Help Print this page 
Title and reference
Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)

Il-kriżi finanzjarja tal-2008 kixfet nuqqasijiet fis-superviżjoni finanzjarja Ewropea. Ibbażata f'Londra, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) inħolqot fl-2010 biex tħares l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema bankarja Ewropea.

ATT

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-KEUunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE.

SOMMARJU

Il-kriżi finanzjarja tal-2008 kixfet nuqqasijiet fis-superviżjoni finanzjarja Ewropea. Ibbażata f'Londra, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) inħolqot fl-2010 biex tħares l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema bankarja Ewropea.

DAN IR-REGOLAMENT X'JAGĦMEL?

L-EBA twaqqfet permezz ta' regolament sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn is-superviżuri bankarji nazzjonali u tiġi żġurata l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni bankarja tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Applikazzjoni konsistenti tal-liġi

L-EBA tfassal standards regolatorji u tekniċi biex tispeċifika l-leġiżlazzjoni bankarja adottata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Għandha wkoll s-setgħa li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea.

Testijiet tal-istress

L-EBA hija inkarigata mill-koordinazzjoni tat-twettiq tat-“testijiet tal-istress” flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-superviżjoni tal-banek biex jivvalutaw ir-reżiljenza għal xokkijiet finanzjarji. B'mod partikolari, din hija maħsuba biex tiġi applikata metodoloġija konsistenti fil-livell nazzjonali għat-twettiq ta' dawn it-testijiet. Tissorvelja u tivvaluta wkoll ix-xejriet tas-suq u l-kreditu.

Ksur tal-liġijiet

L-EBA għandha s-setgħa li tinvestiga l-allegata applikazzjoni inkorretta minn superviżur nazzjonali ta' leġiżlazzjoni bankarja u finanzjarja Ewropea (b'mod partikolari, meta jonqos li jiżgura li bank jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni).

L-EBA tista' tindirizza rakkomandazzjoni lis-superviżur nazzjonali partikolari. Jekk ma jikkonformax ma' dan, il-Kummissjoni tista' mbagħad tingħata s-setgħa biex toħroġ opinjoni formali li tqis ir-rakkomandazzjoni tal-EBA.

Jekk superviżur nazzjonali jippersisti fin-nuqqas ta' konformità tiegħu mal-liġi, l-EBA tista' tadotta d-deċiżjonijiet direttament indirizzati lill-bank. Din is-setgħa tista' tintuża biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

Superviżjoni finanzjarja Ewropea

L-EBA hija parti mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja maħluqa fl-2010, u li tinkludi 3 organizzazzjonijiet superviżorji oħrajn:

L-awtorità superviżorja inkarigata mis-settur tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet, ibbażata fi Frankurt (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol - EIOPA).

L-awtorità superviżorja inkarigata mis-swieq finanzjarji, ibbażata f'Pariġi (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq - ESMA).

Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) responsabbli mis-sorveljanza globali tal-istabbiltà finanzjarja fl-UE, ibbażat fi Frankfurt.

META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Mis-16 ta’ Diċembru 2010.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit web tal-EBA.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010

16.12.2010

-

ĠU L 331 tal-15.12.2010, p. 12-47

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 1022/2013

30.10.2013

-

ĠU L 287 tad-29.10.2013, p. 5-14

Id-Direttiva 2014/17/UE

20.3.2014

-

ĠU L 60 tat-28.2.2014, p. 34-85

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta' Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331 tal-15.12.2010, p. 162-164).

Id-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331 tal-15.12.2010, p. 120-161).

L-aħħar aġġornament: 20.03.2015

Top