EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-rwol tal-UE fis-sistema multilaterali tan-NU

 

SOMMARJU TA’:

L-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLU?

Dan jistabbilixxi l-prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni tal-UE fuq livell internazzjonali. Dawn jinkludu l-promozzjoni:

  • tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u tar-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tad-dritt internazzjonali;
  • ta’ sistema internazzjonali bbażata fuq kooperazzjoni multilaterali aktar imsaħħa u tmexxija globali tajba;
  • ta’ soluzzjonijiet multilaterali għal problemi komuni permezz tan-NU.

PUNTI EWLENIN

Il-parteċipazzjoni tal-UE fis-sistema tan-NU

  • L-UE għandha l-istatus ta’ osservatur privileġġat fin-NU:
    • l-UE għandha d-dritt li tindirizza lir-rappreżentanti ta’ gruppi ewlenin u li tippreżenta proposti u emendi bil-fomm (possibbiltà li ebda osservatur ieħor m’għandu għad-dispożizzjoni tiegħu), u d-dritt li twieġeb darba għal intervent rigward pożizzjoni tal-UE. Madankollu, l-UE ma tistax tikkosponsorja abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet jew deċiżjonijiet, m’għandhiex id-dritt li tivvota jew tressaq kandidati.
  • Is-sħubija bejn l-UE u n-NU hija bbażata fuq kooperazzjoni politika u operazzjonali għat-tlestija ta’ programmi u proġetti konġunti.
  • L-oqsma prinċipali ta’ kooperazzjoni huma:
    • iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà globali fid-dinja — permezz ta’ sħubija sħiħa li tvarja mill-prevenzjoni tal-kunflitti għar-rikostruzzjoni u l-bini tal-paċi. Il-kontribuzzjoni tal-UE tieħu l-forma ta’ riżorsi umani u finanzjarji. Barra minn hekk, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE tippermetti żieda fil-kooperazzjoni ċivili u militari;
    • il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-demokrazija — billi jiġu difiżi l-istandards u l-mekkaniżmi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fin-NU u permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali;
    • l-iżvilupp uman, ekonomiku u soċjali — b’mod partikolari billi tiġi kkoordinata l-azzjoni fil-qasam tal-assistenza għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;
    • il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima — b’mod partikolari għall-adozzjoni ta’ ftehimiet u konvenzjonijiet internazzjonali, u għar-riforma tal-governanza ambjentali internazzjonali;
    • l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna alimentari — b’mod partikolari permezz ta’ għajnuna mill-UE, li hija l-akbar sponsor ta’ operazzjonijiet imwettqa madwar id-dinja;
    • il-ġlieda kontra t-theddid internazzjonali u reġjonali għas-sigurtà — bħat-terroriżmu, il-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus.
  • L-UE tippreżenta l-prijoritajiet tagħha għall-Assemblea Ġenerali tan-NU kull sena. Dawn jiggwidaw il-ħidma tad-delegazzjoni tal-UE.
  • L-UE u l-pajjiżi tal-UE flimkien huma l-akbar kontributur uniku għas-sistema tan-NU.

Il-promozzjoni tal-multilateraliżmu

  • Bħala parti mill-Istrateġija Globali 2016 tal-UE, l-UE se tippromwovi ordni globali bbażata fuq ir-regoli bil-multilateraliżmu bħala l-prinċipju ewlieni tagħha u n-NU fil-qalba tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, l-Istati u l-atturi mhux Statali.
  • L-UE saħħet is-sħubija tagħha man-NU u żiedet l-influwenza tagħha bbażata fuq il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fl-2003.

SFOND

Għal iktar informazzjoni:

  • L-UE u n-NU (is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna).

DOKUMENT EWLIENI

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea —Titolu V — Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Il-Kapitolu 1 — Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni — Artikolu 21 (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 28-29)

l-aħħar aġġornament 20.03.2020

Top