Help Print this page 
Title and reference
L-għassiesa fuq in-nefqa tal-UE: kif topera l-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

L-għassiesa fuq in-nefqa tal-UE: kif topera l-Qorti Ewropea tal-Awdituri

 

SOMMARJU

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri twettaq verifiki tad-dħul u n-nefqa tal-Unjoni Ewropea (UE). Din tiżgura l-obbligu ta’ rendikont tal-UE fil-konfront tal-kontribwent. L-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddefinixxi r-rwol tal-Qorti. Il-Qorti tfassal ir-Regoli ta’ Proċedura tagħha stess li jridu jkunu approvati mill-Kunsill.

X’JAGĦMLU R-REGOLI TA’ PROĊEDURA?

Dawn jirregolaw il-ħidmiet interni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Ir-regoli jkopru aspetti bħal:

l-organizzazzjoni tal-Qorti (ħatriet, karigi, ir-responsabbiltajiet tal-Qorti, elezzjoni tal-President);

il-proċeduri ta’ ħidma (laqgħat tal-Qorti u tal-Kmamar; deċiżjonijiet mill-Qorti, il-Kmamar u l-Kumitati; il-verifiki u t-tħejjija ta’ rapporti, opinjonijiet, osservazzjonijiet u dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni).

PUNTI EWLENIN

Kompożizzjoni u struttura

Il-Qorti hija korp kolleġġjali, jiġifieri l-Membri tagħha huma responabbli b’mod konġunt għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet meħuda. Hija magħmula minn 28 Membru - wieħed minn kull pajjiż tal-UE. Il-membri jinħatru għal sitt snin (rinnovabbli). Biex jinħatru, il-Membri jridu jkunu jappartjenu jew ikunu appartjenew għal korp tal-verifika estern fil-pajjiż tal-UE tagħhom stess jew ikunu speċjalment ikkwalifikati għal din il-kariga. Dawn iwettqu dmirijiethom fil-Qorti tal-Awdituri b’mod għalkollox indipendenti.

Il-membri jeleġġu wieħed minnhom bħala President għal tliet snin (rinnovabbli). Id-dmirijiet tal-President jinkludu li:

isejjaħ u jippresjedi l-laqgħat tal-Qorti;

jiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Qorti jiġu implimentati;

jiżgura li d-dipartimenti tal-Qorti inkluż il-protokoll u ż-żjarat, komunikazzjoni, kwistjonijiet legali u verifika interna joperaw kif suppost, u li l-attivitajiet differenti huma mmexxija sew;

jaħtar aġent li jirrappreżenta l-Qorti fil-proċeduri ġudizzjarji;

jirrappreżenta l-Qorti fir-relazzjonijiet esterni tagħha fir-relazzjonijiet tagħha ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħrajn.

Il-Qorti għandha Segretarju Ġenerali, li huwa responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tas-Segretarjat tal-Qorti, kif ukoll għall-amministrazzjoni, il-finanzi u l-appoġġ, ir-riżorsi umani, it-teknoloġija tal-informazzjoni u t-traduzzjoni.

Il-Qorti tinkludi wkoll Kmamar u Kumitati. Il-Kmamar jadottaw l-opinjonijiet, rapporti speċjali u rapporti annwali speċifiċi. Dawn iħejju wkoll ir-rapporti annwali dwar il-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, li mbagħad jiġu adottati mill-Qorti. Il-Kumitati (eż. l-Kumitat Amministrattiv u l-Kumitat tal-Verifika) jieħdu ħsieb kwistjonijiet amministrattivi u deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-komunikazzjoni u l-istrateġija.

Il-kompiti tal-Qorti

Il-Qorti tivverifika l-legalità u r-regolarità tad-dħul u n-nefqa tal-UE u l-korpi tagħha kif ukoll it-tmexxija tajba tal-baġit tal-UE. Ir-rwol tagħha bħala l-awditur estern indipendenti tal-UE huwa li tivverifika li l-fondi tal-UE jkunu spjegati kif suppost, jiġu ġġenerati u minfuqa skont ir-regoli u r-regolamenti rilevanti u jkunu kisbu valur għall-flus.

