f'ieħor.

TERMINU EWLIENI

* Pestiċida: xi ħaġa li tipprevjeni, teqred jew tikkontrolla organiżmu ta' ħsara (pest) jew marda, jew tipproteġi l-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti waqt il-produzzjoni, il-ħażna u t-trasport. Pestiċida huwa terminu usa' minn prodott tal-protezzjoni tal-pjanti peress li jkopri l-użi mhux tal-pjanti/ħxejjex bħal bijoċidi.

SFOND

Għal iktar informazzjoni:

Pestiċidi fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1–50)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 tal-1 ta' Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-dejta għas-sustanzi attivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠUf L 93, 3.4.2013, p. 1–84). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2013 tal-1 ta' Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-dejta għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 93, 3.4.2013, p. 85-152). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 26.11.2015

Top