Help Print this page 
Title and reference
Nissieltu kontra l-korruzzjoni

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Nissieltu kontra l-korruzzjoni

Din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tippreżenta modi kien insaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE u r-rieda politika fil-pajjiżi tal-UE biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni b’mod effettiv.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE (KUMM (2011) 308 finali) tas-6.6.2011).

SOMMARJU

Din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tippreżenta modi kien insaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE u r-rieda politika fil-pajjiżi tal-UE biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni b’mod effettiv.

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Tħabbar li rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni ser jiġi ppubblikat kull sentejn. Bl-użu ta’ dejta minn diversi sorsi, ir-rapport għandu l-għan li jidentifika x-xejriet u d-dgħjufijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex nissieltu aħjar kontra l-korruzzjoni.

Tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE biex jagħmlu użu mill-istrumenti eżistenti biex jindirizzaw il-korruzzjoni, bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa. Tħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi tal-UE biex jinkorporaw kif suppost il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-korruzzjoni fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Timpenja ruħha li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa permezz tal-parteċipazzjoni fil-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tagħha.

Tagħmel enfasi fuq l-importanza tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala parti prinċipali mill-politiki kollha tal-UE, kemm interni kif ukoll esterni. Internament, il-miżuri jinkludu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja msaħħa u regoli mmodernizzati dwar il-konfiska tal-assi kriminali. Esternament, il-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja l-politiki kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li jaspiraw lejn sħubija fl-UE kif ukoll tagħmel il-miżuri kontra l-korruzzjoni kundizzjoni biex tingħata għajnuna għall-iżvilupp.

RAPPORT DWAR IL-ĠLIEDA KONTRA L-KORRUZZJONI

L-ewwel rapport dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni tal-UE, maħruġ fi Frar 2014, fit-28 kapitolu ddedikati lill-pajjiżi tiegħu juri li hemm disparitajiet bejn il-pajjiżi tal-UE fin-natura u l-livell tal-korruzzjoni. Dan jiddedika kapitolu għall-vulnerabbiltà għall-korruzzjoni tal-akkwist pubbliku, kwistjoni li tirrikjedi attenzjoni speċjali.

Kull kapitolu dwar pajjiż jenfasizza x-xejriet u l-problemi tal-korruzzjoni, jirrikonoxxi l-prattika tajba, u jikkonkludi b’rakkomandazzjonijiet konkreti.

Ir-rapport jikkondividi wkoll ir-riżultati ta’ żewġ stħarriġiet li jevalwaw l-esperjenzi u l-perċezzjonijiet tal-korruzzjoni fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE. Kollox ma’ kollox, 76 % taċ-ċittadini tal-UE jikkunsidraw il-korruzzjoni bħala problema mifruxa fil-pajjiż tagħhom.

SFOND

Il-korruzzjoni hija kwistjoni madwar l-UE li tikkawża firxa wiesgħa ta’ problemi finanzjarji u soċjali. Minkejja li għandhom stabbiliti strumenti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-pajjiżi tal-UE ma kinux konsistenti fl-implimentazzjoni tagħhom.

TERMINI EWLENIN

Akkwist pubbliku: ix-xiri ta’ prodotti u servizzi minn awtorità pubblika, bħall-gvern nazzjonali jew lokali. 20 % tal-PDG tal-UE jintnefaq fuq l-akkwisti kull sena.

Aktar informazzjoni hija disponibbli mill-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea.

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) (KUMM (2011) 307 finali tas-6.6.2011).

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 li jwaqqaf il-grupp ta’ esperti dwar il-korruzzjoni (2011/C 286/03) (ĠU C 286 tat-30.9.2011, p. 4-11).

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni (COM(2014) 38 final tat-3.2.2014).

L-aħħar aġġornament: 02.01.2015

Top