EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-użu limitat ta' mikroorganiżmi modifikati ġenetikament

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2009/41/KE dwar l-użu konfinat ta’ mikroorganiżmi modifikati ġenetikament

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi regoli għall-użu limitat* ta' mikroorganiżmi modifikati ġenetikament (GMMs)* sabiex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Klassifikazzjonijiet u notifiki

  • L-utenti tal-GMMs għandhom jivvalutaw l-użi limitati rigward ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-valutazzjoni tirriżulta f'waħda mill-klassijiet li ġejja:
    • Klassi 1: għall-attivitajiet bl-ebda riskju jew b'riskju negliġibbli.
    • Klassi 2: għall-attivitajiet b'riskju baxx.
    • Klassi 3: għall-attivitajiet b'riskju moderat.
    • Klassi 4: għall-attivitajiet b'riskju għoli.
  • Meta jkun ser isir użu limitat ta' GMM għall-ewwel darba, l-utent irid jissottometti notifika li jkun fiha informazzjoni (elenkata fl-Anness V tad-Direttiva) lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-UE tiegħu. Dan huwa biex jissodisfahom li l-installazzjoni proposta hija xierqa għall-finijiet tal-attività sabiex ma jkun hemm l-ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.
  • Wara n-notifika lill-awtoritajiet kompetenti, l-użu limitat tal-klassi 1 jista' jipproċedi mingħajr notifika ulterjuri.
  • L-użu limitat tal-klassi 2 jista' jipproċedi minnufih wara n-notifika sakemm il-proprjetajiet kienu soġġetti għan-notifika preċedenti biex iwettqu użu limitat tal-klassi 2 jew ogħla. Madankollu, jekk dan mhuwiex il-każ u fin-nuqqas ta' rifjut mill-awtorità kompetenti; l-użu limitat tal-klassi 2 jista' jipproċedi 45 jum wara s-sottomissjoni tan-notifika (jew aktar kmieni bil-qbil tal-awtorità).
  • Użu limitat tal-klassi 3 jew 4 ma jistax jipproċedi mingħajr kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti, li trid tikkomunika d-deċiżjoni tagħha bil-miktub.

Inċidenti *

  • Qabel ma jinbeda użu limitat, il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li:
    • sabiex jirreaġġixxu fil-każ ta' inċident, jitfassal pjan ta' emerġenza għall-każijiet fejn il-falliment tal-miżuri ta' konfinament jista' jwassal għal periklu serju; u
    • persuni f'riskju li jkunu affettwati minn inċident jiġu informati dwar l-aspetti kollha relatati mas-sikurezza tagħhom.
  • Jekk iseħħ inċident, il-pajjiż tal-UE rispettiv irid jiżgura li l-utent tal-GMM jinforma lill-awtoritajiet kompetenti u jikkomunika l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni u sabiex tittieħed azzjoni.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika sa mill-10 ta' Ġunju 2009.

SFOND

Din id-direttiva tirrevoka u tikkonsolida d-Direttiva 90/219/KEE u l-emendi suċċessivi tagħha f'att uniku.

Din tistabbilixxi l-istandards minimi applikabbli għall-użu limitat tal-GMMs. Il-pajjiżi tal-UE huma permessi jieħdu miżuri aktar stretti.

* TERMINI EWLENIN

Użu limitat: Kull attività li fiha mikroorganiżmi jiġu modifikati ġenetikament, jitkabbru, jinħażnu, jiġu trasportati, meqruda, mormija jew użati fi kwalunkwe mod ieħor u li għalihom jintużaw miżuri ta' limitazzjoni/sikurezza biex il-kuntatt tagħhom mal-popolazzjoni ġenerali u l-ambjent jiġi limitat.

GMMs: Mikroorganiżmi, bħall-batterji, virusijiet jew fungi, li kellhom il-materjal ġenetiku tagħhom mibdul b'xi mod li ma jseħħx b'mod naturali bit-tgħammir u/jew rikombinazzjoni naturali.

Inċidenti: Fil-kuntest ta' din id-direttiva, dawn jirreferu għal kwalunkwe inċident li jinvolvi rilaxx sinifikanti u mhux intenzjonat ta' GMMs matul l-użu limitat tagħhom li jista' jkun perikoluż għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2009/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-użu konfinat ta’ mikro-organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 125, 21.5.2009, pp. 75-97).

l-aħħar aġġornament 07.07.2016

Top