EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tnaqqis ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju minn vetturi kummerċjali ħfief

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi rekwiżiti ta’ rendiment għal emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief.

PUNTI EWLENIN

Vetturi kkonċernati

Ir-Regolament jikkonċerna vetturi tal-kategorija N1, li hija, vetturi kummerċjali ħfief iddisinjati u mibnija biex jittrasportaw l-oġġetti, b’piż massimu ta’ 3.5 tunnellati, u li ma jaqbiżx l-2,610 kilogrammi meta ma jkunux mgħobbija, li huma rreġistrati fl-UE għall-ewwel darba.

Miri tal-emissjonijiet mifruxa mal-flotta tal-UE

  • Il-livell medju ta’ emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda ma jistax jaqbeż il-175 gramma ta’ CO2 għal kull kilometru (rekwiżit li ġie introdott gradwalment mill-2014 ’il quddiem kif spjegat hawn taħt).
  • Mill-2020, l-emissjonijiet medji ma jistgħux jaqbżu l-147 gramma ta’ CO2 għal kull kilometru.

Miri ta’ emissjonijiet speċifiċi għall-manifatturi

Manifatturi ta’ vetturi kummerċjali ħfief għandhom jiżguraw li l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda tagħhom irreġistrati fl-UE jissodisfaw il-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament. Dawn il-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi huma bbażati fuq il-miri ta’ emissjonijiet mifruxa mal-flotta tal-UE, billi jikkunsidraw il-piż medju tal-vetturi fi flotta ta’ manifattur.

Il-miri ġew applikati gradwalment mill-1 ta’ Jannar 2014 ’il quddiem kif ġej:

  • għal 70 % tal-vetturi fl-2014;
  • għal 75 % tal-vetturi fl-2015;
  • għal 80 % tal-vetturi fl-2016;
  • għal 100 % tal-vetturi mill-2017;

Konsorzji tal-manifatturi

Il-manifatturi ta’ vetturi kummerċjali ħfief jistgħu jiffurmaw konsorzju u jaġixxu b’mod konġunt sabiex jissodisfaw il-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi.

Monitoraġġ u rappurtar ta’ emissjonijiet medji

Kull sena, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiġbru data għal kull vettura kummerċjali ħafifa ġdida rreġistrata fit-territorju tagħhom (eż. manifattur, tip, emissjonijiet ta’ CO2 speċifiċi u massa).

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tiġbor din id-data f’reġistru ċentrali li huwa aċċessibbli għall-pubbliku. Abbażi ta’ din id-data, il-Kummissjoni Ewropea tikkalkula b’mod provviżorju, għal kull manifattur u għal kull sena kalendarja:

  • l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2;
  • il-mira ta’ emissjonijiet speċifiċi;
  • id-differenza bejn l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u l-mira ta’ emissjonijiet speċifiċi.

Ladarba jiġu vverifikati mill-manifatturi, il-Kummissjoni tikkonferma dawn il-kalkoli sal-31 ta’ Ottubru kull sena.

“Super-krediti”

Matul is-snin 2014 sal-2017 kien hemm inċentiva għall-manifatturi biex jipproduċu vetturi b’rati ta’ emissjonijiet baxxi (inqas minn 50 gramma għal kull kilometru). Meta ġew ikkalkulati l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ manifattur, kull waħda minn dawn il-vetturi ngħaddet bħala 3.5 vetturi fl-2014 u l-2015, bħala 2.5 vetturi fl-2016 u bħala 1.5 vetturi fl-2017. Kull manifattur jista’ jiddikjara dan is-“super-kreditu” għal massimu ta’ 25 000 vettura kummerċjali ħafifa bejn l-2014 u l-2017.

Primjum għal emissjonijiet eċċessivi

  • Mill-2014, jekk l-emissjonijiet speċifiċi medji tagħhom qabżu l-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi, il-manifatturi kellhom iħallsu primjum ikkalkulat skont l-emissjonijiet eċċessivi.
  • Sal-2018, l-ammont tal-primjum għal kull vettura rreġistrata kien €5 għall-ewwel gramma għal kull kilometru li jinqabeż, €15 għat-tieni, €25 għat-tielet u €95 għal kull gramma addizzjonali għal kull kilometru.
  • Mill-2019, il-penali għal kull vettura rreġistrata hija €95 għal kull gramma għal kull kilometru li jinqabeż.

Eżenzjonijiet għal ċerti manifatturi

  • Manifattur li jipproduċi inqas minn 1 000 vettura kummerċjali ħafifa ġdida fl-UE fis-sena jiġi eżentat awtomatikament mill-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi.
  • Manifattur jista’ japplika għal eżenzjoni mill-mira ta’ emissjonijiet speċifiċi tiegħu jekk jipproduċi inqas minn 22 000 vettura kummerċjali ħafifa ġdida fl-UE fis-sena. F’dan il-każ, dan jiġi soġġett għal mira individwali, li hija konsistenti mal-potenzjal ta’ tnaqqis tiegħu.

Eko-innovazzjoni

Il-fornituri jew il-manifatturi jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom billi jużaw teknoloġiji innovattivi, li mhumiex koperti miċ-ċiklu standard ta’ testijiet għall-kejl ta’ CO2 jew minn regoli obbligatorji tal-UE. L-ammont totali li dawn it-teknoloġiji jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi għal manifattur huwa 7 grammi ta’ CO2/km.

Emendi għar-regolament

Ir-Regolament ġie emendat bosta drabi biex jinżamm aġġornat mal-iżviluppi tekniċi, bħal:

  • tibdil fil-proċeduri tat-test regolatorji u fir-rigward ta’ emissjonijiet speċifiċi medji; u
  • il-ħtieġa li jiġu introdotti proċeduri għall-approvazzjoni u għaċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi.

Reviżjoni tar-Regolament

Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni kellha teżamina mill-ġdid diversi aspetti ta’ dan ir-Regolament sabiex tistabbilixxi miri ġodda għall-perjodu wara l-2020. F’Novembru 2017, din ippreżentat il-proposta tagħha li, meta tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ser tirriżulta fir-revoka ta’ dan ir-Regolament.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-3 ta’ Ġunju 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 145, 31.5.2011, pp. 1-18)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 510/2011 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju .

DOKUMENTI RELATATI

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 (riformulazzjoni) (COM(2017) 676 final/2, 26.1.2018)

Ir-Regolament (UE) Nru 253/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 510/2011 bil-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda (ĠU L 84, 20.3.2014, pp. 38-41)

l-aħħar aġġornament 10.01.2019

Top