EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

SOMMARJU:

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — regoli ta’ proċedura

L-Artikolu 303 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLI TA’ PROĊEDURA U TAL-ARTIKOLU 303 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA?

  • Dawn jistabbilixxu kif il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaħdem u jorganizza ruħu.
  • L-Artikolu 303 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-KESE s-setgħa li jirregola lilu nnifsu.

PUNTI EWLENIN

Membri

  • Skont l-Artikolu 300 tat-TFUE, il-KESE jikkonsisti f’dawn li ġejjin:
    • l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi: membri minn setturi privati u pubbliċi tal-industrija, negozji żgħar, kmamar tal-kummerċ, kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, banek u assigurazzjoni, trasport u agrikoltura (Grupp I);
    • impjegati: membri minn organizzazzjonijiet nazzjonali tat-trade unions, kemm fil-livell tal-konfederazzjonijiet kif ukoll fil-livell tal-federazzjonijiet settorjali (Grupp II);
    • partijiet oħra rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili: organizzazzjonijiet tal-bdiewa u tal-konsumaturi, negozji żgħar, settur tas-snajja’, professjonijiet liberali u NGOs fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u tal-protezzjoni ambjentali (Grupp III).
  • Il-membri jiġu proposti mill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE u jinħatru mill-Kunsill għal 5 snin. L-għadd massimu ta’ membri huwa 350.
  • It-tliet gruppi jaħtru l-presidenti u l-viċi-presidenti tagħhom. Huma jipparteċipaw fit-tħejjija, fl-organizzazzjoni u fil-koordinazzjoni tan-negozju tal-KESE.

Ir-rwol tal-KESE fil-proċedura leġiżlattiva

  • Konsultazzjoni tal-KESE
    • Il-KESE jipproduċi opinjonijiet mitluba mill-Kunsill, mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-Parlament Ewropew.
    • Jista’ wkoll jagħti opinjonijiet b’inizjattiva tiegħu stess, opinjonijiet esploratorji u rapporti ta’ informazzjoni jew riżoluzzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kompiti assenjati lill-UE.
  • Il-ħidma tas-sezzjonijiet
    • Il-Bureau jaħtar is-sezzjoni li għandha tkun responsabbli mit-tħejjija ta’ opinjoni jew ta’ rapport.
    • Ir-rapporteur, megħjun fejn xieraq minn korelatur wieħed jew aktar u minn espert, jistudja l-mistoqsija mressqa, jiġbor l-opinjonijiet espressi u, fuq din il-bażi, ifassal l-abbozz ta’ opinjoni li jintbagħat lis-sezzjoni biex jiġi diskuss u approvat.

Il-korpi ta’ ħidma tal-KESE

Il-Bureau

  • Din tikkonsisti f’dawn li ġejjin:
    • il-president u ż-żewġ viċi-presidenti;
    • it-tliet presidenti tal-gruppi;
    • is-sitt presidenti tas-sezzjonijiet;
    • għadd varjabbli ta’ membri, li ma jistax jaqbeż l-għadd ta’ pajjiżi tal-UE.
  • Il-president jinħatar minn fost il-membri tat-tliet gruppi u l-viċi presidenti jinħatru minn fost il-membri taż-żewġ gruppi li l-president ma jappartjenix għalihom. Huma jinħatru għal perjodu ta’ 2.5 snin, skont il-prinċipju tar-rotazzjoni tal-grupp.
  • Il-kompiti ewlenin tal-bureau huma kif ġej.
    • Jistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-proċeduri tal-ħidma tal-KESE u għandu r-responsabbiltà politika għall-ġestjoni ġenerali tiegħu.
    • Flimkien mal-president tal-KESE, jeżerċita setgħat baġitarji u finanzjarji f’konformità mar-regolament finanzjarju tal-UE (li jirregola l-baġit tal-UE).
    • Dan jistabbilixxi t-termini tal-implimentazzjoni tar-regoli ta’ proċedura u jikkjarifika l-interpretazzjoni tagħhom.
    • Kull sitt xhur jeżamina, abbażi ta’ rapport imħejji għal dan il-għan, l-azzjoni meħuda fuq l-opinjonijiet mogħtija mill-KESE.

