Help Print this page 
Title and reference
Strument ta’ għajnuna umanitarja

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Strument ta’ għajnuna umanitarja

L-azzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea għandhom l-għan li jipprovdu għajnuna ta’ emerġenza lill-vittmi ta’ diżastri naturali, kunflitti jew ċirkostanzi straordinarji oħrajn simili.

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 dwar l-għajnuna umanitarja [Ara l-Atti li jemendaw].

SINTEŻI

Kuntest

Ir-Regolament jamministra l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha ta’ għajnuna umanitarja tal-Unjoni lill-vittmi li ma jistgħux jingħataw għajnuna b'mod effiċjenti mill-awtoritajiet tagħhom stess. Dan huwa aspett importanti tar-relazzjonijiet esterni, u billi tiffoka fuq il-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi, il-politika tfittex li tipprevjeni u ttaffi t-tbatija tal-bniedem. Biex titwettaq politika effettiva u komprensiva, ix-xogħol bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni huwa msaħħaħ minn kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Prinċipji tal-għajnuna umanitarja

L-għajnuna umanitarja, li bħala prijorità tiffoka fuq il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, tinkludi mhux biss azzjonijiet ta’ sokkors immedjat iżda ukoll azzjonijiet ta’ prevenzjoni mid-diżastri u azzjonijiet ta’ rikostruzzjoni. Matul iż-żmien meħtieġ, dawn l-azzjonijiet jiffukaw fuq ħtiġijiet, għal għarrieda, ikkawżati minn diżastri naturali (bħal għarar u terremoti) jew ikkawżati mill-bniedem (bħal gwerer u kunflitti) kif ukoll minn ċirkostanzi straordinarji simili.

Attivitajiet inklużi taħt l-għajnuna umanitarja

Billi hija strument għal żmien qasir (massimu ta’ sitt xhur), l-għajnuna umanitarja għandha l-għan ewlieni li:

  • issalva l-ħajjiet fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ wara emerġenza;
  • tipprovdi assistenza u sokkors lill-popolazzjonijiet milquta minn kriżijiet aktar fit-tul li jkunu ġejjin b’mod partikolari mill-kunflitti jew mill-gwerer;
  • tiżviluppa, fuq żmien qasir u fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ wara l-emerġenza, ix-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni u ta’ rikostruzzjoni, b’mod partikolari ta’ infrastruttura u ta’ tagħmir;
  • tiffaċċja l-konsegwenzi taċ-ċaqliq tal-popolazzjonijiet permezz ta’ azzjonijiet ta’ ripatrijazzjoni u ta’ għajnuna għas-sistemazzjoni mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ;
  • tiggarantixxi tħejjija għar-riskji kkonċernati u tuża sistema adegwata ta’ twissija rapida u ta’ intervent.

Barra minn hekk, l-għajnuna tista’ tiffinanzja azzjonijiet li jirrigwardaw it-titjib tal-implimentazzjoni tagħha bħal studji preparatorji ta’ fattibbiltà, l-evalwazzjoni ta’ proġetti, it-tkabbir tal-għarfien dwar il-kwistjonijiet umanitarji, it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri.

Finanzjament

L-għajnuna umanitarja mhijiex rifondibbli. L-implimentazzjoni tagħha hija garantita minn finanzjament li jista’ jinkludi t-tqassim ta’ sokkors, l-ispejjeż marbuta mal-persunal estern, il-bini ta’ postijiet ta’ kenn, eċċ.

Implimentazzjoni

L-għajnuna umanitarja pprovduta mill-Unjoni tista’ tinbeda fuq talba tal-Kummissjoni, ta’ NGOs, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ta’ Stat Membru jew tal-pajjiż benefiċjarju.

Il-Kummissjoni għandha tliet proċeduri distinti ta’ deċiżjoni:

  • il-proċedura ta’ delegazzjoni: bil-għan li żżid il-ħeffa tar-reazzjoni għal emerġenzi għal għal għarrieda, il-Kummissjoni ddelegat lid-Direttur tad-Direttorat Ġenerali għall-għajnuna umanitarja (ECHO) il-kompetenza għad-“deċiżjonijiet ta’ emerġenza primarja”, fil-kuntest ta’ ċerti limiti (ammont massimu ta’ 3 miljun euro, tul tal-azzjoni ta’ 3 xhur massimi);
  • il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni: il-Kummissarju inkarigat mill-għajnuna umanitarja għandu s-setgħa li jiddeċiedi dwar azzjonijiet ta’ emerġenza sa ammont ta’ 30 miljun euro u għal perijodu massimu ta’ 6 xhur kif ukoll dwar deċiżjonijiet “mhux urġenti” għal massimu ta’ 10 miljun euro. Dawn id-deċiżjonijiet huma soġġetti għal proċedura ta’ konsultazzjoni (Kabinett, Interservice). Id-deċiżjonijiet ta’ emerġenza li jaqbżu l-10 miljun euro u dawk mhux urġenti li jaqbżu ż-2 miljun euro jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kumitat għall-Għajnuna Umanitarja;
  • il-proċedura bil-miktub: għall-proċeduri kollha li ma jaqgħux taħt il-proċedura ta’ delegazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni.

Il-Kummissjoni hija responsabbli ukoll mill-istruzzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet. Għal din il-ħidma, hija tkun megħjuna minn Kumitat ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri, skont il-proċedura ta’ komitoloġija.

L-għajnuna tista’ tkun ipprovduta minn NGOs, minn korpi u organizzazzjonijiet internazzjonali, mill-Kummissjoni jew minn korpi speċjalizzati tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha rwol importanti billi tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-attivitajiet tagħha u dawk tal-Istati Membri, kif ukoll il-konsistenza tal-azzjonijiet tal-korpi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Evalwazzjoni

Biex tevalwa u tkun tista’ ttejjeb l-azzjonijiet f’dan il-qasam, il-Kummissjoni, tippreżenta, wara kull sena fiskali, rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ikun jinkludi sommarju tal-azzjonijiet iffinanzjati, tagħrif dwar l-atturi li jkunu kkontribwew għall-implimentazzjoni u sommarju tal-evalwazzjonijiet esterni li jkunu saru. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll fl-1999 evalwazzjoni tal-attivitajiet kollha mwettqa mill-1996 fil-qafas tar-Regolament.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1257/96

5.7.1996

ĠU L 163, 2.7.1996

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1882/2003

20.11.2003

ĠU L 284, 31.10.2003

Regolament (KE) Nru 219/2009

20.04.2009

ĠU L 87, 31.03.2009

L-aħħar aġġornament: 04.06.2010

Top