Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-Ombudsman Ewropew

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-Ombudsman Ewropew

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262/KEFA, KE, Euratom — regolamenti u kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI?

Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom jaħdem l-Ombudsman Ewropew.

PUNTI EWLENIN

Status u ħatra

  • L-Ombudsman għandu status legali speċifiku fit-trattati (Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).
  • L-Ombudsman jiġi elett mill-Parlament Ewropew għal terminu parlamentari wieħed ta’ ħames snin iżda jista’ jerġa’ jiġi elett.
  • L-Ombudsman jaġixxi b’mod indipendenti u ma jaċċettax struzzjonijiet mingħand kwalunkwe gvern jew organizzazzjoni oħra.
  • Matul iż-żmien tal-mandat, l-Ombudsman ma jistax ikollu pożizzjoni politika jew amministrattiva oħra, kemm bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas.

Il-ġlieda kontra l-amministrazzjoni ħażina

Ir-rwol ewlieni tal-Ombudsman huwa li jinvestiga każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina minn istituzzjonijiet u korpi tal-UE.

  • L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jridu jipprovdu lill-Ombudsman bit-tagħrif kollu li huwa meħtieġ u jridu jindikaw jekk kwalunkwe parti minn dak it-tagħrif hijiex ikklassifikata (l-aċċess għat-tagħrif ikklassifikat huwa rregolat mir-regoli ta’ sikurezza tal-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat, stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001).
  • Il-pajjiżi tal-UE jista’ jkollhom jipprovdu tagħrif lill-Ombudsman. Jekk dak it-tagħrif ikun kopert minn liġijiet dwar is-segretezza, l-Ombudsman ma jistax jiżvelah aktar.
  • L-Ombudsman jista’ jaġixxi jew fuq inizjattiva proprja tiegħu jew fuq ilment.

Limitu tal-awtorità

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tinsab barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Ombudsman meta tkun qed twettaq il-funzjoni ġudizzjarja tagħha.
  • L-Ombudsman m’għandux is-setgħa jinvestiga każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina minn gvernijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali fil-pajjiżi tal-UE.
  • Każijiet li diġà tressqu quddiem qorti u kwistjonijiet dwar is-sodezza ta’ deċiżjoni tal-qorti wkoll ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Ombudsman.

Kif isir ilment

Ilment lill-Ombudsman irid jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin.

  • Irid ikun ippreżentat minn ċittadin tal-UE, persuna li tirrisjedi f’pajjiż tal-UE jew korp bħal NGO, fondazzjoni jew kumpanija b’uffiċċju rreġistrat f’pajjiż tal-UE (persuni ġuridiċi).
  • Irid ikun miktub f’waħda mill-24 lingwa tat-trattat.
  • Irid ikollu x’jaqsam biss ma’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa ta’ istituzzjoni jew korp tal-UE. “Amministrazzjoni ħażina” tfisser, pereżempju, abbuż minn poter, irregolaritajiet amministrattivi, diskriminazzjoni, eċċ.
  • Dan irid jitressaq fi żmien sentejn mid-data li fiha l-persuna li tagħmel l-ilment (l-ilmentatur) tkun saret taf bil-fatti.
  • Dan għandu jkun “l-aħħar rimedju” — qabel jissottometti lment, l-ilmentatur irid ikun ħa l-passi amministrattivi kollha rilevanti mal-istituzzjoni(jiet) ikkonċernata/i.

Ilment jista’ jiġi kklassifikat bħala kunfidenzjali fuq talba tal-ilmentatur jew fuq l-inizjattiva tal-Ombudsman jekk dan tal-aħħar iqis li huwa neċessarju sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-ilmentatur jew ta’ parti terza.

Il-passi li jmiss

  • 1.

    Jekk, wara investigazzjoni inizjali, l-Ombudsman isib li lment huwa ammissibbli u li hemm raġunijiet għal inkjesta, dan jinforma lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat u jitolbu jissottometti opinjoni f’limitu ta’ żmien speċifikat (normalment mhux aktar minn tliet xhur).

  • 2.

    L-Ombudsman jibgħat dik l-opinjoni lill-ilmentatur li jista’ jibgħat kummenti fi ħdan limitu ta’ żmien speċifikat (normalment ta’ mhux aktar minn xahar).

  • 3.

    L-Ombudsman jista’ jagħmel inkjesti oħrajn. Wara li jitwettqu l-inkjesti, l-Ombudsman jagħlaq il-każ b’deċiżjoni motivata li jista’ jkun fiha rimarki kritiċi u jinforma lill-ilmentatur u lill-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernati.

  • 4.

    L-Ombudsman jista’ jagħlaq il-każ b’rapport li jkun fih abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat li mbagħad jintbagħat lill-ilmentatur u lill-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat. L-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat imbagħad ikollu tliet xhur biex jibgħat lill-Ombudsman opinjoni ddettaljata li tista’, pereżempju, telenka l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet.

  • 5.

    L-Ombudsman jista’ jiddeċiedi li jħejji rapport speċjali lill-Parlament Ewropew jekk l-opinjoni ddettaljata ma tkunx sodisfaċenti. Ir-rapport speċjali jista’ jkun fih rakkomandazzjonijiet. Jintbagħat ukoll lill-ilmentatur u lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat.

  • 6.

    Jekk, waqt inkjesta, jaslu għall-attenzjoni tal-Ombudsman kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-liġi kriminali, dan tal-aħħar irid jinforma immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-istituzzjoni tal-UE responsabbli għall-ġlieda kontra l-frodi, u, jekk xieraq, lill-istituzzjoni tal-Unjoni jew il-korp li għalih jaħdem il-ħaddiem ċivili jew l-aġent inkwistjoni.

  • 7.

    L-Ombudsman jibgħat ukoll rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Parlament Ewropew, inkluż ir-riżultat tal-inkjesti tiegħu.

Regoli ta’ implimentazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ġew adottati mill-Ombudsman fit-8 ta’ Lulju 2002 u ġew emendati l-aħħar fit-3 ta’ Diċembru 2008.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Hija daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Mejju 1994.

SFOND

Il-websajt tal-Ombudsman Ewropew

ATT

Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq ta’ l-obbligi ta’ l-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15-18)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euroatom ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

ATTI RELATATI

Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43-48)

l-aħħar aġġornament 04.02.2016

Top