EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-bejgħ bin-nieqes ta’ titoli

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jfittex li jirregola ċerti aspetti tal-bejgħ bin-nieqes* u swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (CDS)* fl-Unjoni Ewropea.
  • Jintroduċi:
    • rekwiżiti uniformi ta’ trasparenza għall-maniġers tal-investiment; u
    • setgħat ġodda għar-regolaturi finanzjarji fil-pajjiżi tal-UE u għall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-swieq (ESMA) biex jintużaw f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali* fejn ikun hemm theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament:

  • ikopri t-tipi kollha ta’ strumenti finanzjarji, b’mod partikolari l-ishma elenkati fl-UE, id-derivattivi u t-titoli ta’ dejn sovran (self maħruġ mill-gvernijiet);
  • jistabbilixxi regoli stretti fuq il-bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-CDSb’mod proporzjonali għar-riskji assoċjati magħhom, inkluż:
    • miżuri biex jipprevjenu bejgħ bin-nieqes “skopert”* ta’ ishma u self maħruġa mill-gvernijiet,
    • projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet CDS “skoperti” (inkluż fuq dejn sovran);
  • jistabbilixxi rekwiżiti ta’ divulgazzjoni — il-maniġers tal-investiment għandhom jiżvelaw ċerti tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes lill-awtoritajiet kompetenti — filwaqt li tranżazzjonijiet akbar, ’il fuq minn ċertu livell limitu, għandhom jiġu żvelati pubblikament lis-swieq;
  • jagħti, f’perjodi ta’ instabbiltà finanzjarja eċċezzjonali f’pajjiż tal-UE jew fl-UE kollha kemm hi, setgħat temporanji lill-awtoritajiet kompetenti biex jirrikjedu trasparenza akbar jew jimponu restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes u CDS;
  • jagħti lill-ESMA:
    • rwol ewlieni ta’ koordinazzjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura meħuda tkun meħtieġa u proporzjonata,
    • is-setgħa li jittieħdu miżuri fejn is-sitwazzjoni għandha implikazzjonijiet transfruntiera.

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 827/2012 jistabbilixxi standards tekniċi rigward:
    • il-mezzi għad-divulgazzjoni pubblika tal-pożizzjoni netta f’ishma;
    • Il-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-ESMA fir-rigward tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti;
    • it-tipi ta’ ftehimiet, arranġamenti u miżuri biex jiġi żgurat b’mod adegwat li l-ishma jew l-istrumenti ta’ dejn sovran ikunu disponibbli għas-saldu; u
    • id-dati u l-perjodu għad-determinazzjoni taċ-ċentru prinċipali għal sehem.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 826/2012 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012 rigward:
    • l-istandards tekniċi dwar rekwiżiti ta’ notifika u divulgazzjoni fir-rigward ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti;
    • id-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-ESMA fir-rigward tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti; u
    • il-metodu biex jiġi kkalkulat il-fatturat biex jiġu ddeterminati l-ishma eżentati.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 826/2012 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012 rigward:
    • definizzjonijiet;
    • kalkolu ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti, CDS sovrani koperti, limiti ta’ notifika, limiti ta’ likwidità għas-sospensjoni ta’ restrizzjonijiet, tnaqqis sinifikanti fil-valur ta’ strumenti finanzjarji u avvenimenti avversi.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 919/2012 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012 rigward l-istandards tekniċi għall-kalkolu tal-waqgħa fil-valur għal ishma likwidi u strumenti finanzjarji oħra.

Pandemija tal-COVID-19 — deċiżjonijiet tal-ESMA

  • Fis-16 ta’ Marzu 2020, wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u minħabba t-theddida serja li rriżultat għall-fiduċja fis-suq fl-UE, l-ESMA ħarġet deċiżjoni (id-Deċiżjoni (UE) 2020/525 — ESMA) li temporanjament tirrikjedi li d-detenturi ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti f’ishma nnegozjati f’suq regolat mill-UE jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti jekk il-pożizzjoni tilħaq jew taqbeż il-0.1 % tal-kapital azzjonarju maħruġ wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni. Din id-deċiżjoni kienet valida għal 3 xhur.
  • Fl-10 ta’ Ġunju 2020, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1123 — ESMA ġiet adottata biex testendi d-deċiżjoni oriġinali bi 3 xhur sas-17 ta’ Settembru 2020.
  • Fis-16 ta’ Settembru 2020, ittieħdet deċiżjoni oħra, li testendi dik preċedenti sat-18 ta’ Diċembru 2020.
  • Fis-16 ta’ Diċembru 2020 ittieħdet deċiżjoni ulterjuri. Din ser tibda tapplika mid-19 ta’ Diċembru u testendi d-deċiżjoni preċedenti għal perjodu ta’ 3 xhur sad-19 ta’ Marzu 2021.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Novembru 2012.

