EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-allokazzjoni tal-kwoti ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni tal-UE u l-liċenzji

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 717/2008 — l-amministrazzjoni tal-kwoti kwantitattivi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

  • Ċerti prodotti huma esklużi mir-regolament, inklużi prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.
  • Fost il-prinċipji ġenerali għall-amministrazzjoni tal-kwoti tal-UE hemm dawn li ġejjin:
    • il-kwoti għandhom ikunu allokati fost l-applikanti malajr kemm jista’ jkun;
    • il-kwoti jistgħu jiġu amministrati bl-użu ta’ kombinazzjoni ta’ metodi speċifiċi, eż. abbażi taċ-ċirkolazzjoni tan-negozju tradizzjonali jew fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel;
    • il-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE li jħabbar il-kwoti.
  • Huma stabbiliti regoli speċifiċi għall-metodi differenti għall-amministrazzjoni tal-kwoti. B’hekk, pereżempju, il-metodu:
    • ibbażat fuq ċirkolazzjonijiet ta’ negozju tradizzjonali, parti mill-kwota għandha tiġi merfugħa għall-importaturi jew għall-esportaturi tradizzjonali, jiġifieri dawk li jistgħu juru li importaw jew esportaw mill-UE l-prodott kopert mill-kwota;
    • ibbażat fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel, il-Kummissjoni Ewropea tiddetermina l-kwantità li huma intitolati għaliha l-importaturi jew l-esportaturi sakemm il-kwota tiġi eżawrita;
    • li bih jiġu allokati l-kwoti skont il-kwantitajiet mitluba, il-Kummissjoni tiddetermina l-kwantità tal-kwota abbażi tal-informazzjoni mill-pajjiżi tal-UE dwar in-numru ta’ applikazzjonijiet għal liċenzja li jkunu waslulhom.
  • Fir-rigward tal-metodu ta’ min jiġi l-ewwel, il-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni li jawtorizzaw l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-prodotti rilevanti għandhom jinħarġu immedjatament. Fil-każijiet l-oħra kollha, dawn jinħarġu fi żmien għaxart ijiem min-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni rilevanti jew fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (KE) Nru 717/2008 huwa l-verżjoni kodifikata ta' att oriġinali (ir-Regolament (KE) Nru 520/94), u l-emendi sussegwenti tiegħu. Dan ilu japplika mill-15 ta’ Awwissu 2008.

SFOND

Matul is-snin, hekk kif aktar u aktar pajjiżi saru membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, dan ir-regolament fil-prattika issa japplika biss għal importazzjonijiet minn għadd limitat ta’ pajjiżi. Bħalissa japplika għal importazzjonijiet ta’ tessuti mill-Belarussja u l-Korea ta’ Fuq. Ma hemmx kwoti kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-UE.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 717/2008 tal-15 ta’ Lulju 2008 li jistabblixxi proċedura tal-Komunità għall-amministrazzjoni tal-kwoti kwantitattivi (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 198, 26.7.2008, p. 1–7)

Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 717/2008 tas-17 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi proċedura Komunitarja għall-amministrazzjoni ta' kwoti kwantitattivi (ĠU L 206, 2.8.2008, p. 34)

l-aħħar aġġornament 27.02.2017

Top