Il-verifiki jitwettqu bl-għan li tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja, kif ukoll li ċ-ċittadini Ewropej ikunu konxji dwar kif qed jintefqu l-fondi pubbliċi.

Verifiki

Dawn huma

ibbażati fuq rekords, u, jekk meħtieġ, imwettqa fuq il-post f’istituzzjonijiet Ewropej oħrajn;

imwettqa fuq il-post ta’ kwalunkwe organizzazzjoni li timmaniġġa d-dħul jew in-nefqa f’isem l-UE;

imwettqa fil-pajjiżi tal-UE u f’pajjiżi madwar id-dinja, inkluż fuq il-post ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun irċeviet pagamenti mill-baġit tal-UE.

Fir-rwol tagħha bħala l-awditur estern tal-UE, il-Qorti tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-istituzzjonijiet Ewropej. Barra minn hekk, hija tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex twettaq il-kompitu tagħha b’suċċess mingħand l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, l-organizzazzjonijiet li jirċievu pagamenti mill-baġit Ewropew jew mingħand istituzzjonijiet tal-verifika nazzjonali.

Programmi ta’ ħidma

Kull sena, il-Qorti tadotta programm ta’ ħidma li jelenka l-prijoritajiet tagħha f’termini ta’ kompiti ta’ verifika. Il-programm huwa ppubblikat, u ppreżentat lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew mill-President tal-Qorti

Il-proċedura ta’ kwittanza annwali

Il-Qorti tal-Awdituri ma għandha ebda setgħa ġudizzjarja u b’hekk l-ebda setgħa li timponi sanzjonijiet. Wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, din tħejji rapport annwali li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Dan ir-rapport jikkonċerna l-ġestjoni tal-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, mill-istituzzjonijiet kompetenti. dan huwa parti fundamentali mill-kwittanza tal-baġit lill-Kummissjoni.

Il-Qorti tal-Awdituri tipprovdi wkoll lill-Kunsill u lill-Parlament b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u li tafferma li l-baġit intuża tajjeb, b’konformità mar-regoli u r-regolamenti. Barra minn hekk, il-Qorti tista’ wkoll, fi kwalunkwe ħin, tippreżenta osservazzjonijiet, b’mod partikolari fl-għamla ta’ rapporti speċjali, dwar kwistjonijiet speċifiċi u tibgħat opinjonijiet jew riżultati oħra bbażati fuq reviżjoni fuq talba ta’ waħda mill-istituzzjonijiet Ewropej jew fuq inizjattiva tagħha tess

Il-Qorti tiddeċiedi dwar l-adozzjoni tar-rapport annwali f’sessjoni formali, bil-maġġoranza tal-membri tagħha. Il-laqgħat tagħha mhumiex pubbliċi, sakemm ma tiddikjarax mod ieħor. Tista’ tiddeċiedi wkoll, fuq bażi ta’ każ b’każ, li tadotta deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.

Il-Qorti tal-Awdituri tirrapporta dwar l-irregolaritajiet fl-użu tal-fondi tal-UE u tirreferi kwalunkwe każ ta’ frodi suspettata skopert waqt il-verifiki tagħha lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

META DAĦLU FIS-SEĦĦ IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?

Mill-1 ta’ Ġunju 2010.

SFOND

Il-Qorti tal-Awdituri ġiet stabbilita fl-1977 u ilha istituzzjoni tal-UE sħiħa għaliha mill-1992. Hija bbażata f’Lussemburgu.

Għal aktar informazzjoni, ara:

ATT

Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

1.6.2010

ĠU L 103, 23.4.2010, p. 1–6.

l-aħħar aġġornament 15.10.2015

Top