Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà

 

SOMMARJU

Regoli speċifiċi dwar l-akkwist għas-setturi tad-difiża u s-sigurtà huma neċessarji sabiex jinfetħu s-swieq tad-difiża tal-UE mingħajr ma jitpoġġew f’riskju l-interessi leġittimi tas-sigurtà tal-pajjiżi tal-UE. Din id-Direttiva żżid il-kompetizzjoni u t-trasparenza f’dawn is-setturi, sabiex b’hekk tagħti ċ-ċans lill-kumpaniji Ewropej jitfgħu offerti għal aktar kuntratti li jirrigwardjaw id-difiża u s-sigurtà madwar l-UE kollha.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi r-regoli tal-UE dwar l-akkwist, adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-setturi tad-difiża u s-sigurtà.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni: id-Direttiva tapplika, fil-prinċipju, għall-kuntratti kollha għall-akkwist ta’ tagħmir militari, xogħlijiet u servizzi u għax-xirjiet sensittivi kollha li għandhom skop ta’ sigurtà u li jinvolvu informazzjoni klassifikata.

Il-pajjiżi tal-UE jżommu d-dritt, skont l-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jeżentaw il-kuntratti minn din id-Direttiva. Dan huwa meħtieġ sabiex huma jkunu jistgħu jipproteġu l-interessi essenzjali tagħhom fir-rigward tas-sigurtà.

Ċerti tipi speċifiċi ta’ kuntratti huma esklużi mid-Direttiva. Dawn jinkludu:

kuntratti mogħtija għal attivitajiet ta’ intelliġenza jew konnessi mal-istazzjonar tat-truppi, mogħtija skont ir-regoli tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtru għal dawn il-finijiet

kuntratti mogħtija minn gvern wieħed lil ieħor b’rabta mal-provvista ta’ tagħmir militari jew sensittiv.

Id-Direttiva tippermetti proċeduri ta’ reviżjoni (jiġifieri l-possibbiltà għal offerent* li jikkontesta l-għoti ta’ kuntratt lil offerent ieħor) immirati biex jipprovdu protezzjoni legali tal-offerenti involuti. Il-proċeduri jinkoraġġixxu wkoll it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fl-għoti tal-kuntratti mingħajr ma tiġi kompromessa l-ħtieġa tal-pajjiżi tal-UE għall-kunfidenzjalità.

Id-Direttiva hija relatata mad-Direttiva 2009/43/KE dwar it-trasferimenti fl-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża. It-trasferimenti ssimplifikati ta’ prodotti relatati mad-difiża bejn il-pajjiżi tal-UE garantiti mid-Direttiva 2009/43/KE huma neċessarji għall-funzjonament xieraq tas-sejħiet għall-offerti transkonfinali.

F’Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan direzzjonali għal miżuri intiżi biex isaħħu s-Suq Uniku tal-UE u jippromwovu l-kompetizzjoni fis-settur tad-difiża. Il-pjan direzzjonali għandu l-għan li jimplimenta l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-difiża u s-sigurtà ta’ Lulju 2013. Il-miżuri ppjanati jinkludu l-emendar tad-Direttiva sabiex jiġu indirizzati aħjar id-distorsjonijiet tas-suq li jifdal u tittejjeb is-sigurtà tal-provvista ta’ tagħmir militari u sensittiv bejn il-pajjiżi tal-UE.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Awwissu 2009 u kellha tiġi inkorporata fil-liġi nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sal-21 ta’ Awwissu 2011.

SFOND

Il-Politika Industrijali tad-Difiża Ewropea

TERMINI EWLENIN

* Offerent: organizzazzjoni jew konsorzju li tissottometti/jissottometti offerta b’reazzjoni għal sejħa għall-offerti.

ATT

Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2009/81/KE

21.8.2009

21.8.2011

ĠU L 216, 20.8.2009, pp. 76–136

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2009/81/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija għal referenza biss.

ATTI RELATATI

Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1–36). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 19.10.2015

Top