Help Print this page 
Title and reference
Skema ta' preferenzi mill-2006 sal-2015 - Linji Gwida

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Skema ta' preferenzi mill-2006 sal-2015 - Linji Gwida

L-għan tas-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi (GSP - generalised system of preferences) huwa li tgħin lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw inaqqsu l-faqar billi jużaw preferenzi tariffarji sabiex ikunu megħjunin jiksbu dħul kummerċjali internazzjonali. Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom ikunu l-bażi tar-regolamenti bejn l-2006 u l-2015 sabiex jintlaħaq dan l-objettiv.

ATT

Komunikazzjoni tas-7 ta' Lulju 2004 mill-Kummissjoni lill-Kunsill tal-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, il-kummerċ internazzjonali u l-iżvilupp sostenibbli: il-funzjoni tas-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi (GSP) tal-Komunità għall-perjodu ta' għaxar snin mill-2006 sal-2015 [COM(2004) 461 final - Ġurnal Uffiċjali C 242 tad-29.9.2004]

SOMMARJU

F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi linji gwida għas-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi għall-perjodu 2006-2015, abbażi tal-esperjenza ta' sistemi preċedenti. Hija favur:

Iż-żamma ta' rati ta' tariffi ġenerużi

Hemm għadd ta' modi kif jinżammu u saħansitra jiġu mtejba l-preferenzi tariffarji. Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni tipproponi li l-GSP jiġu estiżi għal xi prodotti mhux koperti mis-sistema attwali, skont liema, kważi wieħed minn kull għaxar prodotti taxxabbli fit-Tariffa Doganali mhuwiex kopert.

Xi prodotti kklassifikati bħala sensittivi jistgħu jiġu ttrasferiti wkoll lill-kategorija ta' prodotti mhux sensittivi.

Sejrin jinżammu marġnijiet preferenzjali (attwalment 3.5% għal prodotti sensittivi u 100% għal prodotti mhux sensittivi) u, fejn possibbli, dawn sejrin jiżdiedu.

It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea (UE) b'għaxar Stati Membri ġodda fl-2004 u t-tkabbir sussegwenti sabiex jinkludi l-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja għen biex jittejjeb dak li l-Komunità tista' toffri, minħabba li espandiet is-suq tal-UE sabiex jinkludi aktar minn 100 miljun konsumatur potenzjali.

L-immirar tal-GSP fuq il-pajjiżi li l-aktar li għandhom bżonnhom

Il-Kummissjoni tipproponi li l-GSP għandhom ipoġġu fil-mira tagħhom lill-pajjiżi li l-aktar li għandhom bżonnhom, bħall-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs - least developed countries) u dawk l-aktar vulnerabbli fost il-pajjiżi l-oħrajn li qegħdin jiżviluppaw (ekonomiji żgħar, pajjiżi magħluqin b'artijiet oħrajn u pajjiżi bi dħul baxx) sabiex jgħinuhom ikollhom rwol akbar fil-kummerċ internazzjonali.

Il-GSP għandu jkollhom ukoll mekkaniżmu għall-irtirar gradwali ta' pajjiż mill-GSP speċjali, l-iskema kollox minbarra armi, li tagħti aċċess bla dazju u bla kwota għall-prodotti kollha (għajr armi u munizzjon) mill-ħamsin l-ifqar pajjiż.

GSP aktar faċli b'aċċess iktar faċli

Il-proċess tas-simplifikazzjoni, li diġà nbeda taħt il-GSP attwali, għandu jitjieb. Il-Kummissjoni pproponiet is-sostituzzjoni tal-ħames arranġamenti dwar il-GSP bi tlieta: il-ftehim ġenerali, l-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati u arranġament speċjali ġdid (GSP+) sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba.

Nagħmlu l-gradwazzjoni aktar trasparenti u nimmirawha fuq il-benefiċjarji ewlenin

Il-Kummissjoni tipproponi li ssir gradwazzjoni (irtirar mill-GSP) aktar trasparenti billi jiġu rtirati l-aktar gruppi ta' prodotti kompetittivi ta' ċerti pajjiżi benefiċjarji mill-GSP.