Il-presidenza u l-president

  • Il-presidenza (il-president u ż-żewġ viċi-presidenti) tiltaqa’ mal-presidenti tal-gruppi biex iħejju l-ħidma tal-bureau u tal-assemblea.
  • Matul is-2.5 snin tal-ħatra tiegħu, il-president:
    • imexxi l-ħidma tal-KESE u jinvolvi lill-viċi-presidenti f’dawk l-attivitajiet fuq bażi permanenti;
    • jirrappreżenta lill-KESE fir-relazzjonijiet esterni tiegħu;
    • jirrapporta lill-KESE dwar l-azzjoni u l-miżuri meħuda f’ismu;
    • jippreżenta programm ta’ ħidma fil-bidu tal-mandat tiegħu u jivvaluta l-kisbiet fi tmiem it-terminu.

Is-sezzjonijiet speċjalizzati

Is-sottokumitati

  • Għal xi suġġetti, il-KESE jista’ jistabbilixxi sottokumitati u osservatorji ad hoc.
  • Jista’ wkoll jistieden kelliema minn barra l-KESE għas-seduti ta’ smigħ.
  • Il-president jista’ jaħtar esperti biex jiċċara kwistjonijiet tekniċi li jinqalgħu matul l-attivitajiet tal-KESE.

Kummissjonijiet konsultattivi

  • Il-KESE jista’ jistabbilixxi kummissjonijiet konsultattivi. Dawn ikunu magħmula minn membri tal-KESE u minn delegati minn oqsma tas-soċjetà ċivili li l-KESE jkun jixtieq jinvolvi fil-ħidma tiegħu.

Sessjonijiet plenarji

  • Il-KESE jiltaqa’ f’assemblea plenarja matul is-sessjonijiet differenti (9 sessjonijiet kull sena). L-assemblea plenarja tal-KESE tadotta l-opinjonijiet tagħha abbażi tal-opinjonijiet tas-sezzjonijiet speċjalizzati u tibgħathom lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament.
  • L-abbozz tal-aġenda jitfassal mill-bureau wara proposta mill-presidenza b’kollaborazzjoni mal-presidenti tal-gruppi. Dan jitressaq għall-approvazzjoni mill-assemblea qabel il-ftuħ tas-sessjoni rilevanti.
  • L-opinjonijiet adottati mill-KESE u l-minuti tas-sessjonijiet jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Dawn jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Irrispettivament mill-bażi legali għall-konsultazzjoni (riferiment obbligatorju jew fakultattiv) l-opinjonijiet tal-KESE huma komponent meħtieġ legalment fid-dokument finali tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Parlament.

Metodi ta’ votazzjoni

  • Ħlief fejn ikun stipulat mod ieħor, l-adozzjoni tat-testi u tad-deċiżjonijiet tal-KESE ssir b’vot ta’ maġġoranza. Il-votazzjoni ssir permezz ta’ votazzjoni miftuħa, b’vot irreġistrat*, jew b’votazzjoni sigrieta.

Id-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE

  • Minħabba l-missjoni speċifika tiegħu, il-KESE jista’ jżomm relazzjonijiet strutturati ma’ kunsilli ekonomiċi u soċjali u ma’ istituzzjonijiet simili u ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-UE u f’pajjiżi mhux tal-UE. Il-KESE jaħtar lid-delegazzjonijiet responsabbli għaż-żamma ta’ dawn ir-relazzjonijiet.

Is-soċjetà ċivili

  • Fl-2012 ġie adottat protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-KESE biex tingħata spinta lill-involviment tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp tal-politika tal-UE kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE u biex jiġi żviluppat djalogu strutturat bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE.

META BDEW JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Ir-regoli ilhom japplikaw mill-21 ta’ Settembru 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI PRINĊIPALI

Vot irreġistrat: meta ssir votazzjoni rreġistrata, l-ismijiet tal-votanti jiġu pprovduti.

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni kkonsolidata tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Fl-14 ta’ Lulju 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-verżjoni konsolidata tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 324, 9.12.2010, pp. 52-68)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 3 — Korpi konsultattivi tal-Unjoni — Sezzjoni I — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali — Artikolu 303 (ex Artikolu 260 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 178)

DOKUMENTI RELATATI

Protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU C 102, 5.4.2012, pp. 1-5)

l-aħħar aġġornament 21.11.2017

Top