Help Print this page 
Title and reference
Aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu

L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jagħtu opinjonijiet indipendenti fir-rigward tal-affidabbiltà kreditizja ta’ entità, dejn jew obbligu finanzjarju, jew strument finanzjarju.

Il-klassifikazzjonijiet tagħhom jinfluwenzaw is-swieq u l-ekonomija.

ATT

Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (test b’rilevanza għaż-ŻEE).

SOMMARJU

L-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jirregola l-attività tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu bl-intenzjoni li jipproteġi lill-investituri u lis-swieq finanzjarji Ewropej mir-riskju ta’ prassi ħżiena. L-għan huwa li tiġi ggarantita l-indipendenza u l-integrità tal-proċess tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u li tittejjeb il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet maħruġa.

Ir-reġistrazzjoni, ir-regoli tal-kondotta u s-superviżjoni: sabiex jiġu rreġistrati fl-Unjoni Ewropea (UE), l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom:

  • jevitaw il-kunflitti ta’ interess: pereżempju, l-analisti tal-klassifikazzjoni tal-kreditu m’għandhomx jikklassifikaw entità li fiha huma jkunu parti interessata;
  • jiżguraw il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u l-metodi tal-klassifikazzjonijiet tagħhom;
  • jiżguraw livell għoli ta’ trasparenza: pereżempju, billi jippubblikaw rapport annwali dwar it-trasparenza.

Minn Lulju 2011, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) saret responsabbli biex tirreġistra l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u għandha setgħat superviżorji esklussivi fir-rigward ta’ dawn l-aġenziji.

Bidliet introdotti mir-regoli l-ġodda:

Inqas dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu

  • L-istituzzjonijiet finanzjarji u l-investituri huma meħtieġa jwettqu l-valutazzjoni tagħhom stess tar-riskji tal-kreditu u m’għandhomx jiddependu esklussivament jew awtomatikament fuq klassifikazzjonijiet esterni biex jivvalutaw l-affidabilità kreditizja ta’ entità jew strument finanzjarju.

Klassifikazzjonijiet ta’ kwalità aħjar fir-rigward tad-dejn sovran tal-pajjiżi tal-UE

  • L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jistabbilixxu skeda li tindika d-dati meta huma ser jikklassifikaw lill-pajjiżi tal-UE; dawn tal-aħħar ser jiġu kklassifikati mill-inqas darba kull sitt xhur.
  • Biex jiġi evitat it-tfixkil fis-suq, il-klassifikazzjonijiet jistgħu jiġu ppubblikati biss ladarba jagħlqu l-boroż tal-UE, u mill-inqas siegħa qabel jerġgħu jinfetħu.
  • L-investituri u l-pajjiżi tal-UE għandhom jiġu infurmati bil-fatti u s-suppożizzjonijiet wara kull klassifikazzjoni.

Żieda fir-responsabbiltà a tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu

  • Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tista’ tinżamm responsabbli jekk tikser ir-regolament, kemm intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, u b’hekk tikkawża ħsara lil investitur jew lil emittent.

Aktar indipendenza u inqas kunflitti ta’ interess

  • Regola ta’ rotazzjoni tobbliga lill-emittenti ta’ strumenti finanzjarji strutturati b’mod kumpless (rititolazzjonijiet) li jibdlu l-aġenzija darba kull erba’ snin.
  • L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jiżvelaw sitwazzjonijiet fejn azzjonist ikollu ħamsa % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tal-aġenzija u ħamsa % jew aktar ta’ entità kklassifikata minn dik l-aġenzija. Jekk dawn iż-żewġ parteċipazzjonijiet jilħqu jew jaqbżu l-għaxra %, l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ma jkollhiex id-dritt tiggrada lill-entità.
  • Hija pprojbita ż-żamma ta’ ħamsa % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot ta’ aktar minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu waħda, sakemm dawn l-aġenziji ma jkunux jappartjenu għall-istess grupp.

Il-klassifikazzjonijiet kollha disponibbli ser ikunu ppubblikati fuq Pjattaforma Ewropea tal-klassifikazzjoni, li ser tibda taħdem f’Ġunju 2015.

Sfond

Ir-regolament tal-UE dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jagħmel parti mill-inizjattivi mwettqin mill-Ewropa b’rispons għall-impenji assunti mill-G20 fis-Summit ta’ Washington f’Novembru 2008.

Aktar informazzjoni tinstab hawn taħt:

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 1060/2009

7.12.2009.

-

ĠU L 302 tas-17.11.2009

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 513/2011

1.6.2011.

-

ĠU L 145 tal-31.5.2011

Direttiva 2011/61/UE

21.7.2011.

22.7.2013.

ĠU L 174 tal-1.7.2011

Regolament (UE) Nru 462/2013

20.6.2013.

-

ĠU L 146 tal-31.5.2013

Direttiva 2014/51/UE

23.5.2014

31.3.2015

ĠU L 153 tas-22.5.2014

ATTI RELATATI

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 272/2012 tas-7 ta’ Frar 2012 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tariffi mitluba mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu (Ġurnal Uffiċjali L 90 tat-28.3.2012).

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 446/2012 tal-21 ta’ Marzu 2012 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kontenut u l-format tar-rapportar perjodiku tad-dejta dwar il-klassifikazzjonijiet li għandu jiġi sottomess lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (Ġurnal Uffiċjali L 140 tat-30.5.2012).

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2012 tal-21 ta’ Marzu 2012 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni tal-konformità tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (Ġurnal Uffiċjali L 140 tat-30.5.2012).

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 448/2012 tal-21 ta’ Marzu 2012 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għas-sottomissjoni tal-informazzjoni li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jagħmlu disponibbli f’repożitorju ċentrali stabbilit mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (Ġurnal Uffiċjali L 140 tat-30.5.2012).

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 449/2012 tal-21 ta’ Marzu 2012 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward standards tekniċi regolatorji dwar informazzjoni għar-reġistrazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (Ġurnal Uffiċjali L 140 tat-30.5.2012).

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 946/2012 tat-12 ta’ Lulju 2012 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura dwar multi imposti fuq l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq inklużi regoli dwar id-dritt tad-difiża u dispożizzjonijiet temporali (Ġurnal Uffiċjali L 282 tat-16.10.2012).

Direttiva 2013/14/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali, id-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza żejda fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu (Ġurnal Uffiċjali L 145 tal-31.5.2013):

L-għan ta’ din id-direttiva hija li tevita sitwazzjonijiet fejn l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali, kumpaniji ta’ ġestjoni u ta’ investiment UCITS, u maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi jiddependu esklużivament jew awtomatikament fuq klassifikazzjonijiet ta’ kreditu jew jużawhom bħala l-uniku kriterju għall-valutazzjoni tar-riskju.

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-fattibilità ta’ netwerk ta’ aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (COM(2014)0248 final)

Ir-rapport jivvaluta l-fattibilità ta’ netwerk ta’ aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fl-UE u l-mod kif netwerk bħal dan jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-aġenziji iżgħar biex jirrendihom parteċipanti iktar kompetittivi. Ir-rapport jissuġġerixxi li jiġi vvalutat il-valur miżjud ta’ netwerk ta’ aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fuq terminu medju u twil abbażi ta’ analiżi tal-effetti tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.

L-aħħar aġġornament: 25.09.2014

Top