EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema għall-iżgurar tal-konformità mal-politika komuni tas-sajd

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Jistabbilixxi sistema għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar minn awtoritajiet nazzjonali tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS).

PUNTI EWLENIN

  • L-objettivi prinċipali tas-sistema ta’ kontroll huma li:
    • tiżgura li jinqabdu biss il-kwantitajiet permessi ta’ ħut;
    • tiġbor id-data meħtieġa għall-ġestjoni tal-opportunitajiet tas-sajd;
    • tiċċara r-rwoli tal-pajjiżi tal-UE u tal-Kummissjoni Ewropea;
    • tiżgura li r-regoli jiġu applikati għas-sajd kollu bl-istess mod u b’sanzjonijiet armonizzati fl-UE kollha;
    • tiżgura li l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jistgħu jiġu rintraċċati u kkontrollati tul il-katina tal-provvista, minn nett għall-platt.
  • Japplika għal:
    • l-attivitajiet tas-sajd kollha fl-ilmijiet tal-UE;
    • l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE u ċ-ċittadini tal-UE fl-ilmijiet tal-UE u dawk mhux tal-UE;
    • l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd;
    • sajd rikreattiv għal speċi ta’ ħut suġġetti għal pjanijiet ta’ rkupru.

Kontroll u monitoraġġ

Setgħat ta’ spezzjoni

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-kontroll u l-infurzar tal-PKS. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjonijiet indipendenti tagħha stess, inkluża l-parteċipazzjoni fi spezzjonijiet nazzjonali, biex tivverifika jekk l-awtoritajiet nazzjonali humiex qegħdin jimplimentaw ir-regoli b’mod korrett, u jwettqu awditi tas-sistema nazzjonali ta’ kontroll tas-sajd tal-pajjiżi tal-UE.

Sanzjonijiet

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu azzjonijiet amministrattivi xierqa bħal sanzjonijiet jew proċeduri kriminali f’każ ta’ ksur tar-regoli. F’każ ta’ ksur serju, il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw ukoll sistema ta’ punti penali għad-detenturi ta’ permessi tas-sajd u għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd. L-akkumulazzjoni ta’ punti tista’ twassal għal sospensjoni u finalment għall-irtirar tal-permess għal diversi reati serji.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jiffaċċjaw sanzjonijiet minħabba li ma infurzawx ir-regoli tal-PKS b’mod korrett inklużi:
  • Jekk pajjiż tal-UE ma jiħux azzjoni adegwata biex isolvi l-problema, il-Kummissjoni tista’ teħodhom lejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Ġbir ta’ data

  • Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa li jkollhom bażi tad-data sigura tal-informazzjoni kollha miġbura fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skont ir-regolament. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ taċċessa l-bażi tad-data direttament minn kwalunkwe post. Il-pajjiżi tal-UE jridu wkoll jistabbilixxu websajt uffiċjali tad-data li jiġbru, magħmula minn partijiet siguri u aċċessibbli għall-pubbliku.
  • Ir-regolament jistabbilixxi wkoll sistema ta’ assistenza reċiproka u skambju ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE.

Koordinazzjoni

Sabiex tinkoraġġixxi kollaborazzjoni aktar mill-qrib u l-iskambju tal-aħjar prattika, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd torganizza kampanji ta’ kontroll konġunti li jinvolvu spetturi minn pajjiżi differenti tal-UE.

Regoli għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni għal ċertu sajd

  • Ir-regoli jkopru aspetti bħal:
    • l-ambitu u l-objettivi tal-programmi;
    • proċeduri għall-valutazzjoni tar-riskju u relazzjoni mal-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunt;
    • strateġiji nazzjonali u reġjonali għall-ġestjoni tar-riskji;
    • punti ta’ riferiment fil-mira;
    • kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra tal-UE u mhux tal-UE;
    • spezzjonijiet konġunti u attivitajiet ta’ sorveljanza;
    • skambju tad-data; u
    • informazzjoni u evalwazzjoni.
  • F’Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1320 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1986. Din l-emenda kienet meħtieġa biex l-SCIPs jiġu allinjati mal-miżuri tal-UE dwar il-konservazzjoni tas-sajd, il-miżuri ta’ ġestjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2019/1022. Dan kien jeħtieġ li l-SCIP għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed jiġi estiż għal ċerti stokkijiet u sajd addizzjonali. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1320 tirrifletti wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-GFCM adottati reċentement:
    • Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/2 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-paġella ħamra fil-Baħar Alboran (is-subżoni ġeografiċi 1 sa 3);
    • Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/5 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd demersali sostenibbli fil-Baħar Adrijatiku (is-subżoni ġeografiċi 17 u 18);
    • Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/6 dwar miżuri ta’ ġestjoni għas-sajd sostenibbli bix-xbieki tat-tkarkir maħsub għall-gambli ħomor u l-gambli blu u ħomor fil-Kanal ta’ Sqallija (is-subżoni ġeografiċi 12, 13, 14, 15 u 16);
    • Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/4 dwar pjan ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli tal-qroll aħmar fil-Baħar Mediterran; u
    • Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/1 dwar sett ta’ miżuri ta’ ġestjoni għall-użu ta’ apparat biex jinġabar il-ħut ankrat fis-sajd tal-lampuki komuni fil-Baħar Mediterran.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, pp. 1-50)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (ĠU L 83, 25.3.2019, pp. 18-37)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1986 tat-13 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni għal ċertu sajd u li tħassar id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2012/807/UE, 2013/328/UE, 2013/305/UE u 2014/156/UE (ĠU L 317, 14.12.2018, pp. 29-46)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 22-61)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, pp. 1-153)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, pp. 1-32)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 29.10.2020

Top