EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni kontra ostakoli kummerċjali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 3286/94 – proċeduri sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-UE skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

SOMMARJU

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

  • jistabbilixxi proċedura li tippermetti lin-negozji u lill-pajjiżi tal-UE jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE jeżaminaw kwalunkwe ostakolu kummerċjali* stabbilit minn pajjiżi mhux tal-UE biex jiġu mħarsa l-interessi tal-kumpaniji u l-ħaddiema tal-UE.
  • Huwa jfittex li jelimina l-ħsara* jew effetti kummerċjali negattivi* b’riżultat ta’ dawn l-ostakoli kummerċjali skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ.

PUNTI EWLENIN

  • Ilmenti taħt dan ir-Regolament jistgħu jiġu ppreżentati f'isem industrija tal-UE, f'isem kumpanija waħda jew aktar tal-UE jew minn pajjiż tal-UE li jindika ostakolu kummerċjali. L-ilment għandu jkun fih biżżejjed evidenza tal-eżistenza tal-ostakoli kummerċjali u tal-ħsara jew tal-effetti kummerċjali negattivi b’riżultat ta’ dawn.
  • L-ilmenti għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea bil-miktub. Il-Kummissjoni għandha 45 jum biex tiddeċiedi jekk ilment huwiex ammissibbli. Dan il-perjodu jista’ jiġi sospiż fuq talba tal-ilmentatur sabiex tkun tista’ tiżdied aktar informazzjoni.
  • Kumitat konsultattiv magħmul minn rappreżentanti ta’ kull pajjiż tal-UE u presedut mill-Kummissjoni jipprovdi informazzjoni lil dawk il-pajjiżi. Huwa wkoll forum fejn jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.
  • Jekk ilment jitqies ammissibbli, jinbeda eżami u jiġi mħabbar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU). Din it-tħabbira tindika l-prodott jew is-servizz u l-pajjiżi kkonċernati. Imbagħad il-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha mill-partijiet involuti.

Fejn, abbażi din il-proċedura ta’ eżami, l-UE tiddeċiedi li tieħu azzjoni, tista' tittieħed kwalunkwe miżura politika kummerċjali li tkun kompatibbli mal-obbligi u mal-proċeduri internazzjonali eżistenti, B’mod partikolari, tista’:

  • 1.

    tissospendi konċessjonijiet tariffarji* u timponi aktar dazji doganali jew dazji doganali ġodda;

  • 2.

    tintroduċi jew iżżid ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ merkanzija;

  • 3.

    tissospendi konċessjonijiet dwar prodotti, servizzi jew fornituri fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex tittieħed azzjoni waħda jew aktar minn dawn ta’ hawn fuq fi żmien 30 jum.

Fl-2014, l-UE emendat ir-Regolament (Regolament (UE) Nru 654/2014) u żiedet regoli u proċeduri ġodda. Dawn jiżguraw li l-UE tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha li tissospendi jew li tirtira konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt ftehimiet kummerċjali internazzjonali b’mod aktar effettiv u mgħaġġel.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti li jieħdu azzjoni kontra pajjiżi mhux tal-UE f'każijiet ta’ ħtieġa urġenti. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni huma immedjatament applikabbli u din il-proċedura tista' tintuża biss f'każijiet debitament ġustifikati. Miżuri li jistgħu jiġu promulgati permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni jinkludu t-3 iċċitati hawn fuq.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) Nru 3286/94 ilu japplika mill-1 ta' Jannar 1995. Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 ilu japplika mis-17 ta’ Lulju 2014.

SFOND

Investigazzjonijiet tal-ostakoli kummerċjali

TERMINI EWLENIN

* Ostakolu kummerċjali: kwalunkwe prattika kummerċjali adottata minn pajjiż mhux tal-UE iżda li hija projbita mir-regoli internazzjonali tal-kummerċ li tagħti lil parti affettwata mill-prattika d-dritt li tfittex li jiġi eliminat l-effett ta’ dik il-prattika. Dawn ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ huma essenzjalment dawk tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u dawk stabbiliti fi ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE li għalihom l-UE hija parti.

* Ħsara: kwalunkwe ħsara materjali li ostaklu kummerċjali jhedded li jikkawża lil industrija tal-UE fis-suq tal-UE.

* Effetti kummerċjali negattivi: effetti li ostaklu kummerċjali jikkawża jew jhedded li jikkawża, fir-rigward ta’ prodott jew ta’ servizz, lin-negozji tal-UE fis-suq ta' kwalunkwe pajjiż mhux tal-UE.

* Konċessjonijiet jew obbligi oħra: konċessjonijiet tariffarji jew kwalunkwe benefiċċju ieħor li l-UE tkun impenjat ruħha li tapplika fil-kummerċ tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE bis-saħħa ta' ftehimiet internazzjonali tal-kummerċ li għalihom hija parti.

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 349, 31.12.1994, p. 71–78)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 3286/94 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija għal skopijiet ta' referenza biss.

l-aħħar aġġornament 30.11.2015

Top