Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-Ftehim ta’ Cotonou

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-Ftehim ta’ Cotonou

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ftehim ta’ Sħubija 2000/483/KE bejn il-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-UE, min-naħa l-oħra

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA?

  • Il-Ftehim ta’ Cotonou huwa s-sinsla tas-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea (UE), il-pajjiżi tal-UE u 79 pajjiż li jinsabu fuq tliet kontinenti fl-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP).
  • Huwa għandu l-għan li jnaqqas il-faqar sal-qerda tiegħu, li jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli ekonomiku, kulturali u soċjali tal-pajjiżi msieħba u li jiffaċilita l-integrazzjoni progressiva tal-ekonomija tagħhom fl-ekonomija dinjija.

PUNTI EWLENIN

  • Il-Ftehim ta’ Cotonou huwa sħubija mill-qrib ibbażata fuq serje ta’ prinċipji fundamentali.
    • L-imsieħba fil-ftehim huma ugwali.
    • Il-pajjiżi tal-AKP jiddeterminaw il-politiki tal-iżvilupp tagħhom stess.
    • Il-kooperazzjoni mhijiex biss fost il-gvernijiet: il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali wkoll għandhom rwol.
    • L-arranġamenti ta’ kooperazzjoni u l-prijoritajiet ivarjaw skont aspetti bħal-livelli tal-iżvilupp tal-pajjiżi.
  • Hemm istituzzjonijiet konġunti biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou. Il-Kunsill tal-Ministri tal-AKP, megħjun mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi, iwettaq djalogi politiċi, jadotta linji gwida għall-politiki, u jieħu deċiżjonijiet biex jimplimenta l-ftehim. Huwa jippreżenta rapport ta’ progress annwali lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE. Dan il-korp konsultattiv jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-kisba tal-objettivi tal-ftehim.
  • Id-dimensjoni politika tal-Ftehim ta’ Cotonou hija importanti u tinkludi:
    • djalogu politiku komprensiv dwar kwistjonijiet nazzjonali, reġjonali u globali;
    • il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi;
    • l-iżvilupp ta’ politiki favur il-ħolqien tal-paċi, il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti;
    • l-indirizzar ta’ kwistjonijiet tal-migrazzjoni u kwistjonijiet tas-sigurtà, inkluż il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa.
  • Il-ftehim jinkludi attivitajiet ta’ kooperazzjoni biex tingħata spinta:
    • lill-iżvilupp ekonomiku b’fokus fuq is-setturi tal-industrija, tal-agrikoltura u tat-turiżmu tal-pajjiżi tal-AKP;
    • lill-iżvilupp soċjali u tal-bnedmin biex jittetjbu s-servizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tan-nutrizzjoni; u
    • lill-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali għall-promozzjoni u t-tkabbir tal-kummerċ fost l-istati tal-AKP.
    • Dawn l-attivitajiet huma ffinanzjati permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
  • Il-ftehim jikkonforma mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u jippermetti lill-istati tal-AKP jieħdu sehem bis-sħiħ fil-kummerċ internazzjonali.
  • Il-ftehim ġie ffirmat fl-2000 u jintemm fl-2020. Dan ġie rivedut reċentement fl-2010 (Deċiżjoni 2010/648/KE), li adattat is-sħubija biex tiffoka aktar fuq kwistjonijiet bħal ma huma:

MINN META JAPPLIKA L-FTEHIM TA' SĦUBIJA?

Ilu japplika mill-1 ta' April 2003 billi l-aħħar strument ta' ratifika jew approvazzjoni ġie ddepożitat fis-27 ta' Frar 2003.

SFOND

  • Iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2000 f’Cotonou, Bénin, il-ftehim ta’ sħubija bejn l-Istati tal-AKP u l-UE huwa l-aħħar fażi fil-kooperazzjoni bejn l-Istati tal-AKP u l-UE. Għal ċerti stati tal-AKP, il-kooperazzjoni bdiet bl-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma fl-1957. Din ġiet estiża biż-żewġ konvenzjonijiet ta’ Yaoundé u l-erba' konvenzjonijiet ta’ Lomé. Fl-2016 ġiet adottata komunikazzjoni dwar sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-AKP għall-perjodu ta’ wara l-2020.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ftehim ta’ Sħubija 2000/483/KE bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmaw f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, pp. 3-353)

L-emendi suċċessivi għall-Ftehim ta’ sħubija 2000/483/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

DOKUMENT RELATAT

Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (JOIN(2016) 52 final, 22.11.2016)

l-aħħar aġġornament 08.12.2016

Top