Help Print this page 
Title and reference
Adozzjoni tal-ftehimiet tad-WTO

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Adozzjoni tal-ftehimiet tad-WTO

Permezz ta' din id-Deċiżjoni, il-Kunsill jadotta t-testi legali li jirriżultaw min-negozjati kummerċjali multilaterali tar-Rawnd tal-Uruguay konklużi permezz tal-iffirmar tal-Att Finali ta' Marrakesh u l-ħolqien tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) [Ġurnal Uffiċjali L 336, tat-23.12.1994].

SOMMARJU

Att Finali li jinkorpora r-riżultati tan-negozjati kummerċjali multilaterali tar-rawnd tal-Uruguay

Permezz ta' din id-Deċiżjoni, il-Kunsill jadotta, f'isem il-Komunità Ewropea u fir-rigward ta' materji fil-kompetenza tagħha, ir-riżultati tan-negozjati tar-Rawnd tal-Uruguay inkorporati fl-Att Finali ta' Marrakesh (EN) (FR) iffirmat fil-15 ta' April 1994 fil-Marokk mir-rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri.

L-Att Finali ta' Marrakesh jinkludi lista tal-ftehimiet multilaterali u plurilaterali u deċiżjonijiet ministerjali u d-dikjarazzjonijiet li jiċċaraw id-dispożizzjonijiet ta' ċertu ftehimiet. Il-ftehimiet kummerċjali multilaterali huma l-ftehimiet in kwistjoni u l-istrumenti legali assoċjati huma parti integrali tal-ftehimiet tad-WTO (EN) (FR) u li jorbtu lill-membri kollha tad-WTO. Safejn il-ftehimiet plurilaterali huma kkonċernati, għalkemm dawn jagħmlu parti mill-ftehimiet tad-WTO, huma ma joħolqux obbligi jew drittijiet għall-membri tad-WTO li ma jkunux aċċettawhom (eż. il-Ftehim dwar l-Akkwisti mill-Gvern).

Il-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jinkorpora bosta annessi li fihom il-ftehimiet tad-WTO. L-Anness 1A jinkludi l-ftehimiet multilaterali dwar il-kummerċ ta' oġġetti. Dawn huma:

  • il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT 1994 (EN) (FR)) (li inkluda l-GATT 1947);
  • il-Ftehim dwar l-Agrikoltura;
  • il-Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji;
  • il-Ftehim dwar it-Tessuti u l-Ħwejjeġ;
  • il-Ftehim dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ;
  • il-Ftehim dwar Miżuri ta' Investiment Relatati mal-Kummerċ;
  • il-Ftehim dwar Miżuri Anti-Dumping;
  • il-Ftehim dwar il-Valutazzjoni Doganali;
  • il-Ftehim dwar l-Ispezzjoni qabel it-Trasbord;
  • il-Ftehim dwar ir-Regoli ta' Oriġini;
  • il-Ftehim dwar il-Proċeduri ta' Liċenzji ta' Importazzjoni;
  • il-Ftehim dwar Sussidji u Miżuri Kumpensatorji;
  • il-Ftehim dwar Salvagwardji.

L-Anness 1B tal-Ftehim WTO fih il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ ta' Servizzi (GATS (EN) (FR)) u l-Anness 1C jikkonsisti mill-Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS (EN) (FR)), inkluż il-kummerċ ta' prodotti ffalsifikati.

L-Anness 2 jinkorpora l-Fehim dwar Regoli u Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni ta' Tilwimiet. L-Anness 3 għandu x'jaqsam mal-mekkaniżmu għar-reviżjoni tal-politiki tal-kummerċ tal-membri tad-WTO.

Fl-aħħar nett, l-Anness 4 jittratta l-ftehimiet kummerċjali plurilaterali. Dawn huma:

  • il-Ftehim dwar il-Kummerċ ta' Ajruplani Ċivili;
  • il-Ftehim dwar l-Akkwisti tal-Gvern;
  • il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Ħalib;
  • il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Laħam tal-Bovini.

L-aħħar żewġ ftehimiet ġew revokati fl-aħħar tal-1997.

Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)

Dan il-ftehim ipprovda qafas instituzzjonali komuni għat-tmexxija tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali fil-kuntest tar-regoli li jirriżultaw mill-ftehimiet u l-istrumenti legali msemmija hawn fuq.

