Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Miżuri kontra s-sussidji

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Miżuri kontra s-sussidji

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) 2016/1037 – miżuri kontra s-sussidji

X'INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi r-regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux tal-UE u l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens.

PUNTI EWLENIN

  • Dazju ta’ kumpens jiġi applikat biex iħassar l-effetti ta’ ħsara tal-importazzjonijiet fuq is-suq tal-UE u jdaħħal mill-ġdid il-kompetizzjoni ġusta. Id-dazju jitħallas mill-importatur u jinġabar mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-UE kkonċernat.
  • Jekk industrija tal-UE tikkunsidra li l-importazzjonijiet ta’ prodott minn pajjiż mhux tal-UE huma ssussidjati u jagħmlu ħsara lill-industriji tal-UE li qed jipproduċu l-istess prodott, jistgħu jippreżentaw ilment lill-Kummissjoni Ewropea.
  • Jekk l-ilment juri evidenza inizjali ta’ sussidju jew ħsara lill-industrija tal-UE u rabta kawżali bejn is-sussidju u d-dannu, il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni kontra s-sussidji.
  • Il-Kummissjoni tista’ timponi dazji ta’ kumpens provviżorju, sakemm isiru aktar investigazzjonijiet, jekk l-investigazzjoni kontra s-sussidji tiżvela li ċerti kondizzjonijiet ikunu ssodisfati, inkluż:
    • li l-importazzjonijiet jibbenefikaw minn sussidju speċifiku;
    • li hemm ħsara lill-industrija tal-UE;
    • li hemm konnessjoni kawżali bejn sussidju u ħsara; u
    • li l-interessi tal-UE jeħtieġu intervent biex tkun evitata l-ħsara.
  • Wara aktar investigazjoni, jistgħu jiġu imposti miżuri definittivi mill-Kummissjoni fi żmien tlettax-il xahar. Dawn huma normalment applikabbli għal ħames snin.
  • Matul il-perjodu ta’ ħames snin, tista’ ssir talba għal reviżjoni temporanja meta ċ-ċirkostanzi dwar is-sussidjar u l-ħsara tbiddlu b’mod sinifikanti u din il-bidla hija ta’ natura dejjiema.
  • Fl-aħħar sena tal-applikazzjoni tal-miżuri, l-industriji tal-UE jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni bi skadenza. Din tiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri aktarx iwasslu għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tas-sussidjar u l-ħsara. F’dan il-każ, il-miżuri jistgħu jitkomplew għal ħames snin oħra.
  • L-importaturi jistgħu wkoll jitolbu rifużjoni tad-dazji mħallsa jekk jaħsbu li l-ammont tas-sussidju tnaqqas jew ġie eliminat.
  • Ir-regoli tal-UE kontra s-sussidji huma bbażati fuq l-istandards globali stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2016/1037 huwa l-verżjoni kodifikata ta' att oriġinali (ir-Regolament (KE) Nru 597/2009), u l-emendi sussegwenti tiegħu. Dan ilu japplika mill-20 ta’ Lulju 2016.

SFOND

  • Sussidju huwa kontribuzzjoni finanzjarja, bħal għotja jew self, normalment imħallsa mill-gvern ta’ pajjiż mhux tal-UE, li jagħti benefiċċju lil kumpanija jew industrija li tkun qed timporta l-prodotti tagħha fl-UE, b’hekk tgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq tal-UE. Biex tħassar din l-iżnaturazzjoni u ddaħħal mill-ġdid il-kompetizzjoni ġusta, l-UE tista’ timponi 'l hekk imsejjaħ dazju ta’ kumpens fuq importazzjonijiet ta’ din ix-xorta.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55–91)

l-aħħar aġġornament 27.02.2017

Top