Help Print this page 
Title and reference
L-oriġini ġeografika tax-xorb alkoħoliku

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

L-oriġini ġeografika tax-xorb alkoħoliku

Sabiex tipproteġi lill-konsumaturi u tiżviluppa s-settur tax-xorb alkoħoliku*, l-Unjoni Ewropea (UE) ħolqot qafas legali li jiżgura regoli uniformi għall-UE kollha dwar il-kummerċjalizzazzjoni tax-xorb alkoħoliku.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb alkoħoliku u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89

SOMMARJU

Sabiex tipproteġi lill-konsumaturi u tiżviluppa s-settur tax-xorb alkoħoliku*, l-Unjoni Ewropea (UE) ħolqot qafas legali li jiżgura regoli uniformi għall-UE kollha dwar il-kummerċjalizzazzjoni tax-xorb alkoħoliku.

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi r-regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar tax-xorb alkoħoliku, kif ukoll il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. Huwa japplika għax-xorb alkoħoliku kollu, kemm dak prodott fl-UE kif ukoll dak prodott f’pajjiżi terzi.

PUNTI EWLENIN

L-Anness II ta’ dan ir-Regolament jenfasizza 46 kategorija differenti għax-xorb alkoħoliku bi kwalitajiet differenti li għandu jkollha x-xarba alkoħolika sabiex tiġi inkluża fi kwalunikwe kategorija partikolari. Jekk ix-xarba alkoħolika jkun fiha kwalitajiet minn kategoriji differenti, mela allura din tkun tista’ tinbiegħ taħt waħda jew aktar mid-denominazzjonijiet tal-kategorija.

Ir-regoli ġenerali dwar il-preżentazzjoni u t-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel japplikaw għax-xorb alkoħoliku. Madankollu, f’dan ir-Regolament huma stipulati regoli speċifiċi dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni, bħat-tikkettar tal-materja prima użata, it-tfassil tal-parametri tat-terminu “taħlita”, l-indikazzjoni tal-perjodu ta’ maturazzjoni, il-projbizzjoni ta’ kapsuli bbażati fuq iċ-ċomb milli jintużaw bħala apparat li jagħlaq u l-iżgurar li t-tikkettar jiġi pprovdut b’lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-UE.

L-indikazzjoni ġeografika tidentifika xarba alkoħolika bħala li toriġina mit-territorju ta’ pajjiż, fejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari tkun attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħha.

Sabiex jirreġistraw indikazzjoni ġeografika, kemm il-pajjiżi tal-UE kif ukoll il-pajjiżi terzi għandhom jissottomettu applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea. L-applikazzjoni għandha tinkludi fajl tekniku b’diversi biċċiet ta’ informazzjoni, bħad-deskrizzjoni tax-xarba alkoħolika, id-definizzjoni taż-żona ġeografika, deskrizzjoni tal-metodu li jintuża sabiex tinkiseb ix-xarba alkoħolika, kwalunkwe rekwiżiti stipulati mid-dispożizzjonijiet reġjonali, nazzjonali jew Ewropej u l-isem u l-indirizz ta’ kuntatt tal-applikant.

Jekk ix-xarba alkoħolika ma tibqax tippossjedi l-karatteristiċi spjegati fid-dettall fil-fajl tekniku, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkanċella r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika.

TERMINI EWLENIN

* Xarbiet alkoħoliċi: xarbiet alkoħoliċi maħsuba għal konsum mill-bniedem. Minnhom infushom, huma jippossjedu kwalitajiet organolettiċi partikolari u għandhom qawwa alkoħolika minima ta’ 15%. Dawn jiġu prodotti permezz ta’ distillazzjoni, maċerazzjoni jew biż-żieda ta’ sustanzi tat-taħwir, jew inkella permezz tat-taħlit ta’ xarba alkoħolika ma’ xarba oħra, alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola jew ċerti distillati.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008

20.2.2008

-

ĠU L 39 tat-13.2.2008, p. 16-54

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008

20.1.2009

-

ĠU L 354 tal-31.12.2008, p. 34-50

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) 110/2008 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija għall-finijiet ta’ referenza biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 936/2009 tas-7 ta’ Ottubru 2009 li japplika diversi ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertu xorb alkoħoliku (ĠU L 264 tat-8.10.2009, p. 5-6)

l-aħħar aġġornament 02.10.2015

Top