Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Integrazzjoni tal-aspetti ambjentali fl-istandardizzazzjoni Ewropea

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Integrazzjoni tal-aspetti ambjentali fl-istandardizzazzjoni Ewropea

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (COM(2004) 130 final) - Integrazzjoni tal-Aspetti Ambjentali fl-Istandardizzazzjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

Din tfittex li tiżgura li l-aspetti ambjentali jiġu integrati b’mod aktar sistematiku fl-istandards Ewropej u li dawk kollha involuti fil-kompilazzjoni ta’ dawn l-istandards iqisu l-ħarsien tal-ambjent.

PUNTI EWLENIN

  • L-istandardizzazzjoni Ewropea tagħmilha possibbli biex jiġu applikati standards tekniċi armonizzati fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE). Għalhekk, din tiffaċilita l-kummerċ fis-suq uniku.
  • L-istandardizzazzjoni għandha rwol fil-formulazzjoni tal-politiki tal-UE u fit-tixrid tal-għarfien tekniku. Billi jintegraw l-aspetti ambjentali, l-istandards b'hekk jistgħu jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli u għall-politiki assoċjati tal-UE.

Żviluppi fl-istandardizzazzjoni Ewropea

  • L-istandards Ewropej huma dokumenti volontarji kkompilati minn organizzazzjonjiet tal-istandards Ewropej jew internazzjonali. Dan ix-xogħol huwa bbażat fuq proċess proattiv u fuq kunsens fost il-partijiet ikkonċernati kollha.
  • Il-proċess tal-kompilazzjoni tal-istandards isir skont l-approċċ il-ġdid għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni teknika.
  • L-istandardizzazzjoni tkopri numri ta’ setturi li dejjem qed jiżdied. Din titqies bħala għodda utli għall-ħarsien tal-ambjent, peress li hi:
    • għandha influwenza fuq il-mod ta’ kif il-prodotti u s-servizzi jħallu impatt fuq l-ambjent, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pjan ta’ azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari;
    • timplimenta metodi ta’ ttestjar standardizzati u metodi ta’ kejl sabiex tiffaċilita l-infurzar tal-leġislazzjoni ambjentali. Dan huwa l-każ għall-istandards orizzontali li jintużaw għas-simplifikazzjoni tal-kejl tal-livelli ta’ sustanzi niġġiesa fil-ħama, kif ukoll fil-ħamrija jew fil-bijoskart;
    • tippromwovi l-użu ta’ teknoloġiji ambjentali u tappoġġja inizjattivi li għandhom benefiċċji ambjentali. Pereżempju, l-istandardizzazzjoni tista’ tgħin fit-tqegħid fis-suq ta’ teknoloġiji bħal mikrokoġenerazzjoni li tagħmilha possibbli biex jiżviluppaw is-sħana u l-elettriku b’mod simultanju ġo bini;
    • tfassal standards ta’ ġestjoni ambjentali li għandhom l-għan li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tan-negozji, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) 14000 serje ta’ standards internazzjonali.
  • Il-ħila tal-Ewropa li toħloq standards ambjentali tista’ twassal għall-iżvilupp ta’ standards internazzjonali.

Standards ambjentali

  • Il-kwalità ambjentali tal-istandards li jiġu prodotti fl-UE tista’ titjieb. Tingħata wkoll attenzjoni partikolari fuq il-kwalità tal-istandards mfassla fil-pajjiżi aderenti. L-għan ewlieni huwa li:
    • jitjieb it-taħriġ ambjentali tal-esperti li jikkompilaw jew jirrevedu standards Ewropej u li l-partijiet ikkonċernati kollha jitħallew jingħataw aċċess għal informazzjoni ambjentali. Għandu jkun hemm inkoraġġiment lejn it-tixrid ta’ għarfien tekniku fil-livell Ewropew u nazzjonali;
    • jiġu stabbiliti prijoritajiet dwar is-suġġetti li għandhom jiġu indirizzati, filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet ta’ interess pubbliku relatati mal-politika ambjentali tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tuża l-mandat tal-istandardizzazzjoni Ewropea biex tidentifika dawn il-prijoritajiet:
    • tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet kollha kkonċernati mill-istandardizzazzjoni. Il-korpi tal-istandardizzazjoni Ewropea bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l- Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) jaħdmu abbażi ta’ delegazzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jappoġġjaw il-parteċipazzjoni mis-soċjetà ċivili u l-komunità xjentifika fil-proċess tat-tfassil tal-istandards. Il-Kummissjoni qed tipprova tilħaq l-istess objettiv billi taħdem flimkien mal-konsorzju ECOS tal-organizzazzjonijiet ambjentali;
    • tuża l-għodod b’mod sistematiku li jgħinu fl-integrazzjoni tal-aspetti ambjentali fl-istandardizzazzjoni. Se jsiru laqgħat regolari sabiex tiġi skambjata l-esperjenza u jiġi vvalutat il-progress li jkun sar.

Inċentivi

  • Il-Kummissjoni tixtieq tinkoraġġixxi l-użu sistematiku tal-aktar għodod ta’ integrazzjoni effettivi. Il-korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropea żviluppaw għodod speċifiċi bħal:
    • gruppi ta’ ħidma dedikati għall-ambjent;
    • bords konsultattivi tekniċi;
    • bażijiet ta’ data ambjentali;
    • gwidi settorjali u listi ta’ kontroll miktubin minn esperti għall-esperti.
  • Il-partijiet ikkonċernati fil-proċess tal-istandardizzazzjoni jsiru involuti b’mod volontarju. Sabiex tiġi żgurata l-profilerazzjoni tal-istandards ambjentali, huwa neċessarju li tiżdied ir-rilevanza tas-suq.

SFOND

  • Meta fl-2002, ġie adottat is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità , il-Kummissjoni pproponiet li l-ħarsien tal-ambjent għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni.
  • Din il-Komunikazzjoni tfasslet wara konsultazzjoni fuq l-Internet. Rappreżentanti minn negozji u industriji, NGOs, awtoritajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni kellhom l-opportunità jsemmgħu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-aħjar mod ta’ kif tittieħed azzjoni għall-ambjent.
  • Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija ċirkolari tenfasizza l-importanza tal-istandards biex jappoġġjaw il-ħolqien ta’ ekonomija aktar ċirkolari. B’mod partikolari, hemm bżonn li jiġu żviluppati standards f’numru ta’ oqsma ta’ prijorità, bħal
    • standards dwar l-effiċjenza fl-użu tal-materjal biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn,
    • standards għal materja prima sekondarja, kif ukoll dwar riċiklaġġ effiċjenti tal-materjal ta’ skart elettroniku, skart ta’ batteriji u prodotti oħra ta’ tmiem tal-ħajja kumplessi rilevanti.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Integrazzjoni tal-Aspetti Ambjentali fl-Istandardizzazzjoni Ewropea (COM(2004) 130 final, 25.2.2004)

DOKUMENTI RELATATI

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2002 dwar l-istandardizzazzjoni (ĠU C 66, 15.3.2002, p. 1-2)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Erwopew dwar l-azzjonijiet li ttieħdu wara r-riżoluzzjonijiet dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea adottata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew fl-1999 (COM(2001) 527 final, 26.9.2001)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari (COM(2015) 614 final, 2.12.2015)

l-aħħar aġġornament 22.02.2017

Top