Help Print this page 
Title and reference
Il-kumpaniji tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bit-triq: Regoli operattivi

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-kumpaniji tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bit-triq: Regoli operattivi

Il-pajjiżi tal-UE ma applikawx ir-regoli għall-ammissjoni għan-negozju tal-operaturi tat-trasport bit-triq (jiġifieri li jipprovdu trasport għal merkanzija jew passiġġieri), kif stabbilit fid-Direttiva 96/26/KE, b’mod konsistenti biżżejjed. Fit-tħassir tad-Direttiva 96/26/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 għandu l-għan li jindirizza dan in-nuqqas.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE.

SOMMARJU

Il-pajjiżi tal-UE ma applikawx ir-regoli għall-ammissjoni għan-negozju tal-operaturi tat-trasport bit-triq (jiġifieri li jipprovdu trasport għal merkanzija jew passiġġieri), kif stabbilit fid-Direttiva 96/26/KE, b’mod konsistenti biżżejjed. Fit-tħassir tad-Direttiva 96/26/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 għandu l-għan li jindirizza dan in-nuqqas.

X'JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-kumpaniji li jridu jidħlu u jkunu attivi fin-negozju tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bit-triq.

Huwa japplika għall-kumpaniji kollha stabbiliti fl-UE li huma attivi (jew li għandhom il-ħsieb li jkunu attivi) fit-trasportazzjoni ta’ merkanzija jew persuni inkambju għal ħlas.

PUNTI EWLENIN

Jeħtieġ li l-kumpaniji attivi fin-negozju tal-operaturi tat-trasport bit-triq:

ikunu stabbiliti b’mod effettiv u stabbli f’pajjiż tal-UE;

ikunu ta’ reputazzjoni tajba;

ikollhom pożizzjoni finanzjarja xierqa; u

ikollhom il-kompetenza professjonali meħtieġa.

Il-maniġer tat-trasport

Kull kumpanija tat-trasport bit-triq għandha taħtar maniġer tat-trasport li jkun responsabbli mill-ġestjoni kontinwa tal-attivitajiet tat-trasport tal-kumpanija li jirrappreżenta. Dan il-maniġer għandu jkun residenti fl-UE u jkollu konnessjoni ġenwina mal-intrapriża, eż. bħala impjegat, amministratur jew azzjonist.

Kif issir operatur tat-trasport bit-triq

Kumpanija li tkun trid issir attiva fin-negozju tal-operaturi tat-trasport bit-triq għandha tkun stabbilita f’pajjiż tal-UE b’bini f’dak il-pajjiż tal-UE, fejn hija tkun tista’ żżomm id-dokumenti kollha (eż. kontijiet, dokumenti dwar l-immaniġġjar tal-ħaddiema u dejta relatata mal-ħin tas-sewqan u l-mistrieħ) meħtieġa għan-negozju tagħha. Barra minn hekk, hija għandu jkollha mill-inqas vettura waħda rreġistrata f’dak il-pajjiż tal-UE għad-dispożizzjoni tagħha (ladarba tingħata awtorizzazzjoni) u jkollha ċentru operattiv li jkun jinsab f’dak il-pajjiż, bl-apparat tekniku u l-faċilitajiet xierqa għat-tħaddim tal-vetturi.

Barra minn hekk:

Il-kumpanija u l-maniġer ma għandhomx jinstabu ħatja għal xi ksur ta’ ċerti regoli nazzjonali u tal-UE relatati mat-trasport bit-triq;

Il-kumpanija għandha tkun kapaċi tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha;

Il-maniġer għandu jkun għadda minn eżami bil-miktub obbligatorju li jista’ jkun issupplimentat minn eżami orali.

Awtorizzazzjoni u monitoraġġ

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għal:

l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet li jsiru minn kumpaniji;

l-għoti ta’ permessi għal operatur tat-trasport bit-triq;

id-dikjarazzjoni ta’ persuna bħala idonea/mhux idonea biex tiġġestixxi l-attivitajiet tat-trasport ta’ kumpanija;

il-verifika li l-kumpanija tissodisfa r-rekwiżiti kollha rilevanti.

L-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli wkoll sabiex isegwu l-applikazzjonijiet tal-kumpaniji għal reġistrazzjoni fi żmien 3 xhur. Huma jistgħu wkoll jiddikjaraw kumpanija bħala mhux idonea biex tiġġestixxi l-attivitajiet tat-trasport.

Simplifikazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva

Kull pajjiż tal-UE għandu jżomm reġistru elettroniku nazzjonali tal-kumpaniji awtorizzati sabiex ikunu attivi fin-negozju tal-operaturi tat-trasport bit-triq. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma responsabbli mis-superviżjoni tad-dejta f’dak ir-reġistru. Ir-reġistri nazzjonali għandhom ikunu interkonnessi sabiex l-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE jkunu jistgħu jikkonsultaw ir-reġistru elettroniku nazzjonali ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE.

Rapport ta’ implimentazzjoni

Fl-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni tagħha li jkopri l-perjodu sal-aħħar tal-2012, il-Kummissjoni nnotat li hija ma setgħetx tipprovdi analiżi sħiħa tal-implimentazzjoni tar-Regolament minħabba li kien hemm dejta nieqsa. Hija tissuġġerixxi li fil-ġejjieni għandha titfassal formola ta’ rappurtar standard. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tal-UE sabiex iħejju profil tas-sistemi nazzjonali tagħhom għall-awtorizzazzjonijiet.

MINN META BEDA JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Mill-4 ta’ Diċembru 2011.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009

4.12.2009

-

ĠU L 300 tal-14.11.2009, p. 51-71.

Att(i) Emendatorji

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Ir-Regolament (UE) Nru 613/2012

11.7.2012

-

ĠU L 178 tal-10.7.2012, p. 6.

Ir-Regolament (UE) Nru 517/2013

1.7.2013

-

ĠU L 158, 10.6.2013, p. 1-71.

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni fil-perjodu mill-4 ta’ Diċembru 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2012 ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq (l-ewwel rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq) (COM(2014) 592 final tal-25.9.2014).

L-aħħar aġġornament: 07.01.2015

Top