EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu — regoli tal-approvazzjoni tat-tip

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 79/2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-fabbrikazzjoni għal vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu li jintużaw biex iġorru passiġġieri u prodotti u għall-komponenti u s-sistemi tagħhom.

PUNTI EWLENIN

  • Il-manifatturi għandhom:
    • juru li l-vetturi kollha ġodda li jaħdmu bl-idroġenu, mibjugħa, reġistrati jew imdaħħla fis-servizz fl-UE u l-partijiet komponenti tagħhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni
    • jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni b’informazzjoni xierqa dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-vetturi u l-kundizzjonijiet tat-test
    • jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għal meta komponenti u sistemi tal-idroġenu jiġu spezzjonati waqt is-servis tal-vetturi.
  • Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-komponenti u sistemi tal-idroġenu
    • jistgħu jifilħu għal kundizzjonijiet operattivi elettriċi, mekkaniċi, termali u kimiċi mingħajr ma jnixxu jew jiddeformaw viżibbilment
    • ikunu protetti kontra pressjonijiet għolja żżejjed
    • ikunu jifilħu b’mod affidabbli għat-temperaturi u l-pressjonijiet mistennija matul it-tul mistenni tal-ħajja tagħhom
    • ikunu ddisinjati b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu installati u protetti mill-ħsara.
  • Il-leġiżlazzjoni fiha proċeduri ta’ ttestjar speċifiċi għal tipi differenti ta’ kontenituri u komponenti tal-idroġenu.
  • Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-awtorità tadotta miżuri implimentattivi bħar-regoli dettaljati għat-testijiet varji u l-informazzjoni li l-manifatturi għandhom jipprovdu.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-24 ta’ Frar 2011.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 35, 4.2.2009, p. 32–46)

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 406/2010 tas-26 ta’ April 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu (ĠU L 122, 18.5.2010, p. 1–107). L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 406/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2012 tat-12 ta’ Lulju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur li jużaw l-idroġenu u taħlitiet ta' idroġenu u gass naturali bħala fjuwil fir-rigward ta' emissjonijiet, u l-inklużjoni ta' informazzjoni speċifika dwar vetturi mgħammra b'power train elettrika fid-dokument ta' informazzjoni għall-għan tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE (ĠU L 182, 13.7.2012, p. 14–26)

l-aħħar aġġornament 21.03.2016

Top