EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet regoli komuni fir-rigward tas-swieq agrikoli. Dawn ir-regoli jikkonċernaw b'mod partikolari l-interventi pubbliċi fis-swieq, is-sistemi ta' kwoti u għajnuniet, ir-regoli ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' produzzjoni kif ukoll il-kummerċ ma' pajjiżi terzi.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ara l-atti emendatorji).

SOMMARJU

L-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli tistabbilixxi l-qafas ġuridiku stabbilit fuq livell Ewropew għal ċerti setturi agrikoli. Is-setturi agrikoli kkonċernati huma ddikjarati fl-Anness I u II ta' dan ir-Regolament.

L-Unjoni Ewropea b'hekk tipprovdi regoli komuni dwar il-ġestjoni tas-swieq agrikoli, ir-regoli ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli kif ukoll għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE).

SUQ INTERN

Intervent fis-suq

Sabiex tiġi żgurata l-istabilità tas-swieq u livell ta' għajxien sodisfaċenti għall-komunità agrikola, ġie stabbilit mekkaniżmu ta' sostenn tal-prezzijiet b'mod parallel mal-introduzzjoni ta' sistemi ta' appoġġ dirett.

Il-mekkaniżmu ta' appoġġ tal-prezzijiet jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta' kull settur agrikolu kif ukoll l-interdipendenza tagħhom. Il-miżuri jissarrfu fi:

  • interventi pubbliċi fis-swieq tal-prodotti agrikoli;
  • il-ħlas ta' għajnuniet għall-ħżin privat ta' ċereali, ross, zokkor, żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-ikel, ċanga u vitella, ħalib u prodotti tal-ħalib, laħam tal-majjal, tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

Miżuri ta' intervent partikolari

L-Unjoni Ewropea tista' tieħu miżuri eċċezzjonali sabiex issostni s-swieq li jinsabu fi kriżi. Dawn il-miżuri huma pereżempju meħtieġa f'każ fejn tinxtered marda tal-annimali jew f'każ ta' diżastru naturali li jkollu effetti fuq is-swieq agrikoli.

Sistemi ta' kwoti

Għaz-zokkor u l-ħalib, il-kwoti nazzjonali tal-produzzjoni huma ffissati. L-Istati Membri sussegwentement iqassmuhom fost l-impriżi produtturi. Dan ir-regolament jiddefinixxi b'mod partikolari l-modalitajiet tat-trasferiment tal-kwoti bejn diversi impriżi u l-ġestjoni tal-produzzjoni żejda. Dan jinkludi, fost affarijiet oħrajn, ħlasijiet lill-produtturi mill-Istati Membri.

Sistemi ta' għajnuna

Huma previsti wkoll għajnuniet għal dawn is-setturi:

  • iz-zokkor (miżuri ta' restituzzjoni tal-produzzjoni);
  • il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-ikel, il-frott u l-ħxejjex kif ukoll il-prodotti tat-trobbija tan-naħal;
  • il-programmi favur il-konsum ta’ frott jew ħalib fl-iskejjel;
  • is-settur tal-inbid u s-settur tax-xgħir;
  • il-produzzjoni tal-ħarir.

KUMMERĊJALIZZAZZJONI U PRODUZZJONI

Il-Kummissjoni tista' timponi standards ta' kummerċjalizzazzjoni għal ċerti prodotti agrikoli. Dawn ir-regoli jistgħu jirrigwardaw, pereżempju, il-kwalità tal-prodotti, l-ippakkjar tagħhom, il-ħżin jew it-trasport.

Dan ir-regolament jimponi regoli supplimentari għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti li jibbenefikaw minn tikketta ta' protezzjoni fis-settur tal-inbid. Dawn it-tikketti huma denominazzjonijiet ta' oriġini kkontrollati, indikazzjonijiet ġeografiċi u ismijiet tradizzjonali. Ir-regolament jiddeskrivi l-proċedura li permezz tagħha l-produtturi li jixtiequ jibbenefikaw minn tali tikketta għandhom jippreżentaw it-talba tagħhom.

Organizzazzjonijiet ta' produtturi u interprofessjonali

Dan ir-regolament jiffissa r-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-funzjonament ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom b'mod partikolari jippermettu li jitfassal programm komuni għall-produzzjoni u tas-setgħa li tiġi adattata d-domanda.

L-organizzazzjonijiet interprofessjonali mhumiex, fihom infushom, essenzjalment komposti minn produtturi. Dawn jistgħu jiġbru fi ħdanhom rappreżentanti ta' attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni, il-kummerċ jew l-ipproċessar tal-prodotti agrikoli. L-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandhom l-objettiv, b'mod partikolari, li jottimizzaw l-ispejjez tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti.

KUMMERĊ MA' PAJJIŻI TERZI

Fil-prinċipju, kull taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju kif ukoll kull restrizzjoni kwantitattiva jew miżura b'effett ekwivalenti hija pprojbita fil-kummerċ ma' pajjiżi terzi.

