Help Print this page 
Title and reference
Riforma tal-politika komuni tas-sajd

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Riforma tal-politika komuni tas-sajd

Ir-riforma tal-politika komuni tas-sajd (PKS) għandha l-għan li timplimenta l-kundizzjonijiet li kapaċi joffru perspettivi aħjar kemm għall-istokkijiet tas-sajd, għas-sajd, kif ukoll għaż-żona marittima li jiddependu fuqha. Is-sostenibilità hija fil-qalba tal-politika proposta u r-riforma għandha ttemm l-isfruttament eċċessiv u l-eżawriment tal-istokkijiet. Is-sajd sostenibbli huwa sajd ipprattikat f’livelli li ma jqiegħdux f’riskju r-riproduzzjoni tal-istokkijiet u li jippermettu sabiex fit-tul jinkiseb rendiment tajjeb ħafna. Ir-riforma hija msejsa fuq approċċ deċentralizzat tal-ġestjoni tas-sajd, skont ir-reġjun u ż-żona ta’ qbid. Għandha ttejjeb in-normi ta’ governanza tal-Unjoni Ewropea (UE) u fid-dinja bis-saħħa ta’ ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011, intitolata “Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd” (COM(2011) 417 – Mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Ir-riforma tal-politika komuni dwar is-sajd (PKS) sejra tikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020. Għal dan il-għan, sejjer ikollha tieħu sehem fit-trawwim ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv, fit-tisħiħ tal-koeżjoni fir-reġjuni ġirien u fit-titjib tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tas-settur

Il-proposti magħmula mill-Kummissjoni jiffokaw fuq is-sostenibilità u s-soluzzjonijiet fit-tul.

Konservazzjoni u sostenibilità

Bis-saħħa ta’ ġestjoni tas-sajd li telemina l-effetti negattivi importanti fuq l-istokkijiet, l-ispeċi u l-ekosistemi l-oħrajn, il-PKS sejra tkun tista’ tikkontribwixxi għal stat ekoloġiku tajjeb taż-żona marittima, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Kwadru dwar “l-Istrateġija Marina”.

Il-miżuri adottati fir-rigward tar-riforma tal-PKS għandhom jippermettu sabiex jinkiseb ir-rendiment massimu sostenibbli (MSY) sal-2015, b’konformità mal-impenji internazzjonali meħuda mill-Unjoni Ewropea (UE). L-ogħla volum ta’ qbid li jista’ jsir ma jistax ikun ta’ theddida għas-sostenibilità tal-istokkijiet. Anzi, għandu jikkontribwixxi sabiex jinżamm id-daqs tal-popolazzjoni fil-livell ta’ produttività massima.

Il-miżuri previsti jikkonċernaw anki l-eliminazzjoni tal-iskart tal-qabdiet mhux mixtieqa, il-pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul imsejsa fuq l-aħjar opinjonijiet xjentifiċi għad-dispożizzjoni, it-titjib tal-ġbir u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dejta sħiħa u affidabbli għall-elaborazzjoni ta’ politiki.

Il-ġejjieni tas-sajd u tal-akwakultura

Il-PKS trid trendi lis-sajd u l-akwakultura setturi solidi, vijabbli, kompetittivi u attraenti. Sabiex iżżid il-vijabilità ekonomika u telimina l-kapaċità żejda tas-sajd, il-Kummissjoni tipproponi li titwaqqaf sistema ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli għall-bastimenti ta’ daqs kbir. Din is-sistema trid tippermetti lil ċerti operaturi sabiex jagħmlu riakkwist tad-drittijiet minn operaturi oħrajn li jixtiequ jitilqu s-settur. Din is-sistema ma teħtieġ l-ebda finanzjament pubbliku. Barra minn hekk, din għandha tippermetti sabiex jiżdied id-dħul u jinħolqu possibiltajiet ta’ xogħol ġodda.

Jistgħu jinħolqu anki miżuri ta’ appoġġ favur is-sajd fuq skala żgħira jew favur l-akwakultura sostenibbli.

