Help Print this page 
Title and reference
Qafas legali għal Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (ERIC - European Research Infrastructure Consortium)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Qafas legali għal Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (ERIC - European Research Infrastructure Consortium)

Dan ir-regolament jistabbilixxi struttura ġuridika ġdida għall-faċilitajiet ta’ riċerka konġunta ta’ interess Ewropew. Dan jippermetti lill-pajjiżi tal-UE u lill-pajjiżi assoċjati mal-programm qafas tal-UE għar-riċerka (Orizzont 2020) li joħolqu u jħaddmu dawn il-faċilitajiet. B’hekk din l-istruttura timla vojt legali li kien jeżisti qabel u tippermetti li proġetti kumplessi, li ta’ spiss ikunu jiswew ħafna flus, jitwettqu b’mod konġunt.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC).

SOMMARJU

Dan ir-regolament jistabbilixxi bażi ġuridika unika bl-għan li tiffaċilita l-ħolqien u l-operat ta’ Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC - European Research Infrastructure Consortium) mill-pajjiżi tal-UE, bil-possibbiltà li jipparteċipaw pajjiżi assoċjati mal-programmi qafas tal-UE għar-riċerka, pajjiżi oħrajn u aġenziji intergovernattivi speċjalizzati. Il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi assoċjati huma responsabbli għat-tfassil ta’ proġetti ta’ infrastruttura u għad-definizzjoni tal-aspetti prinċipali bħal statuti, is-sede statutorja, eċċ.

Kuntrarjament għall-Impriżi Konġunti għall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (IK tal-ITK - Joint Technology Initiative Joint Undertakings), li fihom l-UE tipparteċipa sistematikament bħala membru, ERIC huwa entità ġuridika li l-UE mhux neċessarjament hija membru tiegħu.

Dan il-qafas ġuridiku japplika għall-infrastrutturi ta’ interess pan-Ewropew.

L-infrastrutturi ta’ riċerka maħluqa bħala ERICs taħt dan ir-regolament iridu jirrispettaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • iwettqu attivitajiet tar-riċerka Ewropej;
  • jirrappreżentaw valur miżjud fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi fil-livell Ewropew u internazzjonali;
  • ikunu aċċessibbli għar-riċerkaturi mill-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi assoċjati mal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-UE (Orizzont 2020);
  • jippromwovu l-mobilità tar-riċerkaturi u l-iskambju tal-għarfien fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER);
  • jipparteċipaw fit-tixrid u l-ottimizzazzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka.

L-attivitajiet tal-ERIC fil-prinċipju huma mingħajr skop ta’ qligħ. Madankollu, ERIC jista’ jwettaq xi attivitajiet ekonomiċi limitati sakemm dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u ma jostakolawx l-għan ewlieni tal-infrastruttura tar-riċerka.

L-applikazzjonijiet għall-istabbiliment ta’ ERIC iridu jintbagħtu lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni.

Il-pakkett tal-applikazzjoni jrid jinkludi:

  • talba lill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit ERIC;
  • l-Istatuti proposti (lista tal-membri, sede statutorja, isem tal-ERIC, drittijiet u obbligi tal-membri, korpi tal-ERIC bil-kompetenzi tagħhom u l-mod kif jiġu kostitwiti u li bih jieħdu d-deċiżjonijiet, id-dewmien tal-ERIC, prinċipji bażiċi, l-identifikazzjoni tal-lingwa ta’ ħidma, referenzi għar-regoli li jimplimentaw l-Istatuti):
  • deskrizzjoni teknika u xjentifika (ara l-kundizzjonijiet t’hawn fuq);
  • dikjarazzjoni mill-pajjiż tal-UE ospitu li jirrikonoxxi l-ERIC bħala korp internazzjonali fis-sens tad-direttivi dwar il-VAT u d-dazji tas-sisa.

Filwaqt li tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni u l-opinjonijiet tal-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni trid tadotta d-deċiżjoni tagħha u tinnotifika lill-applikant. Jekk il-ħolqien ta’ ERIC jiġi approvat, id-deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Matul il-perjodu tal-valutazzjoni, l-applikanti jistgħu jiġu mistiedna jimlew jew jemendaw l-applikazzjoni tagħhom.

L-ERIC għandu personalità ġuridika u jrid ikollu s-sede statutorja tiegħu f’wieħed mill-membri tiegħu (pajjiż tal-UE jew pajjiż assoċjat mal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka). Ismu jrid jinkludi l-abbrevjazzjoni ERIC.

