EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aċċess usa’ għal materjal bid-drittijiet tal-awtur — xogħlijiet orfni

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2012/28/UE — ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din id-direttiva hija ddisinjata biex tippromwovi d-diġitalizzazzjoni ta’ u l-aċċess online intra-UE legali għal xogħlijiet orfni* li jkun hemm fil-kollezzjonijiet tal-libreriji, stabbilimenti edukattivi, mużewijiet, arkivji, istituzzjonijiet ta’ wirt awdjoviżiv u organizzazzjonijiet tax-xandir tas-servizz pubbliku.

Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom missjoni ta’ interess pubbliku li:

  • jippreservaw,
  • jirrestawraw,
  • jirriproduċu, u
  • jipprovdu aċċess onlajn għall-kollezzjonijiet tagħhom għal raġunijiet kulturali u edukattivi.

Wara li jwettqu t-tfittxija diliġenti* dawn l-organizzazzjonijiet jitħallew jużaw xogħlijiet orfni għall-finijiet tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-direttiva tapplika għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jiġu l-ewwel ippubblikati jew, fl-assenza ta’ pubblikazzjoni, imxandra (murija fuq it-televixin jew onlajn, jiġifieri midja viżiva, minflok midja testwali) f’pajjiż tal-UE.

Id-direttiva tapplika għal diversi kategoriji ta’ xogħlijiet:

  • kotba ppubblikati, gazzetti, rivisti jew kitbiet oħra;
  • xogħlijiet inklużi jew inkorporati fil-kategoriji ta’ hawn fuq;
  • xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi u fonogrammi.

Status tax-xogħol orfni

  • L-organizzazzjonijiet koperti mid-direttiva jeħtiġilhom jiżguraw li titwettaq tfittxija diliġenti għad-detenturi tad-drittijiet b’bona fide billi jiġu kkonsultati s-sorsi xierqa sabiex jiġi vverifikat l-istatus tax-xogħol orfni.
  • Id-direttiva tindika li l-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jiddeterminaw is-sorsi xierqa u jinkludu lista ta’ sorsi li jenħtieġ li tal-anqas jiġu kkonsultati meta titwettaq tfittxija diliġenti.
  • Materjal li jitqies bħala orfni f’pajjiż tal-UE wieħed għandu l-istess status fil-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE.
  • F’każ li d-detentur tad-drittijiet ta’ dak li huwa meqjus xogħol orfni jerġa’ jfeġġ, id-direttiva tipprevedi l-possibbiltà li jintemm l-istatus ta’ xogħol orfni u tagħti kumpens ġust lil dan.

Bażi ta’ data

Se tinħoloq bażi ta’ data onlajn aċċessibbli għall-pubbliku, mal-UE kollha u unika, b’informazzjoni dwar xogħlijiet orfni, inkluż:

  • riżultati ta’ tfittxijiet għad-detenturi ta’ drittijiet;
  • l-użu li jkun sar ta’ xogħlijiet orfni minn organizzazzjonijiet;
  • kwalunkwe bidla fl-istatus tax-xogħol orfni tax-xogħlijiet użati.

Dan jiżgura li kemm l-organizzazzjonijiet li jwettqu dawn it-tfittxijiet kif ukoll id-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jsibu informazzjoni dwar l-identifikazzjoni u l-użu tax-xogħlijiet orfni.

Użi permessi

L-organizzazzjonijiet koperti mid-direttiva jistgħu jużaw xogħol orfni biss biex jiksbu għanijiet relatati mal-missjonijiet ta’ interess pubbliku tagħhom:

  • biex jagħmlu x-xogħol orfni disponibbli għall-pubbliku;
  • biex jirriproduċu x-xogħol orfni għal finijiet ta’ diġitalizzazzjoni, disponibbiltà, indiċjar, katalogar, preservazzjoni jew restawr.

L-organizzazzjonijiet jistgħu jiġġeneraw dħul matul tali użi, għall-għan esklussiv li jkopru l-ispejjeż ta’ diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet orfni tagħhom u jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku.

META TIBDA TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-direttiva ilha tapplika mid-29 ta’ Ottubru 2014 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE fl-istess jum.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Xogħlijiet Orfni: xogħlijiet bħal kotba, artikli fuq gazzetti u rivisti u films li għadhom protetti bid-drittijiet tal-awtur iżda li l-awturi tagħhom jew detenturi oħrajn tad-drittijiet mhumiex magħrufa jew ma jistgħux jiġu lokalizzati jew ikkuntattjati biex jinkiseb permess għad-drittijiet tal-awtur.
Tfittxija diliġenti: tfittxija bir-reqqa bil-għan li tidentifika u/jew tillokalizza lill-awtur tal-materjali bid-drittijiet tal-awtur jew lil detenturi tad-drittijiet oħra.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni (ĠU L 299, 27.10.2012, pp. 5-12)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, pp. 1-99)

Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b’ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta’ rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (ĠU L 129, 16.5.2012, pp. 1-6)

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, pp. 10-19)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.06.2018

Top