Help Print this page 
Title and reference
Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

 

SOMMARJU

Wara l-kriżi finanzjarja globali tal-2008, l-Unjoni Ewropea (UE) introduċiet leġiżlazzjoni biex issaħħaħ l-arranġamenti tal-UE għas-superviżjoni tas-settur finanzjarju. Dawn kienu maħsuba sabiex jirkupraw il-fiduċja fis-sistema finanzjarja u biex jevitaw kwalunkwe riskju li jista’ jiddestabilizza s-sistema finanzjarja globali.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) bħala parti mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SEFS) li tinkludi wkoll:

l-awtoritajiet superviżorji fil-pajjiżi tal-UE.

L-istruttura superviżorja l-ġdida tinkludi wkoll regolament li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ċerti kompiti speċifiċi sabiex jappoġġa lill-BERS.

PUNTI EWLENIN

Mandat, għanijiet u kompiti

Il-BERS huwa bbażat fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja). Huwa responsabbli għall-monitoraġġ u l-analiżi tar-riskju fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi (magħrufa wkoll bħala sorveljanza makroprudenzjali) Biex jikseb dan, il-BERS b’mod partikolari:

jidentifika riskji sistemiċi u jikklassifikahom skont il-prijorità tagħhom;

joħroġ twissijiet fejn ir-riskji sistemiċi huma meqjusa sinifikanti u jagħmilhom pubbliċi jekk meħtieġ;

jirrakkomanda azzjonijiet ta’ rimedju b’rispons għar-riskji identifikati;

jista’ jibgħat twissija kunfidenzjali u valutazzjoni lill-Kunsill meta jqis li tista’ tirriżulta sitwazzjoni ta’ emerġenza;

iwettaq monitoraġġ tal-miżuri meħuda b’reazzjoni għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet;

jikkoordina mal-organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB).

Organizzazzjoni

Il-BERS għandu l-istruttura segwenti:

Bord Ġenerali li jiżgura t-twettiq ta’ kompiti billi jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji;

Kumitat ta’ Tmexxija li jassisti fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

Segretarjat responsabbli għan-negozju ta’ kuljum u li jipprovdi appoġġ;

Kumitat Xjentifiku Konsultattiv u Kumitat Tekniku Konsultattiv biex jipprovdu pariri u assistenza.

Il-BERS għandu President li jirrappreżenta l-BERS esternament u żewġ Viċi-Presidenti. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, loġistiku u amministrattiv lill-BERS billi jiżgura s-Segretarjat tal-BERS.

Twissijiet u rakkomandazzjonijiet

Fil-każ ta’ riskji sistemiċi sinifikanti għall-għan tiegħu, il-BERS jipprovdi twissijiet u, fejn xieraq, joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta’ rimedju, inklużi inizjattivi leġiżlattivi meta jkun xieraq. Dawn it-twissijiet jew rakkomandazzjonijiet huma indirizzati b’mod partikolari:

lill-UE kollha kemm hi;

lil pajjiż tal-UE wieħed jew aktar;

lil Awtorità Superviżorja Ewropea waħda jew aktar;

lil awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar; jew

lill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti.

Id-destinatarji tar-rakkomandazzjonijiet iridu jikkonformaw jew jipprovdu spjegazzjoni f’każ li ma jkunux ħadu azzjoni. Jekk il-BERS jinnota li r-rakkomandazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet segwita jew li d-destinatarji ma tawx ġustifikazzjoni adegwata għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom, għandu jinforma lid-destinatarji, lill-Kunsill, u, jekk relevanti, lill-Awtorità Superviżorja Ewropea kkonċernata b’mod kunfidenzjali.

L-iżvilupp ulterjuri tas-sistema ta’ sorveljanza Ewropea

Hekk kif żviluppat il-kriżi finanzjarja u wara li aggravat il-kriżi tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro fl-2010-2011, l-integrazzjoni ulterjuri tas-sistemi bankarji taż-żona tal-euro saret neċessarja. Huwa għalhekk li, abbażi tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni sabiex toħloq Unjoni Bankarja, l-istituzzjonijiet Ewropej ħolqu:

Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), li jqiegħed lill-BĊE bħala superviżur ċentrali għall-banek taż-żona tal-euro (madwar 6 000 bank). Pajjiżi mhux taż-żona tal-euro wkoll jistgħu jiddeċiedu li jissieħbu;

Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM), li l-għan tiegħu huwa li jiżgura r-riżoluzzjoni tajba ta’ banek li qed ifallu koperti mill-MSU mingħajr ma jintużaw il-flus tal-kontribwenti.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mis-16 ta’ Diċembru 2010.

SFOND

ATT

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

REFERENZA

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 1092/2010

16.12.2010

-

ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1-11.

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162-164)

Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 120-161). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 26.10.2015

Top