Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-istabbiliment ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

L-istabbiliment ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni (COM(2010) 254 final) — Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

Tiddeskrivi l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea rigward l-istabbiliment ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja.

PUNTI EWLENIN

X’inhu r-rwol tal-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja?

  • Il-fondi ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni ordnata ta’ banek f’diffikultà. Sabiex jagħmlu dan, jistgħu jimplimentaw miżuri bħal:
    • finanzjament ta' banek tranżitorji (jiġifieri istituzzjonijiet stabbiliti minn regolatur jew minn bank ċentrali nazzjonali sabiex joperaw bank fallut sakemm jinstab xerrej għall-operazzjonijiet tiegħu);
    • finanzjament ta' trasferiment totali jew parzjali tal-assi u/jew tal-obbligazzjonijiet mill-entità f’diffikultà;
    • finanzjament ta' qsim bejn bank tajjeb u bank ħażin.
  • Il-fondi ta’ riżoluzzjoni jistgħu jintużaw ukoll sabiex ikopri spejjeż amministrattivi, tariffi legali u konsultattivi.
  • Madankollu, ma jistgħux jaqdu r-rwol ta’ assigurazzjoni kontra falliment jew jintużaw sabiex isalvaw banek inadempjenti.

Kif jistgħu jiġu ffinanzjati l-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja?

Il-Kummissjoni tqis li l-arranġamenti ta’ finanzjament għal fond għandhom jakkwistaw ir-riżorsi neċessarji filwaqt li jinċentivaw imġiba xierqa.

3 punti jistgħu jifformaw il-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja:

  • l-assi tal-banek jistgħu jirrappreżentaw indikatur tal-ammont li jista’ jkun hemm bżonn li jintnefaq fuq l-amministrazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-bank. L-assi tagħhom diġà huma soġġetti għal rekwiżiti kapitali prudenzjali ponderati għar-riskji fil-forma ta’ allokazzjonijiet kapitali. Tista’ tiġi stabbilita imposta bbażata fuq l-assi. Madankollu, minħabba f’hekk, din tista’ tammonta għal rekwiżit kapitali addizzjonali u jkollha tiġi kkunsidrata bir-reqqa fil-kuntest tar-riformi usa’ fl-istandards tal-kapital li jkunu qed jitwettqu;
  • l-obbligazzjonijiet tal-banek jistgħu jirrappreżentaw ukoll indikaturi tal-ammont li jista’ jkun hemm bżonn li jintnefaq fuq l-amministrazzjoni tar-riżoluzzjoni bankarja. L-ispejjeż tar-riżoluzzjoni bankarja aktarx li jirriżultaw l-aktar mill-bżonn li jiġu sostnuti ċerti obbligazzjonijiet (esklużi ekwità u obbligazzjonijiet assigurati - eż. depożiti). Madankollu, l-obbligazzjonijiet jistgħu jkunu indikaturi anqas effettivi tal-grad ta’ riskju;
  • il-profitti u l-bonusijiet jistgħu jintużaw bħala referenza sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-imposti
  • L-arranġamenti ta’ finanzjament għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:
    • jevitaw kwalunkwe arbitraġġ possibbli;
    • jirriflettu r-riskji xierqa;
    • jieħdu f’kunsiderazzjoni n-natura sistemika ta’ ċerti entitajiet finanzjarji;
    • ikunu bbażati fuq l-ammonti possibbli li jistgħu jintefqu jekk ir-riżoluzzjoni ssir neċessarja;
    • jevitaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

X’mezzi ta’ governanza għandhom jintużaw għall-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja?

  • Il-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja għandhom jibqgħu separati mill-baġit nazzjonali u jkunu ddedikati għall-ispejjeż tar-riżoluzzjoni biss.
  • Il-ġestjoni ta’ dawn il-fondi għandha taqa’ taħt il-kariga tal-awtoritajiet responsabbli għar-riżoluzzjoni ta’ entitajiet finanzjarji filwaqt li jaġixxu bħala korpi eżekuttivi indipendenti.
  • L-użu tal-fondi ta’ riżoluzzjoni għandu jirrispetta wkoll ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat.
  • Il-Kummissjoni kellha l-għan li tadotta proposti leġiżlattivi għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet u għall-fondi ta’ riżoluzzjoni sa kmieni fl-2011.