Kuntrarjament għall-predeċessur tagħha (il-GATT), il-WTO hija organizzazzjoni permanenti li tgawdi minn personalità ġuridika u l-attributi tagħha. Il-membri kollha tal-GATT permezz tad-drittijiet saru membri oriġinali tad-WTO fl-1 ta' Jannar 1995. Minn din id-data, l-applikanti li jixtiequ jingħaqdu kellhom isegwu l-proċedura ta' adeżjoni stipulata fil-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO.

Il-membri tad-WTO stabbilew l-għanijiet li ġejjin għalihom stess:

  • jgħollu l-istandards ta' għajxien;
  • jiżguraw impjieg sħiħ u volum dejjem jikber ta' dħul reali u domanda effettiva;
  • espansjoni tal-produzzjoni u l-kummerċ fl-oġġetti u servizzi;
  • żvilupp sostenibbli u ħarsien tal-ambjent;
  • kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-funzjoni tad-WTO hija li:

  • tiffaċilita l-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni u l-operat tal-ftehimiet kummerċjali varji;
  • tipprovdi forum għal negozjati kummerċjali multilaterali;
  • issolvi tilwim kummerċjali, permezz tal-Korp għas-Solvien tat-Tilwim (DSB (EN) (FR));
  • tirrevedi l-politika kummerċjali nazzjonali tal-membri tagħha;
  • tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra sabiex tiġi żgurata koerenza akbar fit-tfassil tal-politika ekonomika globali.

Minn perspettiva strutturali, id-WTO għandha Konferenza Ministerjali, l-ogħla korp tagħha, komposta minn rappreżentanti tal-pajjiżi membri kollha, li jiltaqa' mill-inqas darba kull sentejn. Fl-intervall bejn dawn il-laqgħat, il-Kunsill Ġenerali, magħmul minn rappreżentanti tal-membri kollha, iwettaq il-funzjonijiet tad-WTO u jissorvelja l-operat tal-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ministerjali. Il-Kunsill Ġenerali jiltaqa' wkoll biex jaqdi r-responsabbiltajiet tal-Korp għas-Solvien tat-Tilwim u l-Korp għar-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali previsti fil-Mekkaniżmu tar-Rivista tal-Politika Kummerċjali (TPRM (EN) (FR)).

Il-Kunsill Ġenerali għandu taħt il-gwida tiegħu tliet korpi sussidjarji, il-Kunsill għall-Kummerċ ta' Merkanzija, il-Kunsill għall-Kummerċ ta' Servizzi u l-Kunsill għal Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali. Kumitati li huma dipendenti fuq il-Kunsill Ġenerali iżda mhux fuq dawn it-tliet kunsilli huma stabbiliti wkoll, bħalma huma l-kumitati fuq il-'kummerċ u l-iżvilupp', il-'kummerċ u l-ambjent' u 'ftehimiet reġjonali'. Finalment, żewġ kumitati huma responsabbli għall-amministrazzjoni taż-żewġ ftehimiet plurilaterali dwar il-kummerċ ta' ajruplani ċivili u l-akkwisti tal-gvern.

Il-Kunsill Ġenerali jaħtar Direttur Ġenerali, li huwa responsabbli għat-tmexxija tas-Segretarjat tad-WTO.

Fil-prinċipju, id-WTO jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'kunsens. Meta deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b'kunsens, id-deċiżjonijiet jittieħdu b'maġġoranza ta' voti, b'kull membru tad-WTO għandu vot wieħed. Il-Komunità Ewropea, li hija membru sħiħ tad-WTO, għandha numru ta' voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha, li huma membri tad-WTO. Il-ftehim jistipula li n-numru ta' voti tal-KE u l-Istati Membri tagħha fl-ebda każ ma għandu jaqbeż in-numru tal-Istati Membri tal-KE.

Kull membru tad-WTO jista' jissottometti lill-Konferenza Ministerjali proposti biex jiġu emendati dispożizzjonijiet tad-diversi ftehimiet kummerċjali multilaterali tad-WTO.

Ftehim dwar Regoli u Proċeduri li Jirregolaw is-Solvien tat-Tilwim

Is-sistema tad-WTO għas-solvien tat-tilwim hija element importanti tal-ordni kummerċjali multilaterali. Hija bbażata fuq l-Artikoli XXII u XXIII tal-GATT 1994 u fuq ir-regoli u l-proċeduri li sussegwentement tfasslu u ġew stipulati fil-Fehim dwar Regoli u Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni ta' Tilwim inkorporat fil-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO.

