Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Fondi spekulattivi, fondi ta’ ekwità privata — regoli għall-maniġers

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Fondi spekulattivi, fondi ta’ ekwità privata — regoli għall-maniġers

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi — Direttiva 2011/61/UE

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi qafas legali għall-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni u s-sorveljanza tal-maniġers ta’ firxa ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM)

PUNTI EWLENIN

Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni: id-direttiva telenka għadd ta’ entitajiet li ma tapplikax għalihom, inklużi:

kumpaniji holding (kif definiti fid-direttiva),

il-ġestjoni ta’ fondi tal-pensjoni,

skemi tal-parteċipazzjoni jew ta’ tfaddil tal-impjegati,

istituzzjonijiet sovranazzjonali,

banek ċentrali nazzjonali u

kuntratti tal-assigurazzjoni.

Passaport: L-AIFMS jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom permezz ta’ “passaport” f’pajjiżi tal-UE differenti fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni unika. Ladarba AIFM jiġi awtorizzat f’pajjiż tal-UE wieħed u jikkonforma mar-regoli tad-direttiva, l-AIFM huwa intitolat jimmaniġġja jew jikkummerċjalizza fondi lil investituri privati mal-UE kollha.

Awtorizzazzjonijiet: biex joperaw fl-UE, il-maniġers tal-fondi huma meħtieġa jiksbu awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-UE tad-domiċilju tagħhom. Biex jiksbu awtorizzazzjoni, l-AIFMS irid ikollhom livell minimu ta’ kapital fl-għamla ta’ attiv likwidu jew għal perjodu qasir.

Depożitarju: L-AIFMS huma meħtieġa jiżguraw li l-fondi li jimmaniġġaw jaħtru depożitarju indipendenti, pereżempju bank jew ditta tal-investiment responsabbli għas-sorveljanza tal-attivitajiet tal-fond u għall-iżgurar li l-assi tal-fond jiġu mħarsa kif xieraq.

Ġestjoni tar-riskju u sorveljanza prudenzjali: L-AIFMS huma meħtieġa jissodisfaw lill-awtorità kompetenti dwar is-sodezza tal-arranġamenti interni tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju. Dan jinkludi rekwiżit sabiex jiġu żvelati fuq bażi regolari s-swieq u l-istrumenti ewlenin li jinnegozjaw fihom, l-esponimenti prinċipali u l-konċentrazzjonijiet tar-riskju tagħhom.

Trattament tal-investituri: sabiex iħeġġu d-diliġenza fost l-investituri tagħhom, l-AIFMs huma meħtieġa jipprovdu deskrizzjoni ċara tal-politika ta’ investiment tagħhom, inklużi deskrizzjonijiet tat-tipi ta’ assi u l-użu tal-ingranaġġ. Rapport annwali għal kull sena finanzjarja għandu jkun disponibbli għall-investituri fuq talba.

Fondi li jużaw ingranaġġ: id-direttiva tintroduċi rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-ingranaġġ, jiġifieri l-użu tad-dejn biex jiġi ffinanzjat l-investiment. L-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dritt jistabbilixxu limiti għall-ingranaġġ sabiex jiżguraw l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Fondi ta’ ekwità privata: meta AIF jakkwista l-kontroll ta’ kumpanija jew emittent mhux ikkwotat, l-AIFM huwa soġġett għal dispożizzjonijiet kontra l-asset stripping. Għal perjodu ta’ sentejn, l-AIFM irid jaġixxi kontra kull distribuzzjoni, tnaqqis tal-kapital, tifdija tal-ishma jew akkwist tal-ishma proprji mill-kumpanija.

Fondi u maniġers li jinsabu f’pajjiżi mhux tal-UE: soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva, il-“passaport” jista’ jiġi estiż għal AIFMs mhux tal-UE u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi mhux tal-UE, immaniġġjati minn AIFM tal-UE jew mhux tal-UE.

Opt-outs għal fondi iżgħar: Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu li ma japplikawx id-direttiva għal AIFMS iżgħar, jiġifieri fondi b’assi mmaniġġjati ta’ inqas minn EUR 100 miljun jekk jużaw l-ingranaġġ, u b’assi li jammontaw għal inqas minn EUR 500 jekk le. Madankollu, il-fondi iżgħar huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u ta’ rapportar minimi.

Għadd ta’ miżuri delegati u ta’ implimentazzjoni, adottati sussegwentement mill-Kummissjoni Ewropewa, joffru gwida teknika dwar l-applikazzjoni tad-direttiva.

META TIDĦOL FIS-SEĦĦ ID-DIRETTIVA?

Fil-21 ta’ Lulju 2011.

Din trid tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sat-22 ta’ Lulju 2013.

SFOND

ATT

Direttiva 2011/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1-73)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2011/61/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1-95)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċitar tad-delega ta’ setgħat lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2011/61/UE tat-8 ta’ Ġunju 2011 (COM(2015) 383 final tat-3.8.2015)

l-aħħar aġġornament 28.10.2015

Top