Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Huwa jintroduċi regoli dwar it-trattament xieraq għall-qatla jew it-tbiċċir tal-annimali miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel u ta' prodotti bħall-pil u l-ġilda. Ikopri wkoll il-qtil tal-annimali fl-irziezet f’kuntesti oħra bħal sitwazzjonijiet ta’ kontroll ta’ mard.
  • Ir-regolament ma japplikax għall-annimali maqtula fis-selvaġġ, jew bħala parti minn esperimenti xjentifiċi, il-kaċċa, avvenimenti kulturali jew sportivi u l-ewtanażja mwettqa minn veterinarju, lanqas għal tjur, fniek jew liebri għall-konsum domestiku privat.

PUNTI EWLENIN

Waqt il-qatla l-annimali għandhom jiġu protetti minn kwalunkwe uġigħ, stress jew tbatija li jistgħu jiġu evitati. In-negozji, bħal operaturi ta’ biċċeriji, għandhom jiżguraw li l-annimali:

  • jiġu pprovduti b’kumdità fiżika u bi protezzjoni, jinżammu nodfa, protetti minn korriment u mmaniġġati u miżmuma filwaqt li tiġi kkunsidrata l-imġiba normali tagħhom;
  • ma jkollhomx sinjali ta’ uġigħ jew biża’ li jistgħu jiġu evitati jew imġiba anormali;
  • ma jgħaddux mingħajr għalf jew ilma għal tul ta’ żmien;
  • jiġu protetti minn interazzjoni ma’ annimali oħra li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-protezzjoni tagħhom meta dan jista’ jiġi evitat.

Il-faċilitajiet li jintużaw għall-qtil għandhom ikunu kapaċi jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet kollha tul is-sena kollha.

Metodi tat-trażżin u għall-isturdament

Ir-regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar it-trażżin u l-isturdament tal-annimali, inkluż it-taħriġ tal-operaturi u l-manutenzjoni adatta tat-tagħmir. Huwa jkopri l-applikazzjoni ta’ metodi differenti għal annimali differenti. B’mod partikolari, l-annimali storduti għandhom jibqgħu mitlufa minn sensihom sal-mewt, sakemm ma jkunux suġġetti għal metodi partikolari meħtieġa minn riti reliġjużi, li għandhom isiru f’biċċerija.

Ċertifikat ta’ kompetenza

Il-qtil u operazzjonijiet relatati għandhom isiru biss minn persuni bil-livell ta’ kompetenza sabiex jagħmlu dan mingħajr ma jikkawżaw ebda uġigħ, stress żejjed jew tbatija li jistgħu jiġu evitati lill-annimali . Xi operazzjonijiet jeħtieġu ċertifikati individwali ta’ kompetenza, pereżempju:

  • l-immaniġġar u l-kura tal-annimali qabel ma jitrażżnu;
  • it-trażżin tal-annimali għall-għanijiet ta’ sturdament jew qtil;
  • l-isturdament tal-annimali u l-valutazzjoni tal-isturdament effettiv;
  • it-tixkil jew l-irfigħ jew il-fsada ta’ annimali ħajjin;
  • tbiċċir b'mod konformi ma’ prattiki reliġjużi.

Iċ-ċertifikat tas-saħħa li jakkumpanja l-laħam importat minn pajjiżi mhux tal-UE għandu jiċċertifika li ġew sodisfatti r-rekwiżiti ekwivalenti.

Biċċeriji

Jeżistu regoli dettaljati għall-kostruzzjoni, it-tagħmir u l-operazzjonijiet tal-biċċeriji. Il-proċeduri għandhom jiġu mmonitorjati mill-operaturi tal-biċċeriji, li għandhom ukoll jaħtru Uffiċjal għat-Trattament Xieraq tal-Annimali biex jgħin fl-iżgurar tal-konformità. Il-metodi ta’ trażżin li ġejjin huma fost dawk ipprojbiti:

  • id-dendil jew l-irfigħ ta’ annimali f’sensihom;
  • it-trażżin mekkaniku jew l-irbit tar-riġlejn jew tas-saqajn;

Hemm xi eċċezzjonijiet meta pożizzjoni maqluba hija permessa fil-każ ta’ tjur jew fil-kuntest ta’ tbiċċir għal riti reliġjużi.

Id-depopolazzjoni* u l-qtil minħabba emerġenza

Qabel ma tibda kwalunkwe operazzjoni ta' depopolazzjoni, għandu jkun hemm pjan ta’ azzjoni fis-seħħ biex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet ta’ depopolazzjoni għandhom jiġu rrappurtati kull sena. Ir-rapport għandu jinkludi, b’mod partikolari:

  • ir-raġunijiet għad-depopolazzjoni;
  • l-għadd u l-ispeċi tal-annimali maqtula;
  • il-metodi ta’ sturdament u ta’ qtil użati;
  • diffikultajiet li rriżultaw u soluzzjonijiet biex titnaqqas kemm jista' jkun it-tbatija tal-annimali kkonċernati.

Meta l-annimali jġarrbu uġigħ u tbatija kbira, min iżomm l-annimali kkonċernati għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex joqtol l-annimali malajr kemm jista’ jkun.

Nuqqas ta’ konformità u pieni

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li r-regoli huma implimentati u li l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa li:

  • ibiddlu l-proċeduri, jew inaqqsu jew iwaqqfu l-produzzjoni;
  • iżidu l-frekwenza tal-kontrolli;
  • jissospendu jew jirtiraw ċertifikati ta’ kompetenza.

Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

META JAPPLIKA IR-REGOLAMENT?

Dan japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

SFOND

L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea introduċa r-rikonoxximent li l-annimali huma kreaturi li jħossu*.

Għal aktar informazzjoni, ara Tbiċċir u Sturdament fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea

TERMINI EWLENIN

*Depopolazzjoni: il-proċess tal-qtil tal-annimali minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, saħħa tal-annimali, trattament xieraq tal-annimali jew għal raġunijiet ambjentali taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

* Kreatura li tħoss: kreatura li għandha l-kapaċità tesperjenza uġigħ u tbatija fiżika u psikoloġika.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1-30)

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sistemi li jrażżnu lill-annimali bovini billi jqiegħduhom f'pożizzjoni mhux naturali jew b'xi mod jaqilbuhom (COM(2016) 48 final tat-8.2.2016)

l-aħħar aġġornament 23.05.2016

Top