Is-sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim tkopri l-ftehimiet kummerċjali multilaterali kollha. Fil-fatt, din tapplika għall-kummerċ ta' merkanzija, kummerċ ta' servizzi u kwistjonijiet ta' proprjetà intellettwali koperti mill-Ftehim TRIPS. Din tapplika wkoll għal tilwim taħt il-Ftehim plurilaterali dwar l-Akkwisti tal-Gvern. Xi wħud minn dawn il-ftehimiet jinkludu dispożizzjonijiet dwar solvien ta' tilwim li japplikaw biss għal tilwim taħt il-ftehim imsemmi u li jistgħu jissupplimentaw jew jimmodifikaw ir-regoli tal-Fehim.

Is-sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim hija amministrata minn Korp għas-Solvien tat-Tilwim (DSB) imwaqqaf mill-Fehim. Il-membri kollha tad-WTO jistgħu jattendu laqgħat tad-DSB. Madankollu, fejn id-DSB jamministra d-dispożizzjonijiet relatati mas-solvien ta' tilwim dwar ftehim kummerċjali plurilaterali, il-membri li huma partijiet għall-ftehim biss sejrin ikunu jistgħu jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet jew azzjonijiet meħuda mid-DSB fir-rigward tat-tilwim taħt dan il-ftehim.

Il-proċess ta' solvien tat-tilwim jitnieda meta membru wieħed jissottometti talba lil ieħor għal konsultazzjoni dwar kwistjoni speċifika. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jibdew fi żmien 30 jum mit-talba. Jekk il-konsultazzjonijiet jonqsu milli jsolvu tilwima, membru jista' jitlob lid-DSB biex iwaqqaf panil, li ġeneralment ikun jikkonsisti minn tliet esperti indipendenti, sabiex jindirizza l-kwistjoni. Barra minn hekk, il-partijiet jistgħu jaqblu volontarjament li jagħmlu użu minn metodi oħrajn ta' solvien ta' tilwim, inklużi uffiċċji tajbin, konċiljazzjoni u medjazzjoni.

Wara li jisma' lill-partijiet, il-panil jissottometti rapport lid-DSB. Il-panil għandu jlesti l-ħidma tiegħu fi żmien sitt xhur jew, f'każijiet ta' urġenza, fi żmien tliet xhur. Ir-rapport jitqies għal adozzjoni mid-DSB, 20 jum wara li jkun ġie ċċirkolat lill-membri. Fi żmien 60 jum mid-data ta' ċirkolazzjoni, dan jiġi adottat, sakemm id-DSB ma jiddeċidix b'konsensus li ma jadottax ir-rapport (konsensus oppost jew negattiv), jew jekk waħda mill-partijiet tinnotifika d-deċiżjoni tagħha li tappella.

Tabilħaqq, il-proċedura ta' solvien tat-tilwim tad-WTO tippermetti lill-partijiet kollha f'każ b'panil sabiex jappellaw. Madankollu, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet tal-liġi koperti fir-rapport tal-panil u l-interpretazzjonijiet legali żviluppati mill-panil. L-appell jiġi eżaminat minn Korp ta' Appell permanenti kompost minn seba' membri maħtura mid-DSB għal mandat ta' erba' snin. Tlieta mill-membri jservu fuq kwalunkwe każ wieħed. Ir-rapport tal-Korp ta' Appell għandu jiġi aċċettat mingħajr kondizzjonijiet mill-partijiet fit-tilwima u għandu jiġi adottat mid-DSB sakemm ma jkunx hemm konsensus negattiv, fi kliem ieħor, deċiżjoni b'konsensus biex ir-rapport ma jiġix adottat.

Id-DSB għandu jżomm taħt sorveljanza l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet adottati, u l-kwistjonijiet kollha pendenti jibqgħu fuq l-aġenda tal-laqgħat tiegħu sakemm jiġu solvuti. Huma stabbiliti wkoll skadenzi għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapporti tal-panil. Meta parti tkun kapaċi timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet f'perjodu raġonevoli ta' żmien, għandha tidħol f'negozjati mal-parti li tkun qiegħda tilmenta bil-għan li tiżviluppa kumpens aċċettabli reċiprokament. Jekk dawn in-negozjati ma jirnexxux, id-DSB jista' jawtorizza lill-parti li tkun qiegħda tilmenta li tissospendi l-applikazzjoni lill-membru konċernat għal konċessjonijiet jew obbligi. Il-kumpens u s-sospensjoni tal-konċessjonijiet huma, madankollu, biss il-miżuri temporanji li jistgħu jkunu applikati sakemm ir-rakkomandazzjonijiet tad-DSB jiġu implimentati mill-membru kkonċernat.