Is-sħubija ta’ ERIC għandha tkun magħmula minn pajjiż tal-UE u minn żewġ pajjiżi oħrajn li jkunu pajjiżi tal-UE jew pajjiżi assoċjati. Fi kwalunkwe stadju, jistgħu jingħaqdu magħhom pajjiżi oħrajn tal-UE jew pajjiżi assoċjati, pajjiżi oħrajn jew organizzazzjonijiet intergovernattivi speċjalizzati.

ERIC huwa kkunsidrat korp internazzjonali jew organizzazzjoni fis-sens tad-direttivi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, dwar id-dazji tas-sisa u dwar l-akkwisti pubbliċi. B’hekk huwa eżentat mill-VAT u mid-dazji tas-sisa u l-proċeduri ta’ akkwist tiegħu ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar l-akkwist pubbliku.

Ir-responsabbiltà tal-membri għad-djun tal-ERIC fil-prinċipju hija limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.

Il-liġi applikabbli hija l-ewwel nett liġi tal-UE, imbagħad il-liġi tal-pajjiż tas-sede statutorja jew tal-pajjiż tal-operat fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet ta’ sikurezza u tekniċi.

5 snin wara l-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-qafas legali u bagħtet rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Sfond

Dan ir-regolament huwa waħda mill-inizjattivi strateġiċi li jsegwu l-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) tal-4 ta’ April 2007. Din l-inizjattiva tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tat-taqsima tal-infrastrutturi ta’ riċerka tas-seba’ Programm Qafas (2007-2013) u tal-Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020).

Aktar informazzjoni tinsab fuq: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Regolament (KE) Nru 723/2009

28.8.2009

-

ĠU L 206 tat-8.8.2009, p. 1-8.

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Regolament (UE) Nru 1261/2013

26.12.2013

-

ĠU L 326 tas-6.12.2013, p. 1-2.

ATTI RELATATI

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/923/UE tat- 12 ta’ Diċembru 2014 dwar it-twaqqif tal-Istitut Konġunt għall-Interferometrija b’Bażi Twila Ħafna bħala Konsorzju tal-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (JIV-ERIC) (Ġurnal Uffiċjali L 363 tal-18.12.2014, p. 156-169).

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/526/UE tas- 6 ta’ Awwissu 2014 li tistabbilixxi Infrastruttura tar-Riċerka Diġitali għall-Arti u l-Istudji Umanistiċi bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (DARIAH ERIC) (Ġurnal Uffiċjali L 239, tal-12.8.2014, p. 64-80).

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/261/UE tal- 5 ta’ Mejju 2014 Dwar it-twaqqif tal-Infrastruttura tar-Riċerka Euro-Argo bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (Euro-Argo ERIC) (Ġurnal Uffiċjali L 136, tal-9.5.2014, p. 35-50).

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/713/UE tad- 29 ta’ Novembru 2013 dwar it-twaqqif tan-Netwerk ta’ Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Klinika (ECRIN) bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ECRIN-ERIC) (Ġurnal Uffiċjali L 324, tal-5.12.2013, p. 8-20).

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/700/UE tat- 22 ta’ Novembru 2013 dwar it-twaqqif ta’ Stħarriġ Soċjali Ewropew bħala Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (ESS ERIC) (Ġurnal Uffiċjali L 320, tal-30.11.2013, p. 44-62).

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/701/UE tat- 22 ta’ Novembru 2013 dwar it-twaqqif ta’ Konsorzju għal Infrastruttura ta’ Riċerka fil-Bijobanek u fir-Riżorsi Bijomolekulari (BBMRI-ERIC) bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (Ġurnal Uffiċjali L 320, tal-30.11.2013, p. 63-80).

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/640/UE tas- 7 ta’ Novembru 2013 dwar it-twaqqif ta’ Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Traslazzjonali Avvanzata fil-Mediċina bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (EATRIS ERIC) (Ġurnal Uffiċjali L 298, tal-8.11.2013, p. 38-47).

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/136/EU tad- 29 ta’ Frar 2012 li tistabbilixxi l-Infrastruttura Komuni ta’ Riżorsi u Teknoloġija Lingwistiċi bħala Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (CLARIN ERIC) (Ġurnal Uffiċjali L 64, tal-3.3.2012, p 13-28).

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/166/UE tas-17 ta’ Marzu 2011 li tistabbilixxi x- SHARE-ERIC (Ġurnal Uffiċjali L 71 tat-18.3.2011, p. 20-31), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/302/UE tas-27 ta’ Mejju 2014 (Ġurnal Uffiċjali L 159 tat-28.5.2014, p. 52-53).

L-aħħar aġġornament: 21.01.2015

Top