Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Finanzjament għall-innovazzjoni u l-intrapriża (il-Fond Ewropew tal-Investiment)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Finanzjament għall-innovazzjoni u l-intrapriża (il-Fond Ewropew tal-Investiment)

 

SOMMARJU

Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) jipprovdi finanzjament ta’ riskju biex jappoġġja lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). L-azzjonisti tiegħu huma l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), l-Unjoni Ewropea (UE), irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati, li bħalissa ġejjin minn 15-il pajjiż tal-UE u mit-Turkija.

X’JAGĦMLU DAWN L-ISTATUTI?

Huma jistabbilixxu:

il-kompiti u l-attivitajiet tal-FEI,

il-qafas għall-awtorità tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-funzjonament tal-korpi regolatorji,

il-kapital awtorizzat tal-FEI,

il-qafas li jikkonċerna l-membri u l-ishma tal-FEI.

PUNTI EWLENIN

Il-FEI jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu fit-territorju tal-pajjiżi tal-UE, fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għal sħubija fl-UE u fil-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA). Il-Laqgħa Ġenerali tista’ tiddeċiedi li l-FEI jista’ jwettaq attivitajiet speċifiċi għall-mandat ’lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku msemmi hawn fuq.

Il-FEI għandu personalità legali u awtonomija finanzjarja.

Huwa jappoġġja l-objettivi tal-UE tal-imprenditorija, it-tkabbir, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-impjiegi permezz ta’:

garanziji kif ukoll strumenti komparabbli oħrajn għal self u obbligi finanzjarji oħrajn fi kwalunkwe forma legalment permessibbli;

l-akkwist, iż-żamma, il-ġestjoni u d-disponiment ta’ azjendi fin-negozji soġġetti għall-kundizzjonijiet deċiżi fil-Laqgħa Ġenerali;

attivitajiet oħrajn konnessi mal-kompiti tiegħu, inklużi operazzjonijiet ta’ self.

Il-kapital awtorizzat tal-FEI huwa ta’ € 4.5 biljun maqsum f’4,500 sehem, kull wieħed b’valur nominali ta’ €1 miljun, miftuħa għal sottoskrizzjoni mill-membri tiegħu. Dan jista’ jiżdied b’deċiżjoni tal-Laqgħa Ġenerali.

Il-membri tal-FEI huma responsabbli għall-obbligi tiegħu biss sal-ammont tas-sehem tagħhom tal-kapital sottoskritt u mhux imħallas.

Korpi regolatorji

Il-FEI huwa ġestit u amministrat mil-Laqgħa Ġenerali, mill-Bord tad-Diretturi u mill-Kap Eżekuttiv.

1.

Il-Laqgħa Ġenerali hija komposta mill-azzjonisti tal-FEI. Ġeneralment, hija tiddeċiedi b’maġġoranza tal-voti mitfugħa u tiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Jistgħu jiġu sottomessi proposti għal deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub. Is-setgħat tal-Laqgħa Ġenerali jinkludu li hija:

tiddeċiedi dwar iż-żieda tal-kapital awtorizzat tal-FEI;

tapprova kwalunkwe bidliet fl-Istatuti u fir-Regoli ta’ Proċedura tagħha;

tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-membri;

tapprova r-rapport u l-kontijiet annwali;

tiddeċiedi dwar l-approprjazzjoni u d-distribuzzjoni tad-dħul nett tal-FEI;

taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Bord tad-Diretturi u tal-Bord ta’ Verifika.

2.

Il-Bord tad-Diretturi huwa kompost minn membri maħtura mil-Laqgħa Ġenerali u nnominati mill-azzjonisti tal-FEI għal perjodu ta’ sentejn. Ġeneralment, il-Bord jiltaqa’ 10 darbiet fis-sena u jistgħu jiġu sottomessi proposti għal deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub. Il-membri tiegħu jaġixxu biex iservu l-aħjar interessi tal-FEI u huma responsabbli lejn il-Laqgħa Ġenerali. Hija:

jiddeċiedi fuq l-operazzjonijiet kollha tal-FEI (f’ċerti każijiet limitati, din is-setgħa kienet iddelegata lill-Kap Eżekuttiv);

jadotta linji gwida u prinċipji ta’ gwida għall-operazzjonijiet u l-ġestjoni;

jaħtar, u jista’ jkeċċi, il-Kap Eżekuttiv u l-Viċi Kap Eżekuttiv;

iħejji proposti sabiex jiġu sottomessi lil-Laqgħa Ġenerali;

jistipula l-kundizzjonijiet ġenerali għall-akkwisti tal-ishma tal-FEI.

