Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Miżuri tal-antidumping

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Miżuri tal-antidumping

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet mormija minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ miżuri tal-antidumping fl-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

  • Id-dumping iseħħ meta kumpanija tbiegħ prodott bi prezz aktar baxx fis-suq tal-esportazzjoni minn dak fis-suq domestiku tagħha. Bil-għan li tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta bl-istess prodott mibjugħ fis-suq tal-Unjoni Ewropea (UE) minn produtturi tal-UE, l-UE tista’ timponi miżuri ta’ antidumping fuq tali importazzjonijiet.
  • Jistgħu jiġu imposti miżuri ta’ antidumping jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
    • l-importazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għal dumping;
    • għandha tkun saret ħsara* materjali lill-industrija tal-UE li tipproduċi l-prodott simili*;
    • għandu jkun hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping u l-ħsara materjali;
    • il-miżura ta’ antidumping ma għandhiex tmur kontra l-interess tal-UE.
  • Jekk jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet, jistgħu jiġu imposti miżuri ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-UE. Ġeneralment, dawn il-miżuri jieħdu l-forma ta’ dazjuad valorem , jiġifieri perċentwal tal-valur tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat. Huma jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta’ dazji speċifiċi, jiġifieri valur fiss għal ċertu ammont ta’ prodotti, eż. €100 għal kull tunnellata ta’ prodott, jew impenn fuq il-prezz. Impenn fuq il-prezz huwa impenn minn esportatur li jirrispetta l-prezzijiet minimi tal-importazzjoni.
  • Id-dazji jitħallsu mill-importatur fl-UE u jinġabru mill-awtoritajiet doganali nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE kkonċernati.
  • Ġeneralment, il-miżuri jiġu imposti għal 5 snin. Il-miżuri fis-seħħ jistgħu jiġu riveduti (reviżjoni interim) taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-reviżjoni ġeneralment ikun limitat għal element wieħed jew għal diversi elementi tal-miżuri inizjali, eż. il-livell ta’ dumping u/jew ħsara, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, il-forma tal-miżuri.
  • Wara 5 snin, il-miżuri jiskadu sakemm ma ssirx reviżjoni tal-iskadenza li tikkonkludi li, kieku l-miżuri kellhom jiskadu, id-dumping u l-ħsara materjali probabbilment ikomplu jew jippersistu.
  • L-importaturi jistgħu jitolbu rifużjoni sħiħa jew parzjali tad-dazji mħallsa jekk ikunu jistgħu juru li l-marġini tad-dumping*, li abbażi tiegħu tħallsu d-dazji, kien eliminat jew imnaqqas.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2016/1036 huwa l-verżjoni kodifikata ta' att oriġinali (ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009), u l-emendi sussegwenti tiegħu. Dan ilu japplika mill-20 ta’ Lulju 2016.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Ħsara materjali: ħsara sostanzjali lill-industrija tal-UE, eż. telf ta’ sehem mis-suq, livelli tal-prezzijiet imnaqqsin u/jew profittabbiltà mnaqqsa, ikkawżata mill-importazzjonijiet soġġetti għal dumping

Prodott simili: prodott li huwa identiku jew li jixbah mill-qrib lill-prodott taħt kunsiderazzjoni

Marġini tad-dumping: id-differenza bejn il-prezz li jitlob esportatur għal prodott fis-suq domestiku tiegħu (il-valur normali) u l-prezz li jitlob l-istess esportatur għal dak il-prodott fis-suq tal-UE (prezz tal-esportazzjoni).

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21–54)

l-aħħar aġġornament 27.02.2017

Top