Fil-każijiet kollha, il-membri tad-WTO jaqblu li huma mhux sejrin jistabbilixxu huma stess li kien hemm ksur tal-obbligi stabbiliti fi ħdan il-qafas tad-WTO, u lanqas jissospendu konċessjonijiet. Huma għandhom japplikaw ir-regoli u l-proċeduri għas-solvien ta' tilwim stabbiliti fl-Fehim.

Barra minn hekk, il-Fehim tar-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Solvien ta' Tilwim jirrikonoxxi s-sitwazzjoni speċjali ta' membri tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw tad-WTO u ta' membri tal-pajjiżi l-inqas żviluppati. Pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jistgħu jagħżlu għal proċedura aċċellerata, jitolbu skadenzi estiżi jew jitolbu għajnuna legali addizzjonali. Membri tad-WTO huma mħeġġa illi jagħtu kunsiderazzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-membri minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Mekkaniżmu ta' Reviżjoni tal-Politika tal-Kummerċ (TPRM)

Il-Mekkaniżmu ta' Reviżjoni tal-Politika tal-Kummerċ (TPRM) kien stabbilit bħala miżura temporanja taħt il-GATT fl-1989 wara r-reviżjoni ta' nofs il-mandat tar-Rawnd tal-Uruguay. Dan il-mekkaniżmu issa huwa parti integrali mis-sistema tad-WTO u jinkludi l-oqsma kollha koperti mill-ftehimiet tad-WTO (merkanzija, servizzi u kwistjonijiet ta' proprjetà intellettwali).

It-TPRM jimmira, b'mod partikolari, sabiex jikseb aktar trasparenza, u fehim ta', il-politiki kummerċjali u prattiċi tal-membri tad-WTO, sabiex iħeġġeġ lill-membri biex jaderixxu mar-regoli fis-seħħ fis-sistema kummerċjali multilaterali u, b'hekk, biex jippromwovi l-funzjonament bla xkiel tas-sistema.

Fil-qafas tat-TPRM, il-membri kollha tad-WTO huma soġġetti għal reviżjoni. Din ir-reviżjoni ssir kull sentejn għall-erba' membri bl-akbar sehem tal-kummerċ dinji (bħalissa l-Komunità Ewropea, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Kanada), kull erba' snin għas-16-il membru li jmiss u kull sitt snin għall-membri l-oħrajn. Perjodu itwal jista' jiġi stabbilit għall-pajjiżi l-inqas żviluppati. Fil-prattika, ġie introdott ċertu grad ta' flessibilità għar-rata ta' reviżjonijiet (sa intervall ta' sitt xhur). Fl-1996, sar qbil li kull reviżjoni oħra ta' kull wieħed mill-ewwel erba' poteri kummerċjali tkun reviżjoni provviżorja.

Ir-reviżjoni hija mwettqa mill-Korp għar-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali (TPRB) fuq il-bażi ta' dikjarazzjoni ta' politika ġenerali ppreżentata mill-membru kkonċernat u rapport imħejji mis-Segretarjat tad-WTO. Fit-tfassil tar-rapport tiegħu, is-Segretarjat ifittex l-appoġġ tal-membru kkonċernat iżda jżomm responsabbiltà sħiħa għall-fatti ppreżentati u l-fehmiet imfissra. Ir-rapport tas-Segretarjat u tad-dikjarazzjoni tal-membru jiġu ppubblikati wara l-laqgħa ta' reviżjoni, flimkien mal-minuti tal-laqgħa u t-test tal-aħħar kummenti magħmula mill-President tat-TPRB fl-aħħar tal-laqgħa.

Aktar informazzjoni tista' tinstab fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ Estern (EN) u d-WTO (EN) (FR).

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 94/800/KE

22.12.1994

ĠU L 336, tat-23.12.1994

ATTI RELATATI

Communication from the Commission to the Council and to the European Parliament of 26 November 2003 - Reviving the DDA Negotiations - the EU Perspective [COM(2003) 734 final - Not published in the Official Journal]. (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2003 - Rivitalizzazzjoni tan-Negozjati tad-DDA - il-Perspettiva tal-UE) [COM(2003) 734 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].

L-aħħar aġġornament: 21.04.2008

Top