Help Print this page 
Title and reference
Ir-Rappreżentant tal-SMEs

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ir-Rappreżentant tal-SMEs

Ir-Rappreżentant għall-Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) jaġixxi bħala l-interfaċċja bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-komunità tal-SMEs u għandu rwol doppju, jaġixxi simultanjament fi ħdan il-Kummissjoni u jinteraġixxi mad-dinja esterna. Ir-Rappreżentant jisma’ t-tħassib tal-SMEs u jirrappreżenta l-interessi tagħhom fil-proċess tal-UE tat-tfassil tal-liġijiet. Ir-Rappreżentant mhux biss jagħti lill-Kummissjoni wiċċ uman fir-relazzjonijiet tagħha mal-SMEs Ewropej iżda jenfasizza wkoll l-importanza tagħhom għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa.

Il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea (UE) hija fundamentalment dipendenti fuq il-benesseri tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) tagħha. It-23 miljun SME tal-UE jikkostitwixxu 99 % tal-kumpaniji kollha tal-UE u jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-impjiegi ġodda li jinħolqu. Għalhekk l-SMEs huma sors essenzjali ta’ tkabbir, ta’ żieda fl-impjiegi u impjiegi aħjar fl-ekonomija Ewropea, li huma għanijiet ewlenin tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

Għalkemm jiġu affettwati minn ħafna politiki tal-UE, huwa diffiċli għall-SMEs biex isemmgħu l-opinjonijiet tagħhom.

Sabiex jingħataw opportunità biex jesprimu lilhom infushom, u sabiex il-prinċipju “L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir” stabbilit fil-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar adottat mill-Kunsill Ewropew ta’ Santa Maria de Feira f’Ġunju 2000 jiġi implimentat fil-prattika, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li taħtar Rappreżentant tal-SMEs.

Internament, l-irwol tar-Rappreżentant huwa li jtejjeb is-sensibilizzazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-problemi li jiffaċċjaw l-SMEs. Ir-Rappreżentant jeżamina l-politiki tal-UE li jista’ jkollhom impatt fuq l-SMEs u jiżgura li l-interessi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom jitqiesu waqt it-tfassil tal-politika.

Il-kompitu tar-Rappreżentant huwa parti mis-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt maħsuba biex jiġi żgurat li l-proposti tal-Kummissjoni jiġu soġġetti għal valutazzjoni minn qabel tal-effetti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tagħhom. Il-kontribut ewlieni tar-Rappreżentant tal-SMEs huwa li jiddefendi l-SMEs fi stadju bikri tal-proċess tat-tfassil tal-liġijiet u b’hekk jiġu antiċipati l-effetti ta’ liġijiet ġodda.

B’dan il-mod, il-ħidma tar-Rappreżentant iżżid il-koordinazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-SMEs.

Esternament, ir-Rappreżentant huwa persuna viżibbli ta’ kuntatt rikonoxxuta mill-komunità tal-SMEs. L-irwol tar-Rappreżentant huwa li jisma', permezz ta’ kuntatt dirett, kemm regolari kif ukoll informali, mal-SMEs u mal-organizzazzjonijiet rappreżentanti tagħhom. Minbarra li jiġbor l-informazzjoni, ir-Rappreżentant iżomm lill-SMEs infurmati dwar programmi u finanzjament tal-UE u jista' jwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom b’mod dirett. Billi jistabbilixxi djalogu bejn l-UE u n-negozji Ewropej, ir-Rappreżentant jikkontribwixxi għal titjib fil-governanza fl-Ewropa.

L-ewwel Rappreżentant tal-SMEs, is-Sur Timo Summa, dak iż-żmien Direttur tad-DĠ Intrapriża, ġie nnominat fl-2001 fuq inizjattiva ta’ Erkki Liikanen, dak iż-żmien Kummissarju għall-Intrapriża u tas-Soċjetà tal-Informazzjoni.

Ir-Rappreżentant attwali tal-SMEs huwa s-Sur Calleja Crespo, Direttur Ġenerali tad-DĠ Intrapriża u Industrija.

Għal aktar informazzjoni, ara l-portal Ewropew tad-DĠ għall-SMEs u, b’mod partikolari, is-sit tar-Rappreżentant tal-SMEs.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa [COM(2008) 394 finali - Għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali].

Tista’ tikkuntattja r-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE fl-indirizz li ġej: Ir-Rappreżentant tal-SMEs Il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs, Unità GROW.H1 - Il-Programm COSME u n-Netwerk tar-Rappreżentant tal-SMEs B-1049 Brussell Il-Belġju jew bl-e-mail: grow-sme-envoy@ec.europa.eu.

L-aħħar aġġornament: 08.06.2015

Top