SFOND

Fi żminijiet ta’ nuqqas ta’ stabbiltà finanzjarja, ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji bħall-bejgħ bin-nieqes u CDS iġibu magħhom ir-riskju li jaggravaw kwalunkwe nżul dejjem ’l isfel fil-prezzijiet tal-ishma, speċjalment f’istituzzjonijiet finanzjarji, u b’hekk jheddu l-vijabbiltà tagħhom u joħolqu riskji għas-sistema finanzjarja kollha kemm hi. Tali nuqqas ta’ stabbiltà fis-swieq finanzjarji jista’ jkollu effetti fuq l-ekonomija reali.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Bejgħ bin-nieqes: tranżazzjoni fejn istituzzjoni finanzjarja tbigħ prodott finanzjarju li tkun issellfet, bl-għan li tixtrih lura aktar tard. L-istituzzjoni tittama li sadanittant il-prezz tal-prodott ikun naqas, għalhekk ikollha tħallas inqas mill-prezz li tkun kisbet mill-bejgħ.
Swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (CDS): derivattivi riskjużi ħafna, mhux irregolati.
Ċirkostanzi eċċezzjonali: fil-kuntest ta’ din id-Regolament:
  • ikun hemm avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fil-pajjiż tal-UE kkonċernat jew f’pajjiż wieħed jew aktar tal-UE; u
  • il-miżura hija meħtieġa biex tiġi indirizzata t-theddida u mhux se jkollha effett detrimentali fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, li huwa sproporzjonat għall-benefiċċji tagħha.
Bejgħ bin-nieqes skopert: meqjus bħala aktar riskjuż mill-bejgħ bin-nieqes normali — meta l-bejjiegħ lanqas biss ikun issellef il-prodott finanzjarju fl-ewwel lok.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, pp. 1-24)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 236/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (UE) 2020/525 tas-16 ta’ Marzu 2020 li tirrikjedi li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom pożizzjonijiet qosra netti jbaxxu temporanjament il-livelli limiti ta’ notifika ta’ pożizzjonijiet qosra netti fir-rigward tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpaniji li l-ishma tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq regolat li jaqbeż ċertu livell limitu biex jinnotifikaw l-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 116, 15.4.2020, p. 513)

Ir-Regolament (UE) 2016/1033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (ĠU L 175, 30.6.2016, pp. 1-7)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 918/2012 tal-5 ta’ Lulju 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu fir-rigward tad-definizzjonijiet, il-kalkolu ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti, swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovrani koperti, livelli limitu ta’ notifika, livelli limitu ta’ likwidità għas-sospensjoni tar-restrizzjonijiet, waqgħat sinifikanti fil-valur tal-istrumenti finanzjarji u avvenimenti avversi (ĠU L 274, 9.10.2012, pp. 1-15)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 919/2012 tal-5 ta’ Lulju 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-metodu tal-kalkolu tal-waqgħa fil-valur għal ishma likwidi u strumenti finanzjarji oħra (ĠU L 274, 9.10.2012, pp. 16-17)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 827/2012 tad-29 ta’ Ġunju 2012 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-mezzi għad-divulgazzjoni pubblika ta’ pożizzjoni netta f’ishma, il-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fir-rigward tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti, it-tipi ta’ ftehimiet, arranġamenti u miżuri li jiżguraw b’mod xieraq li ishma jew strumenti ta’ dejn sovran huma disponibbli għas-saldu u d-dati u l-perjodu għad-determinazzjoni taċ-ċentru ewlieni għal sehem skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 251, 18.9.2012, pp. 11-18)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 826/2012 tad-29 ta’ Ġunju 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti tan-notifika u d-divulgazzjoni fir-rigward tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti, id-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi provduta lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fir-rigward tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti u l-metodu għall-kalkolu tal-fatturat li jiddetermina l-ishma eżentati (ĠU L 251, 18.9.2012, pp. 1-10)

l-aħħar aġġornament 02.12.2020

Top