Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
It-trade mark tal-Unjoni Ewropea

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

It-trade mark tal-Unjoni Ewropea

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi regoli u kundizzjonijiet applikabbli mal-UE kollha għall-għoti ta’ trade mark tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Trade mark tal-UE

  • Kwalunkwe persuna jew kumpanija, inklużi l-awtoritajiet stabbiliti permezz tal-liġi pubblika, jistgħu jiksbu trade mark tal-UE permezz tar-reġistrazzjoni.
  • Din tista’ tikkonsisti f'sinjal, b’mod partikolari kliem (inklużi ismijiet personali), disinji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jkunu kapaċi:
    • jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ negozju wieħed minn dawk ta’ ieħor; u
    • ikunu rappreżentati fuq ir-reġistru tat-trade marks b’tali mod li l-pubbliku u l-awtoritajiet ikunu jafu eżattament is-suġġett li qed jiġi protett.

Drittijiet tal-proprjetarju

Dan jagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi, li jipprojbixxu lil partijiet terzi milli jużaw kwalunkwe wieħed minn dawn imsemmija hawn taħt għal skopijiet kummerċjali:

  • kwalunkwe sinjal li huwa identiku għat-trade mark tal-UE fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tal-UE hija reġistrata;
  • kwalunkwe sinjal meta jkun hemm probabiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark oħra;
  • kull sinjal li huwa identiku għal, jew jixbah lit-trade mark tal-UE fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark tal-UE hija reġistrati, meta l-użu ta’ dak is-sinjal jieħu vantaġġ mir-reputazzjoni u l-karattru distintiv tat-trade mark.

Madankollu, il-proprjetarju tat-trade mark tal-UE ma jistax jipprojbixxi lil terzi persuni milli jużaw dawn li ġejjin għal skopijiet kummerċjali:

  • ismu jew l-indirizz tiegħu stess;
  • indikazzjonijiet li jikkonċernaw il-karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi bħat-tip, il-kwalità jew il-kwantità;
  • it-trade mark fejn dan huwa meħtieġ sabiex wieħed jindika l-għan intenzjonat tal-prodott jew servizz, bħala aċċessorji jew spare parts.

Applikazzjoni

L-applikanti għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal trade mark tal-UE lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni segwenti:

  • talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-UE;
  • informazzjoni li tidentifika lill-applikant;
  • lista ta’ prodotti jew servizzi li fir-rigward ta' liem ir-reġistrazzjoni hija mitluba
  • xbieha tat-trade mark.

L-applikanti jridu jħallsu wkoll dritt fuq l-applikazzjoni. Id-dritt fuq l-applikazzjoni jrid jitħallas fi żmien xahar mid-data tal-preżentata — id-data meta d-dokumenti jiġu ppreżentati l-Uffiċċju.

Reġistrazzjoni

  • Ladarba l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata, l-EUIPO se jeżamina jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-għoti ta’ trade mark tal-UE.
  • Il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni se tippermetti lil partijiet terzi li jopponu l-għoti tat-trade mark biex jagħmlu dan, fuq il-bażi ta’ drittijiet preċedenti, fi proċedimenti tal-oppożizzjoni.
  • Jekk l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji kollha meħtieġa u ma ssir u tiġi aċċettata ebda oppożizzjoni, imbagħad tiġi ppubblikata r-reġistrazzjoni tat-trade mark.

Tul ta’ żmien u tiġdid

  • It-trade marks tal-UE huma reġistrati għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.
  • Ir-reġistrazzjoni tista’ tiġi mġedda għal perjodi oħrajn ta’ għaxar snin. L-applikazzjoni għat-tiġdid trid tiġi ppreżentata sitt xhur qabel it-tmiem tal-validità tar-reġistrazzjoni.

Ċessjoni, revoka u invalidità

Trade mark tal-UE tista’ tiġi ċeduta fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata jew fir-rigward ta’ kollha. Id-drittijiet tal-proprjetarju jistgħu ukoll jiġu revokati jekk:

  • ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fl-UE għal ħames snin;
  • it-trade mark tkun saret l-isem komuni ta' prodott jew servizz;
  • it-trade mark tkun tista’ tqarraq bil-pubbliku fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew is-servizzi.

Ir-regolament jistabbilixxi wkoll raġunijiet ta’ invalidità tat-trade mark. Dawn ir-raġunijiet jinkludu, pereżempju, każijiet fejn l-applikant aġixxa morożament meta ppreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.

Il-marki kollettivi tal-UE

Meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, huwa possibbli li trade mark tal-UE tiġi indikata bħala kollettiva. Dawn li ġejjin huma awtorizzati jippreżentaw marki kollettivi tal-UE — assoċjazzjonijiet ta’:

  • manifatturi;
  • produtturi;
  • fornituri ta’ servizzi;
  • kummerċjanti;
  • persuni ġuridiċi regolati mil-liġi pubblika.

Il-marki ta’ ċertifikazzjoni tal-UE

Huwa possibbli wkoll li trade mark tal-UE tiġi indikata bħala marka ta’ ċertifikazzjoni. Il-proprjetarju ta’ tali marka jiċċertifika l-materjal, il-metodu ta’ manifattura tal-prodotti jew it-twettiq ta’ servizzi, il-kwalità, il-preċiżjoni jew karatteristiċi oħra (eskluża l-oriġini ġeografika) tal-prodotti jew is-servizzi ċertifikati.

Azzjoni legali

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 japplika għall-proċedimenti relatati ma’ trade marks tal-UE u applikazzjonijiet għal trade marks tal-UE, kif ukoll għal azzjonijiet simultanji u suċċessivi fuq il-bażi tat-trade marks tal-UE u dawk nazzjonali.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jinnominaw “qrati tat-trade marks tal-UE”. Dawn il-qrati għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fit-tilwim kollu li jirrigwarda l-vjolazzjoni u l-validità ta' trade marks tal-UE.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament japplika mit-13 ta’ April 2009.

SFOND

L-EUIPO jissostitwixxi lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern mit-23 ta’ Marzu 2016 b’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2424 li emenda r-Regolament (KE) Nru 207/2009.

Għal aktar informazzjoni, ara EUIPO — trade marks.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1–42)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 04.04.2016

Top