Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Flus elettroniċi: in-negozju u s-superviżjoni prudenzjali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Flus elettroniċi: in-negozju u s-superviżjoni prudenzjali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/110/KE — in-negozju u s-superviżjoni tal-flus elettroniċi

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

  • Id-direttiva dwar il-flus elettroniċi (EMD) tistabbilixxi r-regoli dwar in-negozju u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta-flus elettroniċi* (e-money) sabiex tikkontribwixxi għall-emerġenza ta’ suq uniku reali għas-servizzi tal-flus elettroniċi fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Din għandha wkoll l-għan li tiżgura l-konsistenza mad-direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas (Direttiva 2007/64/KE, magħrufa bħala l-PSD), u b’hekk tikkontribwixxi għas-suq uniku tal-UE għal ħlasijiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi, in-negozju u l-ekonomija usa’ tal-UE.

PUNTI EWLENIN

B’mod ġenerali, l-EMD għandha l-għan li:

  • tiffaċilita l-emerġenza ta’ servizzi ta’ flus elettroniċi ġodda, innovattivi u sikuri;
  • tipprovdi aċċess għas-suq għal kumpaniji ġodda;
  • tħeġġeġ il-kompetizzjoni effettiva bejn il-parteċipanti kollha fis-suq.

Speċifikament, din timmodernizza r-regoli tal-UE dwar il-flus elettroniċi, b’mod partikolari billi tallinja s-sistema prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi* mar-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet tal-ħlas fil-PSD.

Hija tintroduċi rekwiżiti prudenzjali proporzjonati sabiex tiffaċilita l-aċċess għas-suq għal atturi ġodda. Dan jinkludi t-tnaqqis tar-rekwiżit ta’ kapital inizjali għal EUR 350 000 u regoli ġodda dwar il-kalkolu tal-fondi proprji.

L-istituzzjonijiet koperti mill-EMD jinkludu l-banek, istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, il-Bank Ċentrali Ewropew u banek ċentrali nazzjonali.

L-attivitajiet li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi huma permessi jwettqu jinkludu l-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas u l-għoti ta’ kreditu relatat ma’ dawn il-pagamenti.

F’Ottubru 2015, l-UE adottat direttiva ġdida dwar is-servizzi ta’ ħlas magħrufa bħala l-PSD2. Din tirrevoka d-Direttiva 2007/64/KE b’effett mit-13 ta’ Jannar 2018. Il-PSD2 għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà, twessa’ l-għażla tal-konsumaturi u li tlaħħaq mal-innovazzjoni.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din tapplika mit-30 ta’ Ottubru 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-30 ta’ April 2011.

SFOND

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-flus elettroniċi

TERMINI EWLENIN

* Flus elettroniċi huma l-alternattiva diġitali għall-flus kontanti, li jippermettu lill-utenti jaħżnu fondi fuq apparat (kard jew telefown) jew permezz tal-Internet u li jagħmlu tranżazzjonijiet ta’ ħlas.

* Istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi huma organizzazzjonijiet li ġew awtorizzati joħroġu flus elettroniċi.

ATT

Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7–17)

ATTI RELATATI

Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1–36). L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2007/64/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35–127)

l-aħħar aġġornament 21.03.2016

Top