Dan ifisser li l-benefiċjarji ma jkollhomx bżonn aktar il-GSP sabiex iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom ta' dawk il-prodotti lejn l-UE. Il-benefiċjarji iżgħar ma jkunux gradwati u għalhekk ikunu jistgħu jgawdu sehem akbar mill-benefiċċji tal-GSP.

Il-kriterji attwali għall-gradwazzjoni (sehem tal-importazzjonijiet preferenzjali, indiċi ta' żvilupp u indiċi ta' speċjalizzazzjoni tal-esportazzjoni) sejrin jiġu sostitwiti bi kriterju waħdieni dirett: sehem tas-suq tal-Komunità, imfisser bħala sehem tal-importazzjonijiet preferenzjali.

Tfassil ta' inċentiv ġdid sabiex iħeġġeġ żvilupp u governanza sostenibbli

Kif diġà ssemma', il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tintroduċi inċentiv ġdid għall-iżvilupp sostenibbli u għal ġestjoni tajba ta' affarijiet pubbliċi billi tissostitwixxi l-arranġamenti speċjali separati għal drogi, soċjali u ambjent b'kategorija ġdida waħdanija: GSP+.

GSP+ sejra tipprovdi inċentivi speċjali għall-pajjiżi li rreġistraw fil-ftehimiet internazzjonali prinċipali fuq id-drittijiet soċjali, il-protezzjoni ambjentali, il-governanza u l-ġlieda kontra l-produzzjoni ta' u t-traffikar ta' drogi illegali.

Il-Kummissjoni sejra tqis l-evalwazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet internazzjonali responsabbli għal kull ftehim internazzjonali kkonċernat qabel tiddeċiedi liema mill-pajjiżi applikanti sejrin jintgħażlu sabiex jibbenefikaw mill-GSP+. Din l-iskema sejra tinkludi klawsola ta' sospensjoni kredibbli li tista' tiġi attivata malajr meta pajjiż jonqos milli jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-ftehimiet.

Titjib tar-regoli ta' oriġini

Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb ir-regoli ta' oriġini billi tibdel il-forma tagħhom (tissimplifikahom), is-sustanza tagħhom (taġġusta l-kriterji ta' orġini u r-regoli ta' kumulazzjoni) u l-proċeduri tagħhom (formalitajiet u kontrolli).

Ir-regoli ta' oriġini l-ġodda għandhom ikunu wkoll aktar flessibbli sabiex iħeġġu l-iżvilupp. Wieħed mill-objettivi għandu jkun li jiġi ffaċilitat l-akkwist ta' oriġini sabiex jiġu ottimizzati l-benefiċċji ta' preferenzi.

Is-sistema tista', pereżempju, tiġi mtejba permezz ta' kumulazzjoni reġjonali, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi benefiċjarji. Il-Kummissjoni tagħti importanza partikolari lill-integrazzjoni reġjonali għall-pajjiżi tan-nofsinhar bħala rotta għal involviment akbar tal-pajjiżi tan-nofsinhar fil-kummerċ internazzjonali.

Treġġigħ lura tal-istrumenti ta' rtirar temporanji, il-miżuri ta' salvagwardja u l-miżuri kontra l-frodi

Il-Kummissjoni tipproponi li tiddefinixxi mill-ġdid l-arranġamenti ta' rtirar temporanji tal-GSP u l-klawsola ta' salvagwardja sabiex tqis il-gradwazzjoni l-ġdida ffokata fuq il-pajjiżi benefiċjarji l-aktar kompetittivi.

Anki jekk xorta waħda jibqgħu ta' użu f'ċirkostanzi eċċezzjonali biss, dawk l-arranġamenti għandhom ikunu magħmulin aktar kredibbli, u dan sejjer jinvolvi l-issimplifikar tagħhom u li l-mod ta' użu tagħhom ikunu magħmul aktar flessibbli, b'mod partikolari f'każijiet ta' prattiċi kummerċjali żleali. Huwa essenzjali wkoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-GSP għandhom japplikaw dawn ir-regoli b'mod konsistenti fejn jirriżulta li jkun hemm frodi.