Il-President tal-Bord jiġi elett minn fost il-membri tiegħu b’vot ta’ maġġoranza. Id-deċiżjonijiet jiġu adottati permezz ta’ maġġoranza, diment li ma jkunx hemm inqas minn nofs il-membri tiegħu preżenti.

3.

Il-Kap Eżekuttiv, li jista’ jinħatar għal 5 snin, huwa responsabbli lejn il-Bord. Billi jaġixxi b’mod indipendenti, huwa responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum u għandu:

jaġixxi skont il-linji gwida tal-Bord;

jissottometti r-rapport annwali u rapporti oħrajn lill-Bord;

jissorvelja t-tfassil tal-kontijiet annwali.

Kif jaħdem il-FEI

Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) huwa parti mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-missjoni ċentrali tiegħu hija li jappoġġja l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) tal-Ewropa billi jiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-finanzi. Il-FEI jiddisinja u jiżviluppa kapital ta’ riskju u tkabbir, garanziji u strumenti ta’ mikrofinanzjament li huma mmirati speċifikament għal dan is-segment tas-suq. F’dan ir-rwol, il-FEI jrawwem l-objettivi tal-UE b’sostenn għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-imprenditorija, it-tkabbir u l-impjiegi.

Il-kontijiet tal-FEI jiġu vverifikati minn awditur estern indipendenti. Il-Bord ta’ Verifika tal-FEI jikkonsisti minn 3 membri, innominati rispettivament mill-BEI, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-azzjonisti tal-istituzzjoni finanzjarja, flimkien ma’ membru supplenti wieħed, maħtur fuq bażi ta’ rotazzjoni mit-3 gruppi ta’ azzjonisti. Il-membri jinħatru minn u huma responsabbli lejn il-Laqgħa Ġenerali. Il-Bord ta’ Verifika, bħala korp ta’ sorveljanza, jikkonferma kull sena li, skont l-aħjar għarfien u ġudizzju tiegħu, l-operazzjonijiet tal-FEI twettqu b’konformità mal-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura u li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-FEI fir-rigward tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiegħu, kif ukoll tar-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu għas-sena finanzjarja li qed tiġi analizzata.

L-impenji globali tal-FEI ma jistgħu jaqbżu bi 3 darbiet l-ammont ta’ kapital sottoskritt għall-operazzjonijiet ta’ garanzija. Skont l-Artikolu 26 tal-Istatuti, dan il-limitu massimu jista’ jiżdied għal massimu ta’ 8 darbiet aktar mill-kapital sottoskritt mil-Laqgħa Ġenerali. Għall-parteċipazzjonijiet, l-ammont jiġi deċiż mil-Laqgħa Ġenerali.

It-Tilwimiet bejn il-FEI u l-benefiċjarji tiegħu jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti jew permezz ta’ arbitraġġ. It-tilwimiet li jikkonċernaw il-miżuri adottati mill-korpi tal-FEI huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (Protokoll Nru 7) japplika għall-FEI, għall-membri tal-korpi tiegħu u għall-persunal tiegħu.

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi

Bi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea, il-FEI u l-BEI għandhom irwol ewlieni fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa bil-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). Il-FEIS, li kien imniedi fl-2015, ifittex li jimmobilizza l-finanzjament privat għall-investimenti strateġiċi li ma jistgħux jiġu ffinanzjati mis-suq waħdu. Il-FEI huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ finanzjament favur l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (jiġifieri l-kumpaniji b’bejn 250 u 3 000 impjegat) taħt it-Tieqa ta’ SME tal-FEIS.

SFOND

Il-FEI ġie stabbilit fl-1994 u għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu fil-Lussemburgu.

ATT

L-Istatuti tal-Fond Ewropew tal-Investiment approvati fl-14 ta’ Ġunju 1994 u emendati fid-19 ta’ Ġunju 2000, it-30 ta’ Novembru 2007, it-8 ta’ Marzu 2012 u s-27 ta’ Mejju 2014 mill-Assemblea Ġenerali (ĠU C 95, 21.3.2015, p. 22–31)

l-aħħar aġġornament 19.10.2015

Top