Help Print this page 
Title and reference
Protezzjoni kontra ostakoli kummerċjali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Protezzjoni kontra ostakoli kummerċjali

Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura li tippermetti lin-negozji u lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE jeżaminaw kwalunkwe ostakolu kummerċjali stabbilit minn pajjiżi mhux tal-UE. Ifittex li jelimina li ssir ħsara jew li jkun hemm effetti kummerċjali negattivi b’riżultat ta’ dawn l-ostakoli kummerċjali skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ.

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

SOMMARJU

Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura li tippermetti lin-negozji u lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE jeżaminaw kwalunkwe ostakolu kummerċjali stabbilit minn pajjiżi mhux tal-UE. Ifittex li jelimina li ssir ħsara jew li jkun hemm effetti kummerċjali negattivi b’riżultat ta’ dawn l-ostakoli kummerċjali skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ.

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

L-għan tiegħu huwa li tittejjeb il-kapaċità tal-UE li tinforza d-drittijiet tagħha fis-sistema internazzjonali tal-kummerċ. Huwa essenzjali li l-imsieħba kummerċjali jirrispettaw ir-regoli kummerċjali miftiehma sabiex il-ftehimiet kummerċjali jaqdu l-ħtiġijiet tal-ekonomija tal-UE. Il-liġi tkopri r-reazzjonijiet kummerċjali tal-UE f'każijiet ta’ miżuri kummerċjali illegali f'pajjiżi oħra u tippermetti azzjoni effettiva biex tissalvagwardja l-interessi tal-kumpaniji u tal-ħaddiema tal-UE. Aspett ewlieni huwa li jistabbilixxi proċedura għall-ilmenti biex jiġu trattati l-ostakli kummerċjali.

PUNTI EWLENIN

Ilmenti taħt dan ir-Regolament jistgħu jiġu ppreżentati f'isem industrija tal-UE, f'isem kumpanija waħda jew aktar tal-UE jew minn pajjiż tal-UE li jindika ostakolu kummerċjali. L-ilment għandu jkun fih biżżejjed evidenza tal-eżistenza tal-ostakoli kummerċjali u tal-ħsara jew tal-effetti kummerċjali negattivi b’riżultat ta’ dawn.

L-ilmenti għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea (KE) bil-miktub. Il-KE għandha 45 jum biex tiddeċiedi jekk ilment huwiex ammissibbli. Dan il-perjodu jista’ jiġi sospiż fuq talba tal-ilmentatur sabiex tkun tista’ tiżdied aktar informazzjoni.

Kumitat konsultattiv magħmul minn rappreżentanti ta’ kull pajjiż tal-UE u presedut mill-KE jipprovdi informazzjoni lil dawk il-pajjiżi. Huwa wkoll forum fejn jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

Jekk ilment jitqies ammissibbli, jinbeda eżami u jiġi mħabbar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU). Din it-tħabbira tindika l-prodott jew is-servizz u l-pajjiżi kkonċernati. Imbagħad il-KE tiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha mill-partijiet involuti.

Fejn, abbażi din il-proċedura ta’ eżami, l-UE tiddeċiedi li tieħu azzjoni, tista' tittieħed kwalunkwe miżura politika kummerċjali li tkun kompatibbli mal-obbligi u mal-proċeduri internazzjonali eżistenti, B’mod partikolari, tista’:

1.

tissospendi konċessjonijiet tariffarji u timponi aktar dazji doganali jew dazji doganali ġodda;

2.

tintroduċi jew iżżid ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ merkanzija;

3.

tissospendi konċessjonijiet dwar prodotti, servizzi jew fornituri fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-proposta tal-KE biex tittieħed azzjoni waħda jew aktar minn dawn ta’ hawn fuq fi żmien 30 jum.

Fl-2014, l-UE emendat ir-Regolament (Regolament (UE) Nru 654/2014) u żiedet regoli u proċeduri ġodda. Dawn jiżguraw li l-UE tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha li tissospendi jew li tirtira konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt ftehimiet kummerċjali internazzjonali b’mod aktar effettiv u mgħaġġel.

Il-KE tista’ tadotta atti li jieħdu azzjoni kontra pajjiżi mhux tal-UE f'każijiet ta’ ħtieġa urġenti. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni huma immedjatament applikabbli u din il-proċedura tista' tintuża biss f'każijiet debitament ġustifikati. Miżuri li jistgħu jiġu promulgati permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni jinkludu t-3 iċċitati hawn fuq.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Mill-1 ta’ Jannar 1995. Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 ilu japplika mis-17 ta’ Lulju 2014.

KLIEM EWLIENI

Ostakolu kummerċjali: kwalunkwe prattika kummerċjali adottata minn pajjiż mhux tal-UE iżda li hija projbita mir-regoli internazzjonali tal-kummerċ li tagħti lil parti affettwata mill-prattika d-dritt li tfittex li jiġi eliminat l-effett ta’ dik il-prattika. Dawn ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ huma essenzjalment dawk tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u dawk stabbiliti fi ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE li għalihom l-UE hija parti.

Konċessjonijiet jew obbligi oħra: konċessjonijiet tariffarji jew kwalunkwe benefiċċju ieħor li l-UE tkun impenjat ruħha li tapplika fil-kummerċ tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE bis-saħħa ta' ftehimiet internazzjonali tal-kummerċ li għalihom hija parti

Ħsara: kwalunkwe ħsara materjali li ostaklu kummerċjali jhedded li jikkawża lil industrija tal-UE fis-suq tal-UE.

Effetti kummerċjali negattivi: effetti li ostaklu kummerċjali jikkawża jew jhedded li jikkawża, fir-rigward ta’ prodott jew ta’ servizz, lin-negozji tal-UE fis-suq ta' kwalunkwe pajjiż mhux tal-UE.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit Investigazzjonijiet dwar Ostakoli Kummerċjalital-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 3286/94

1.1.1995

-

ĠU L 349 tal-31.12.1994, p. 71-78

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 356/95

24.2.1995

-

ĠU L 41 tat-23.2.1995, p. 3

Ir-Regolament (KE) Nru 125/2008

5.3.2008

-

ĠU L 40 tal-14.2.2008, p. 1-2

Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014

17.7.2014

-

ĠU L 189 tas-27.6.2014, p. 50-58

Emendi u korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 3286/94 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija għal referenza biss.

L-aħħar aġġornament: 02.04.2015

Top