Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Protokoll (Nru 4) – l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

X’INHU L-GĦAN TAL-PROTOKOLL (NRU 4) TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA?

Dan jistabbilixxi l-istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

PUNTI EWLENIN

  • Il-BĊE huwa l-bank ċentrali għaż-żona taż-żona tal-euro u huwa istituzzjoni indipendenti tal-Unjoni Ewropea (UE), billi jirrappreżenta l-qalba tal-Eurosistema, li tmexxi l-politika monetarja fiż-żona tal-euro, u tas-SEBĊ.
  • L-Eurosistema tikkonsisti mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, filwaqt li s-SEBĊ tikkonsisti mill-BĊE u l-BĊN tal-pajjiżi tal-UE kollha. L-Eurosistema u s-SEBĊ ser jibqgħu jeżistu flimkien sakemm ikun hemm pajjiżi tal-UE barra miż-żona tal-euro.
  • L-għan ewlieni tal-BĊE huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet, jiġifieri, li jissalvagwardja l-valur tal-euro. Bla ħsara għall-għan ewlieni tiegħu, dan jappoġġa wkoll il-politiki ekonomiċi ġenerali fl-UE.
  • Il-kompiti ewlenin tal-BĊE huma li:
    • jiddefinixxi u jimplimenta l-politika monetarja għaż-żona tal-euro,
    • imexxi l-operazzjonijiet ta’ kambju internazzjonali,
    • iżomm u jamministra r-riżervi barranin uffiċjali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro,
    • jippromwovi l-funzjonament bla intoppi tas-sistemi tal-pagamenti.
  • Barra minn hekk, il-BĊE jiġbor informazzjoni statistika għall-qadi ta’ dmirijietu b’kooperazzjoni mal-BĊN u għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-UE.
  • Flimkien mas-superviżuri nazzjonali, il-BĊE jwettaq ukoll superviżjoni bankarja fiż-żona tal-euro u f’pajjiżi parteċipanti oħrajn fi ħdan il-Mekkanżimu Superviżorju Uniku (MSU). Din ir-responsabbiltà ġiet assenjata lilu fl-2014 sabiex jikkontribwixxi għas-sikurezza u għar-robustezza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.
  • Il-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-BĊE huma l-Kunsill Regolatorju, il-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali. Il-Kunsill Regolatorju, li huwa l-korp prinċipali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, jinkludi l-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-gvernaturi tal-BĊN taż-żona tal-euro. Il-Bord Eżekuttiv, li huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja u għall-operazzjonijiet minn jum għal ieħor, huwa magħmul mill-President u mill-Viċi President u minn erba’ membri oħra. Il-Kunsill Ġenerali, li jwettaq kompiti li l-BĊE irid iwettaq sakemm il-pajjiżi tal-UE kollha jadottaw l-euro, jikkonsisti mill-President u mill-Viċi President u mill-gvernaturi tal-BĊN tal-pajjiżi tal-UE.
  • Il-Bord Superviżorju ġie stabbilit fil-kuntest tal-MSU u jwettaq il-kompiti relatati mas-superviżjoni bankarja. Dan jikkonsisti mill-President, mill-Viċi President, minn erba’ rappreżentanti tal-BĊE u minn rappreżentant wieħed minn kull awtorità superviżorja nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti fi ħdan l-MSU.
  • Il-BĊE ġie stabbilit fl-1998 u jinsab fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea - Protokoll (Nru 4) dwar l-istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 230-250)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea - Is-Sitt Parti - Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji - Titolu 1 - Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet - Kapitolu 1 - L-Istituzzjonijiet - Taqsuma 6 - Il-Bank Ċentrali Ewropew - l-Artikolu 282 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 167)

l-aħħar aġġornament 14.03.2017

Top