Minħabba li l-pajjiżi benefiċjarji għandhom ukoll responsabilitajiet ta' ġestjoni tal-GSP, il-Kummissjoni titlobhom jistabbilixxu strutturi amministrattivi effettivi u xierqa sabiex tkun iggarantita l-validità taċ-ċertifikati jew tal-oriġini.

Sfond

Is-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi tippermetti li l-prodotti mmanifatturati kollha u xi prodott agrikoli esportati minn pajjiżi żviluppati jaċċessaw is-suq tal-Komunità b'eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji doganali.

Għalhekk, hija strument kemm tal-politika kummerċjali tal-Komunità Ewropea kif ukoll tal-politika tal-iżvilupp tagħha. Minħabba li hija strument ta' kooperazzjoni, hija mekkaniżmu provviżorju, li l-benefiċċji tiegħu għandhom jiġu gawduti minn pajjiżi li ma għandhomx aktar bżonnu.

L-UE tassorbi kwint tal-esportazzjonijiet tal-pajji'i li qegħdin jiżviluppaw. 40% tal-importazzjonijiet tal-UE ġejjin mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-UE hija l-ikbar importatur tad-dinja ta' prodotti agrikoli minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u timporta aktar mill-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ġappun kollha flimkien.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Ir-regoli ta’ oriġini fl-arranġamenti preferenzjali ta’ kummerċ - Orjentazzjonijiet għall-futur [ COM(2005) 100 finali - Mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali]

Din il-komunikazzjoni ssegwi l-konsultazzjoni mnedija mill-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tar-regoli ta' oriġini fil-ftehimiet kummerċjali preferenzjali. Turi li r-regoli preferenzjali ta' oriġini jeħtieġ li jiġu riveduti. Ir-reviżjoni hija importanti wkoll minħabba l-mira li l-pajjiżi li qed jiżvilippaw jiġu integrati fl-ekonomija dinjija. Ir-reviżjoni għandha tkun akkumpanjata wkoll b'aġġustament tal-proċeduri għall-ġestjoni u l-kontroll tagħhom.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi azzjonijiet fi tliet oqsma:

  • reviżjoni tal-kundizzjonijiet sabiex prodott jiġi kkunsidrat bħala li joriġina f'pajjiż;
  • bidla fil-proċeduri doganali meħtieġa għall-implimentazzjoni xierqa u l-kontroll tal-użu tal-preferenzi mill-operaturi ekonomiċi;
  • l-iżvilupp ta' strumenti li jiżguraw li l-pajjiżi benefiċjarji jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-1 ta’ Jannar 2009 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u (KE) Nru 964/2007 [Ġurnal Uffiċjali L 211 tas-6.8.2008]

Dan ir-Regolament jistabbilixxi skema tal-Komunità ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati li huma applikabbli mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011.

Il-GSP għall-2009 sa l-2011 jiffokaw prinċipalment fuq it-tħeġġiġ tal-iżvilupp sostenibbli u governanza tajba fil-pajjiżi li l-aktar għandhom bżonnhom. Dan l-aġġornament huwa fil-qafas tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni fl-2004, li stabbilixxa l-prinċipji prinċipali tal-GSP għall-2006 sal-2015.

Regolament (UE) Nru 512/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati sal-31 ta’ Diċembru 2013 [Ġurnal Uffiċjali L 145 tal-31.05.2011]

Dan ir-Regolament jemenda dawk l-aspetti tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 li kienu neċessarji għall-estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu sal-31 ta' Diċembru 2013.

Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 303 tat-31.10.2012]

Fl-2012, l-UE qablet fuq regoli ġodda sabiex tiffoka l-GSP tagħha mill-ġdid, wara reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-istrument. Dan sabiex tiżgura li s-sistema tkun qiegħda tiffoka fuq pajjiżi li huma l-aktar fil-bżonn, b'mod speċjali minħabba t-tendenzi mibdulin fil-kummerċ globali tul dan l-aħħar deċenju. Il-GSP riformata hija wkoll aktar trasparenti u tista' titbassar aħjar għall-pajjiżi benefiċjarji u l-operaturi ekonomiċi. Ir-Regolament huwa applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2023.

L-aħħar aġġornament: 19.06.2014

Top