EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-trademark tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2017/1001 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi regoli u kundizzjonijiet applikabbli mal-UE kollha għall-għoti ta’ trademark tal-UE.

Huwa jikkodifika u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 u l-bosta emendi suċċessivi tiegħu.

PUNTI EWLENIN

Trademark tal-UE

Kwalukwe persuna jew kumpanija, inklużi l-awtoritajiet stabbiliti skont il-liġi pubblika, tista’ tikseb trademark tal-UE permezz ta’ reġistrazzjoni.

Din tista’ tikkonsisti fi kwalunkwe sinjal, b’mod partikolari kliem (inklużi ismijiet personali), disinji, ittri, numri, il-forma tal-prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jkunu kapaċi:

  • jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ negozju wieħed minn dawk ta’ ieħor; u
  • ikunu rappreżentati fir-reġistru tat-trademarks b’tali mod li l-pubbliku u l-awtoritajiet ikunu jafu eżattament is-suġġett li qed jiġi protett.

Id-drittijiet tal-proprjetarju

Dan jagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi, li jipprojbixxu lil partijiet terzi milli jużaw kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin għal skopijiet kummerċjali:

  • kwalunkwe sinjal li huwa identiku għat-trademark tal-UE fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trademark tal-UE hija rreġistrata;
  • kwalunkwe sinjal fejn hemm probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trademark oħra;
  • kwalunkwe sinjal li huwa identiku jew li jixbah lit-trademark tal-UE fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li mhumiex simili għal dawk li għalihom it-trademark tal-UE hija rreġistrata, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal jieħu vantaġġ mir-reputazzjoni u l-karattru distintiv tat-trademark.

Madankollu, il-proprjetarju tat-trademark tal-UE ma jistax jipprojbixxi lil partijiet terzi milli jużaw dawn li ġejjin għal skopijiet kummerċjali:

  • l-isem jew l-indirizz tal-proprjetarju stess;
  • indikazzjonijiet dwar karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi bħalma huma t-tip, il-kwalità jew il-kwantità;
  • it-trademark fejn huwa meħtieġ li tindika l-iskop maħsub ta’ prodott jew servizz, bħala aċċessorji jew parts tal-bdil.

Applikazzjoni

L-applikanti jeħtiġilhom jippreżentaw applikazzjoni għal trademark tal-UE mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

L-applikazzjoni irid ikun fiha l-informazzjoni li ġejja:

  • talba għar-reġistrazzjoni ta’ trademark tal-UE,
  • informazzjoni li tidentifika l-applikant,
  • lista tal-prodotti jew is-servizzi li fir-rigward tagħhom hija mitluba r-reġistrazzjoni,
  • rappreżetazzjoni tat-trademark.

L-applikanti jeħtiġilhom iħallsu wkoll miżata għall-applikazzjoni. Il-miżata tal-applikazzjoni trid titħallas fi żmien xahar mid-data tal-preżentazzjoni - id-data li fiha d-dokumenti huma ppreżentati quddiem l-EUIPO.

Reġistrazzjoni

  • Ladarba l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata, l-EUIPO se jeżamina jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-għoti ta’ trademark tal-UE.
  • Il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni se tippermetti lil partijiet terzi li jopponu l-għoti tat-trademark biex jagħmlu dan, fuq il-bażi ta’ drittijiet preċedenti, fi proċedimenti tal-oppożizzjoni.
  • Jekk l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji kollha meħtieġa u ma ssir u tiġi aċċettata ebda oppożizzjoni, imbagħad tiġi ppubblikata r-reġistrazzjoni tat-trademark.

Tul u tiġdid

  • It-trademarks tal-UE huma rreġistrati għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.
  • Ir-reġistrazzjoni tista’ tiġi mġedda għal perjodi ulterjuri ta’ 10 snin. L-applikazzjoni għat-tiġdid trid tiġi ppreżentata 6 xhur qabel it-tmiem tal-validità tar-reġistrazzjoni.

Ċediment, revoka u invalidità

Trademark tal-UE tista’ tiġi ċeduta fir-rigward ta’ wħud jew mill-prodotti jew is-servizzi kollha li għalihom hija rreġistrata. Id-drittijiet tal-proprjetarju jistgħu wkoll jiġu revokati jekk:

  • it-trademark ma ġietx soġġetta għal użu ġenwin* fl-UE għal 5 snin;
  • it-trademark saret l-isem komuni għal prodott jew servizz;
  • it-trademark tista’ tqarraq bil-pubbliku dwar in-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi.

Ir-regolament jistabbilixxi wkoll ir-raġunijiet għall-invalidità tat-trademark. Dawn ir-raġunijiet jinkludu, pereżempju, każijiet fejn l-applikant aġixxa in mala fede meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trademark.

Marki kollettivi tal-UE

Meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, huwa possibbli li trademark tal-UE tintgħażel bħala kollettiva. Dawn li ġejjin huma awtorizzati biex jippreżentaw marki kollettivi tal-UE - assoċjazzjonijiet ta’:

  • manifatturi;
  • produtturi;
  • fornituri ta’ servizzi;
  • kummerċjanti;
  • persuni ġuridiċi rregolati mil-liġi pubblika.

Marki ta’ ċertifikazzjoni tal-UE

Huwa wkoll possibbli litrademark tal-UE tintgħażel bħala marka ta’ ċertifikazzjoni. Il-proprjetarju ta’ din il-marka jiċċertifika l-materjal, il-mod ta’ manifattura tal-prodotti jew il-prestazzjoni ta’ servizzi, il-kwalità, ill-preċiżjoni jew karatteristiċi oħra (eskluża l-oriġini ġeografika) tal-prodotti u s-servizzi ċċertifikati.

Azzjoni legali

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 japplika għal proċedimenti relatati mat-trademarks tal-UE u applikazzjonijiet għal trademarks tal-UE, kif ukoll għal azzjonijiet simultanji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trademarks tal-UE u nazzjonali.

Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jinnominaw il-“qrati tat-trademarks tal-UE”. Dawn il-qrati għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fit-tilwim kollu dwar il-ksur u l-validità tat-trademarks tal-UE.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2017.

SFOND

L-EUIPO jissostitwixxi l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern mit-23 ta’ Marzu 2016 f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2424 li emenda r-Regolament (KE) Nru 207/2009 li t-tnejn li huma ġew issostitwiti bir-Regolament (UE) 2017/1001.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Użu ġenwin: jekk kumpanija tirreġistra trademark tal-UE, tużaha għal perjodu u mbagħad tieqaf tużaha għal perjodu kontinwu ta’ 5 snin, it-trademark tista’ tiġi revokata. Dan minħabba li m’hemm l-ebda valur fl-għoti ta’ protezzjoni lit-trademarks jekk dawn ma jkunux qed jintużaw u ma jkun hemm l-ebda interess li kumpanija oħra, li tista’ leġittimament tixtieq tuża t-trademark, ma titħallhiex tużaha.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, pp. 1-99)

l-aħħar aġġornament 13.02.2018

Top