EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2013/94/UE — il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DEĊIŻJONI?

  • Hija tiffinalizza l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini* pan-Ewro-Mediterranji.
  • Din il-konvenzjoni tippermetti lill-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja (elenkati fil-punti ewlenin hawn taħt) sabiex jibbenefikaw minn regoli komuni u trattament doganali preferenzjali.
  • Hija timmira li tippromwovi integrazzjoni ekonomika aħjar u rabtiet kummerċjali aktar b’saħħithom fiż-żona.

PUNTI EWLENIN

Konvenzjoni reġjonali dwar l-oriġini tal-merkanzija nnegozjata fiż-żona pan-Ewro-Mediterranja ġiet iffirmata f’isem l-UE f’April 2011. Il-konvenzjoni tlaqqa’ flimkien fi strument legali uniku r-regoli kollha fir-rigward tal-oriġini tal-merkanzija nnegozjata fil-kuntest ta’ madwar 60 ftehim bilaterali ta’ kummerċ ħieles (FTAs) bejn pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja inkluż il-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-UE (PSA).

Partijiet kontraenti

Minbarra l-UE, il-partijiet kontraenti għal din il-konvenzjoni huma:

  • l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA): l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera;
  • il-firmatarji għad-dikjarazzjoni ta’ Barċellona: l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja, it-Tuneżija u t-Turkija;
  • il-Gżejjer Faroe;
  • il-parteċipanti fil-proċess PSA: il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija, il-Montenegro u s-Serbja, kif ukoll il-Kosovo (1);
  • ir-Repubblika tal-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna.

Prodotti oriġinarji

Sabiex il-preferenzi tariffarji jiġu applikati, trid tiġi stabbilita l-oriġini tal-merkanzija. Il-merkanzija titqies bħala prodotti li joriġinaw fiż-żona ta’ kulminazzjoni pan-Ewro-Mediterranja jekk:

  • tinkiseb b’mod sħiħ (eż. imminata, maħsuda jew, fil-każ tal-annimali ħajjin, imwielda u mrobbija) fit-territorju ta’ parti kontraenti;
  • tkun komposta minn materjali li joriġinaw f’pajjiżi li mhumiex firmatarji tal-konvenzjoni (materjali mhux oriġinarji), iżda li ġew maħduma jew ipproċessati biżżejjed fit-territorju ta’ parti kontraenti (l-Anness II tal-Appendiċi I);
  • tkun ġiet importata miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u esportata f’parti kontraenti oħra.

Iż-żona ta’ kumulazzjoni pan-Ewro-Mediterranja

Il-konvenzjoni topera fuq il-bażi ta’ sistema ta’ akkumulazzjoni fejn il-partijiet kontraenti jistgħu jużaw prodotti oriġinarji minn ta’ xulxin bħallikieku dawn ġew prodotti domestikament. Skont is-sistema ta’ kumulazzjoni ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranja, sistema ta’ kumulazzjoni djagonali li topera bejn l-UE u ħafna mill-pajjiżi inkwistjoni.

Prova ta’ oriġini

  • L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni joħorġu ċertifikati tal-moviment EUR.1 jew EUR-MED tal-pajjiż ta’ esportazzjoni bħala prova tal-istqarrijiet ta’ oriġini. Dan jippermetti lill-importaturi f’partijiet kontraenti oħrajn sabiex jibbenefikaw mill-arranġamenti tariffarji preferenzjali.
  • Dikjarazzjoni ta’ oriġini jew dikjarazzjoni ta’ oriġini EUR-MED tista’ tingħata wkoll minn esportatur approvat.

Arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva

L-awtoritajiet doganali tal-partijiet se jikkoordinaw ma’ xulxin (eż. billi jaqsmu kampjuni ta’ marki ta’ timbri użati għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ moviment EUR.1 u EUR-MED jew biex jivverifikaw provi ta’ oriġini.)

Ġesjoni u implimentazzjoni

Kumitat konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-partijiet kontraenti kollha jiżgura l-immaniġġjar u l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni.

(1) Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus u hija konformi mar-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

MINN META TIBDA TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mis-26 ta’ Marzu 2012.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Regoli ta’ oriġini: effettivament in-nazzjonalità “ekonomika” tal-merkanzija nnegozjata li trid tiġi ddeterminata sabiex jiġi deċiż kif tiġi trattata f’termini ta’ dazji doganali. L-oriġini preferenzjali tingħata lil merkanzija minn pajjiżi partikolari li tkun tissodisfa ċerti kriterji bħal li tgħaddi minn aktar ħidma jew proċessar milli meħtieġ sabiex tikseb oriġini mhux preferenzjali.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas- 26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, pp. 3-158)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/93/UE tal- 14 ta’ April 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, pp. 1-2)

l-aħħar aġġornament 09.02.2018

Top