Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fl-Unjoni Ewropea

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fl-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (KUMM(2009) 82 finali) — Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Hija tiddefinixxi l-approċċ tal-Unjoni Ewropea (UE) biex tantiċipa u ġġestixxi aħjar id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. F’dan ir-rigward, hija tipproponi sett ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-UE.
  • Hija wittiet it-triq biex ikun hemm fokus aktar qawwi fuq il-prevenzjoni fil-leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar il-protezzjoni ċivili (Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni) li tistabbilixxi bażi għall-implimentazzjoni ta’ politika wiesgħa għall-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri, u tippromwovi approċċ komplut għar-riskji kollha naturali u kkawżati mill-bniedem, mill-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija għalihom għar-rispons .

PUNTI EWLENIN

It-telf tal-ħajjiet kif ukoll il-ħsara ekonomika u ambjentali huma l-aktar impatti serji tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem li jidhru li qed jiżdiedu kemm f’termini ta’ numru u ta’ severità. Il-vulnerabbiltà miżjuda għal tali diżastri hija kkawżata b’mod partikolari mill-effetti tal-bidla fil-klima u mill-iżvilupp urban u industrijali.

L-istrateġija proposta mill-Kummissjoni Ewropea hija parti minn sett ta’ strumenti b’dimensjoni esterna kif ukoll interna. Hija ma tkoprix l-emerġenzi relatati mal-konflitti jew atti tat-terroriżmu.

Miżuri prinċipali

L-istrateġija tal-2009 hija bbażata fuq tliet temi prinċipali:

  • l-iżvilupp tal-għarfien eżistenti biex tittejjeb l-effettività tal-politiki ta’ prevenzjoni, dan jinkludi
    • il-ġbir ta’ informazzjoni komparabbli dwar fatturi tad-diżastri;
    • l-aħjar prattiki fil-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju (ippjanar tal-użu tal-art, pjanijiet ta’ emerġenza, eċċ.); u
    • l-identifikazzjoni taż-żoni ta’ riskju tal-UE;
  • l-estensjoni tal-kooperazzjoni ta’dawk involuti fil-ġestjoni tad-diżastri permezz ta’ netwerk speċjalizzat biex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali u reġjonali tal-UE u t-titjib tal-informazzjoni għaċ-ċittadini dwar in-numru “112” ta’ emerġenza tal-UE;
  • l-użu ta’strumenti leġiżlattivi u finanzjarji eżistenti għal azzjoni preventiva, pereżempju fl-oqsma tal-iżvilupp rurali, il-protezzjoni ċivili, il-protezzjoni ambjentali, ir-riċerka, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

Fokus aktar qawwi fuq il-prevenzjoni fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ċivili

F’Diċembru 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw id-deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni. Din id-deċiżjoni ilha applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014, u tintroduċi fost affarijiet oħrajn fokus aktar qawwi fuq il-prevenzjoni tad-diżastri, b’regoli relatati mal-valutazzjoni tar-riskju u l-valutazzjoni tal-kapaċità għall-ġestjoni tar-riskju, u tistabbilixxi sett ambizzjuż ta’ inizjattivi li għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni (inkluż il-valutazzjoni tar-riskju, il-kapaċità għall-ġestjoni tar-riskju u r-reviżjoni volontarja bejn il-pari).

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem KUMM(2009) 82 finali, tas-23.2.2009)

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2006, p. 924-947)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn rispons Ewropew aktar b’saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja (KUMM(2010) 600 finali, 26.10.2010)

l-aħħar aġġornament 17.01.2017

Top