Importazzjonijiet

Il-Kummissjoni għandha l-fakultà li teżiġi l-preżentazzjoni ta' ċertifikati ta' importazzjoni għall-prodotti ta' ċerti setturi: ċereali, ross, zokkor, żrieragħ, żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-ikel, kittien u qanneb, frott u ħxejjex friski u pproċessati, banana, inbid, pjanti ħajjin, laħam taċ-ċanga, laħam tal-majjal, laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, laħam tat-tjur, ħalib u prodotti tal-ħalib, bajd u alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola.

Id-drittijiet tal-importazzjoni tat-tariffa doganali komuni japplikaw għal dawn il-prodotti, għalkemm dispożizzjonijiet partikolari huma previsti għal uħud minnhom. F'ċerti każijiet, id-drittijiet tal-importazzjoni jistgħu jiġu sospiżi jew jistgħu jiġu applikati drittijiet addizzjonali.

Dawn id-dispożizzjonijiet partikolari japplikaw b'mod partikolari għall-importazzjonijiet ta' taħlit ta' ċereali, ta' ross jew ta' ċereali u ross u d-dritt ta' importazzjoni huwa stabbilit skont il-kompożizzjoni tat-taħlita. Barra minn hekk, huwa stabbilit reġim preferenzjali għaz-zokkor u ċerti kundizzjonijiet għall-importazzjoni huma ffissati għall-qanneb u x-xgħir.

Barra dan, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi tariffi kundizzjonali għall-importazzjoni, jiġifieri limiti dwar il-volumi tal-merkanzija li jistgħu jiġu importati b'dazji mnaqqsa. It-tariffi kundizzjonali huma ġġestiti mill-Kummissjoni u amministrati b'mod sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni.

Esportazzjonijiet

Il-Kummissjoni tista' teżiġi l-preżentazzjoni ta' ċertifikati ta' esportazzjoni għall-prodotti tas-setturi taċ-ċereali, tar-ross, taz-zokkor, taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel, tal-frott u l-ħxejjex friski u pproċessati, tal-inbid u tal-laħam taċ-ċanga, tal-laħam tal-majjal, tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, tal-laħam tat-tjur, tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, tal-bajd u tal-alkoħol etiliku b'oriġini agrikola.

L-esportazzjoni ta' ċerti prodotti tista' tiġi appoġġata permezz ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li jkopru d-differenza bejn il-prezzijiet tas-suq dinji u dawk tal-UE. Dawn jistgħu jiġu differenzjati skont id-destinazzjoni u huma ffissati mill-Kummissjoni perjodikament, waqt li jittieħed f'kunsiderazzjoni l-iżvilupp tas-swieq tal-Unjoni u tas-swieq globali. Dispożizzjonijiet speċifiċi jirregolaw ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' xgħir, ċereali u laħam taċ-ċanga.

Il-ġestjoni ta' kundizzjonijiet ta' esportazzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u l-ipproċessar speċjali għall-importazzjoni minn pajjiżi terzi huma rregolati wkoll.

Kompetizzjoni

Id-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni japplika. Madankollu, jeżistu eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 176 tar-regolament li għalihom il-Kummissjoni tittollera ftehimiet jew prattiki miftiehma. Ir-regolament jipprevedi wkoll dan il-ġeneru ta' eċċezzjonijiet fis-setturi tal-frott u ħxejjex u tat-tabakk.

Barra minn hekk, ir-reġim Ewropew dwar l-għajnuna mill-Istat fil-prinċipju japplika għas-setturi agrikoli. Ir-regolament madankollu jipprovdi dispożizzjonijiet partikolari għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-ħalib u l-inbid.

Komitoloġija

Il-Kummissjoni hija assistita mill-kumitat ta' ġestjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (EN).

Kuntest

Qabel l-adozzjoni ta' dan ir-regolament, kull settur agrikolu kellu organizzazzjoni komuni tas-suq partikolari għalih. B'hekk fuq livell Ewropew kienu jeżistu għadd ta' organizzazzjonijiet tas-swieq agrikoli. Il-qafas ġuridiku preżenti jissimplifika u jgħaqqad id-diversi regolamenti li kienu jeżistu qabel.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) nru 1234/2007

23.11.2007

ĠU L 299, 16.11.2007

Att(i) emendatorju(i)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) nru 247/2008

26.3.2008

ĠU L76, 19.3.2008

Regolament (KE) nru 248/2008

20.3.2008

ĠU L 76, 19.3.2008

Regolament (KE) nru 361/2008

14.5.2008

ĠU L121, 7.5.2008

Regolament (KE) nru 470/2008

6.6.2008

ĠU L 140, 30.5.2008

Regolament (KE) nru 13/2009

16.1.2009

ĠU L 5, 9.1.2009

Regolament (KE) nru 72/2009

7.2.2009

ĠU L 30, 31.1.2009

Regolament (KE) nru 491/2009

24.6.2009

ĠU L 154, 17.6.2009

Regolament (KE) nru 1140/2009

30.11.2009

ĠU L 312, 27.11.2009

Regolament (UE) nru 1234/2010

1.1.2011

ĠU L 346, 30.12.2010

L-aħħar aġġornament: 04.03.2011

Top