Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Regoli dwar il-protezzjoni tal-majjali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Regoli dwar il-protezzjoni tal-majjali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2008/120/KE — standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi standards minimi għall-kura u l-protezzjoni tal-majjali miżmuma għat-trobbija jew għas-simna, b’mod partikolari il-ħtieġa tagħhom għal spazju biex iġibu ruħhom b'mod naturali u soċjali, u regoli għat-twettiq ta’ proċeduri li jikkawżawlhom l-uġigħ bħall-kastrazzjoni u l-qtugħ tad-denb.

PUNTI EWLENIN

  • Il-majjali normalment jinżammu fi gruppi, u l-akkomodazzjoni tagħhom għandha tippermettilhom li:
    • ikollhom aċċess għal żona komda, li tiskula sewwa u mnaddfa fejn l-annimali kollha jkunu jistgħu jimteddu fl-istess ħin;
    • jistrieħu u jqumu b’mod normali;
    • jaraw majjali oħra (sakemm il-majjala ma tkunx lesta biex twelled);
    • ikollhom aċċess għal materjal manipulabbli, bħal tiben, ħuxlief u injam, sabiex jippermetti l-imġiba investigattiva naturali tal-majjal.
  • Il-livelli ta’ ħsejjes għandhom jiġu kkontrollati u l-majjali jinżammu fid-dawl għal minimu ta’ tmien sigħat kuljum.
  • L-artijiet għandhom ikunu lixxi iżda ma jiżolqux, u jkun hemm żoni minimi mhux ostakolati pprovduti għall-annimali, skont in-numru u l-piż tagħhom. Artijiet magħmula minn strixxi tal-konkrit għandhom josservaw standards minimi, filwaqt li regoli mtejba japplikaw għall-majjali maskili adulti li qegħdin jinfatmu u għal majjali tqal.
  • Il-majjali għandhom jingħataw jieklu mill-inqas darba kuljum, u jkollhom aċċess għall-ikel fl-istess ħin bħal oħrajn fl-istess grupp. Il-majjali kollha ta’ aktar minn ħmistax il-jum għandu jkollhom aċċess għall-ilma frisk.
  • Għandhom isiru sforzi sabiex titnaqqas kemm jista' jkun l-aggressjoni u jiġi evitat ġlied li jmur oltre l-mġiba normali. Il-majjali għandhom ikunu jistgħu jaħarbu u jistaħbew mill-majjali l-oħra.
  • Majjali tqal għandhom jiġu ttrattati kontra l-parassiti jekk ikun meħtieġ, u jingħataw ikel b’livell għoli ta' fibra u ikel b’enerġija qawwija, u materjal adegwat tal-bejta. Firxa mhux imfixkla għandha tkun disponibbli wara li l-majjala twelled, b’mezzi li jipproteġu l-qżieqeż u spazju għat-treddigħ. Il-qżieqeż normalment jibqgħu mal-majjala għal mill-inqas 28 jum sakemm il-benessri jew is-saħħa tat-tnejn ma jkunux affettwati ħażin b'xi mod ieħor.
  • L-operazzjonijiet kirurġiċi mhux essenzjali huma pprojbiti, apparti:
    • it-tqassir tas-snien tar-rokna tal-majjali taħt kundizzjonijiet speċifiċi;
    • it-tqassir tan-nejbiet tal-majjali sabiex jipprevjenu d-diżgrazzji lil annimali oħra jew għal raġunijiet ta’ sigurtà;
    • Il-qtugħ parzjali tad-denb, meta jkun hemm evidenza ta’ mġiba bħal gdim tad-denb;
    • il-kastrazzjoni tal-majjali maskili permezz ta’ mezzi oħra apparti milli bil-qtugħ tat-tessuti;
    • it-titqib tal-imnieħer biss meta l-majjali jinżammu fil-beraħ u meta huwa permess taħt il-leġiżalzzjoni nazzjonali.
  • Dawn il-proċeduri għandhom jitwettqu minn veterinarju jew persuna mħarrġa u esperta, b’miżuri adegwati u f'kundizzjonijiet ta’ iġjene. Majjali li jkunu morda jew imweġġa’ għandhom jitqiegħdu f’mandri individwali.
  • Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) iridu jispezzjonaw kampjun rappreżentattiv ta’ azjendi kull sena, waqt li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkollabora billi twettaq spezzjonijiet fuq il-post.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din il-verżjoni kodifikata (Direttiva 2008/120/KE) hija att ġdid li fiha l-att oriġinali (Direttiva 91/630/KEE) u l-emendi sussegwenti tiegħu. Din ilha tapplika mill-10 ta’ Marzu 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporaw id-Direttiva 91/630/KEE fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Jannar 1994.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 47, 18.2.2009, pp. 5-13)

l-aħħar aġġornament 30.01.2017

Top