Help Print this page 
Title and reference
Vetturi bil-mutur u trejlers sikuri

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Vetturi bil-mutur u trejlers sikuri

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 — approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers

SOMMARJU

Il-vetturi bil-mutur ġodda għandhom jissodisfaw l-istess rekwiżiti tekniċi madwar l-Unjoni Ewropea (UE) kollha. Dan jgħin sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq u ħarsien ambjentali, u jagħmel l-industrija tal-karozzi tal-UE aktar kompetittiva.

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri li jiżguraw li l-vetturi bil-mutur ġodda jissodisfaw l-istandards tas-sikurezza u tal-effiċjenza enerġetika tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Dan ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip ta’:

is-sikurezza tal-vetturi bil-mutur u tat-trejlers tagħhom;

l-effiċjenza enerġetika tal-vetturi bil-mutur (billi jsir obbligatorju li jiġu installati sistemi ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers u indikaturi tat-tibdil tal-gerijiet);

is-sikurezza u l-effiċjenza enerġetika tat-tajers u l-livelli ta’ emissjonijiet akustiċi tagħhom.

Huwa japplika għal:

vetturi bil-mutur b’mill-inqas erba' roti, li jintużaw għat-trasport tal-passiġġieri (il-kategorija M);

vetturi bil-mutur b’mill-inqas erba' roti, intiżi għat-trasport tal-merkanzija (il-kategorija N);

trejlers (il-kategorija O).

Approvazzjoni tat-tip*

Permezz tar-Regolament, l-UE tikkonforma ma’ għadd ta’ regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-vetturi bil-mutur. Vettura tat-tip approvat skont dawn ir-regolamenti tal-UNECE titqies bħala li tissodisfa l-istandards tal-approvazzjoni tat-tip tal-Kummissjoni.

Ir-Regolament 2015/166, li ssupplimenta u emenda r-regolament oriġinali, jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċeduri, ir-rekwiżiti tekniċi u t-testijiet speċifiċi għall-approvazzjoni tat-tip. Huwa jkopri wkoll komponenti u unitajiet tekniċi separati għall-vetturi bil-mutur.

Obbligi tal-manifatturi

Il-manifatturi għandhom jiggarantixxu li l-vetturi ġodda mibjugħa, irreġistrati jew imdaħħla fis-servizz fl-UE jkollhom it-tip tagħhom approvat b’konformità ma’ dan ir-regolament.

Sabiex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq, il-vetturi kollha għandhom ikunu mgħammra b’sistema elettronika ta’ kontroll tal-istabbiltà. Il-vetturi fil-kategoriji M2, M3, N2 u N3 għandhom ikunu mgħammra b’sistema avvanzata ta’ bbrejkjar f’każ ta’ emerġenza u sistema ta’ twissija ta’ ħruġ mill-karreġġata. Mill-1 ta' Novembru 2015, dan ser jibda japplika għat-trakkijiet u l-karozzi tal-linja ġodda kollha.

It-tajers għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti relatati ma’:

il-qabda fuq l-imxarrab;

ir-reżistenza għad-dawrien;

l-istorbju tat-tidwir.

Barra minn hekk, il-vetturi fil-kategorija M1 għandhom ikunu mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers, sistema li tfakkar lill-passiġġieri biex jilbsu ċ-ċinturin tas-sikurezza u indikaturi tat-tibdil tal-gerijiet, fost ħafna speċifikazzjonijiet aktar dettaljati oħrajn għall-kategoriji tal-vetturi kollha.

Obbligi għall-pajjiżi tal-UE

L-approvazzjoni tat-tip tal-Kummissjoni jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali tingħata biss lil dawk il-vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-regolament.

SFOND

Is-sikurezza fis-settur tal-karozzi.

TERMINI EWLENIN

* Approvazzjoni tat-tip: turi li tip ta’ vettura ġie ttestjat sabiex jiġi żgurat li dan jissodisfa r-rekwiżiti regolatorji, tekniċi u tas-sikurezza rilevanti.

ATT

Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009

20.8.2009

ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1–24

Rettifika

ĠU L 337, 20.12.2011, p. 27

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 407/2011

1.5.2011

ĠU L 108, 28.4.2011, p. 13–20

Ir-Regolament (UE) Nru 523/2012

11.7.2012

ĠU L 160, 21.6.2012, p. 8–12

Ir-Regolament (UE) 2015/166

24.2.2015

ĠU L 28, 4.2.2015, p. 3–39

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 661/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 19/2011 tal-11 ta' Jannar 2011 li jikkonċerna r-rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-pjanċa statutorja tal-manifattur u għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 8, 12.1.2011, p. 1–13)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top