Il-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja kif jistgħu jiġu integrati f’qafas ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja?

  • Il-Kummissjoni pproponiet it-tisħiħ tar-rekwiżiti kapitali u r-riforma tas-superviżjoni finanzjarja fi ħdan l-UE. Fittxet li ssaħħaħ l-iskema ta' garanzija tad-depożiti u l-governanza korporattiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji.
  • Il-Kummissjoni fittxet ukoll li timplimenta miżuri preventivi sabiex ittaffi r-riskji ta’ fallimenti ta’ banek u sabiex tnaqqas il-garanziji impliċiti assoċjati mal-istituzzjonijiet meqjusin “kbar wisq biex ifallu”.
  • Il-Kummissjoni ppjanat ukoll sabiex f’Ottubru 2010 tadotta pjan direzzjonali fuq qafas Ewropew għall-ġestjoni ta’ kriżijiet. L-għan tal-pjan propost huwa li jagħmel għodod komuni, li jippermettu li tittieħed azzjoni fil-pront u effettiva f’każ ta’ fallimenti ta’ banek, disponibbli għall-pajjiżi tal-UE. Dawn il-miżuri ma għandhomx jinvolvu spejjeż għall-kontribwenti.
  • Huma proposti għodod li jikkumplimentaw l-azzjoni tal-fondi ta’ riżoluzzjoni:
    • pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni;
    • konverżjonijiet ta’ dejn f'ekwità .

Id-definizzjoni ta’ approċċ komuni għall-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja

  • Għandu jiġi ddefinit approċċ Ewropew u globali fir-rigward tal-ħolqien ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja.
  • B’din il-miżura l-ġdida, l-awtoritajiet nazzjonali se jibqgħu responsabbli għas-superviżjoni ta’ kuljum, u din għandha tkun sostnuta minn regoli solidi intra-UE li jkunu lesti sabiex jindirizzaw il-kriżijiet possibbli.
  • L-ewwel pass f’dan l-approċċ komuni kien li tiġi stabbilita sistema bbażata fuq netwerk armonizzat ta’ fondi nazzjonali relatati ma’ sett ta’ arranġamenti koordinati għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet. Din is-sistema kellha tiġi rieżaminata sal-2014 bl-għan li jinħolqu arranġamenti integrati tal-UE għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet u għas-superviżjoni, kif ukoll fond tal-UE għar-riżoluzzjonijiet fuq żmien itwal.

L-iżviluppi wara l-2010

Wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet sensiela ta’ proposti leġiżlattivi sabiex tindirizza r-riżoluzzjoni bankarja. Fl-2014, l-UE adottat:

  • Id-Direttiva 2014/49/UE dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti sabiex tipproteġi lid-depożitanti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.
  • Id-Direttiva 2014/59/UE li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-UE. Dan jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ banek u ta’ ditti ta’ investiment inadempjenti.

SFOND

Sabiex jimmitigaw il-fallimenti ta’ banek ikkaġunati mill-kriżi finanzjarja ta’ Ottubru 2008, il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE pprovdew għajnuna mill-Istat sabiex jgħinu lis-settur finanzjarju. Din l-għajnuna affettwat b’mod konsiderevoli lill-kontribwenti u żiedet id-dejn pubbliku tal-pajjiżi tal-UE. Il-ħolqien ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni għandu jipprevjeni milli fil-futur jerġa’ jsir rikors għal għajnuna mill-istat għar-riżoluzzjoni ta’ fallimenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew — Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja (COM(2010) 254 final, 26.5.2010)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 149-178)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/49/UE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 190-348)

Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, pp. 1-90)

l-aħħar aġġornament 20.02.2017

Top