Tagħrif għall-konsumaturi

Il-konsumaturi se jkollhom tagħrif aħjar dwar il-kwalità u s-sostenibilità tal-prodotti li jixtru. B’mod partikolari, it-tikketta sejra tkun tista’ tinkludi dikjarazzjonijiet ekoloġiċi jew indikazzjonijiet dwar it-tekniki ta’ produzzjoni partikolari.

L-organizzazzjonijiet tas-sajjieda jridu jkunu atturi attivi f’dak li għandu x’jaqsam mal-pjanifikazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd tal-membri tagħhom, u sejjer ikollhom rwol aktar importanti fl-orjentazzjoni tal-provvista tas-suq u ż-żieda tal-profitti tas-sajjieda.

Titjib tal-governanza bis-saħħa tar-reġjonalizzazzjoni

Ir-riforma għandha tiffavorixxi s-soluzzjonijiet xierqa għall-ħtiġijiet reġonali u lokali sabiex tieħu f’kunsiderazzjoni aħjar l-ispeċifiċitajiet taż-żoni ta’ qbid differenti. Id-deċiżjonijiet ewlenin rigward il-prinċipji u l-għanijiet ġenerali tal-politika dejjem sejrin jittieħdu fil-livell tal-UE. Minkejja dan, l-Istati Membri sejrin ikunu jistgħu jwaqqfu miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd oħrajn, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni. Għal ġestjoni effikaċi, b’mod partikolari, l-Istati Membri sejrin ikunu jistgħu jadottaw miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni u miżuri kontra l-iskart sabiex jittrasponuhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni tipprevedi li testendi r-rwol tal-kunsilli konsultattivi matul l-elaborazzjoni tal-politika ta’ konservazzjoni fil-kuntest tal-mudell ta’ reġjonalizzazzjoni. Minħabba n-natura partikolari tal-akwakultura, il-Kummissjoni tipproponi anki l-ħolqien ta’ kunsill konsultattiv ġdid tal-akwakultura.

Sostenn finanzjarju

Il-finanzjament pubbliku sejjer ikollu jkopri l-attivitajiet kollha. Sejjer jiġi ssimplifikat u marbut kompletament filwaqt li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet (b’mod partikolari dwar is-sostenibilità) mill-operaturi tas-suq. Anki s-sistema ta’ intervent fi ħdan l-organizzazzjoni komuni tas-swieq sejra tiġi modernizzata. Minn issa ’l quddiem, l-iffissar tal-prezzijiet tal-intervent sejjer ikun deċentralizzat u xieraq sabiex tiġi evitata l-qerda tas-surplus ta’ ħut għaż-żamma tal-prezzijiet.

Dimensjoni esterna

L-azzjonijiet esterni tal-UE għandhom is-sostenibilità u s-salvagwardja tal-ekosistemi marittimi fil-mira tagħhom. Jibbażaw prinċipalment fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-kondiviżjoni tal-għarfien xjentifiku u għar-rispett tar-regoli stabbiliti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali.

L-UE jrid ikollha rwol aktar importanti fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd, il-korpi internazzjonali u fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi.

Il-Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli (SFA — Sustainable Fisheries Agreement) mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE jridu jkunu ffokati primarjament fuq il-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-baħar, fuq titjib tal-għarfien xjentifiku u fuq it-twaqqif ta’ kwadru ta’ governanza ta’ kwalità.

Kuntest

Ir-riforma hija msejsa fuq konsultazzjoni pubblika wiesgħa li ntemmet fi tmiem l-2010. Il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati servew sabiex titħejja r-riforma li tinkludi l-elementi li ġejjin:

  • proposta leġiżlattiva għal regolament ġdid li jiddefinixxi r-regoli prinċipali tal-PKS (li jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002);
  • proposta leġiżlattiva li tikkonċerna politika ġdida tas-suq (li jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 104/2000);
  • proposta leġiżlattiva għal regolament ġdid relatat mal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd;
  • komunikazzjoni relatata mad-dimensjoni esterna tal-PKS; u
  • rapport dwar ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd, u dwar l-Artikolu 17(2) dwar ir-restrizzjoni tal-aċċess tal-flotta għal tnax-il mil nawtiku.

L-aħħar aġġornament: 03.12.2011

Top